Jintemm il-Valletta Summit …l-Afrikani mblukkaw parti dwar ħruġ ta' dokumenti tal-ivvjaġġar għal immigranti bla dokumenti
Mill-'kliem sabiħ'…..issa 'rridu
ngħaddu għall-fatti"
"Ma nistgħux ngħidu li ottimisti. Hemm ħafna kliem sabiħ. Issa rridu naraw li dak li ġie maqbul u li ġie kommess jitwettaq". "Hemm pjan ta' azzjoni u dikjarazzjoni li qed jolqtu direttament il-fenomenu tal-immigrazzjoni. Issa wieħed irid isegwi biex dak ġie deċiż verament iseħħ". "Mill-kliem issa rridu ngħaddu għall-fatti". Dawn kienu l-kummenti li għaddew għadd ta' għaqdiet non governattivi u umanitarji wara li ntemm il-Valletta Summit, għaqdiet li wara li nħareġ u ġie adottat b'mod unanimu l-pjan ta' azzjoni u d-dikjarazzjoni finali, donnu deher li ma baqgħux xettiċi daqs kemm kienu qabel is-summit. Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Dr. George Vella qalilna la jista' jgħid li hu ottimist u lanqas pessimist. Jekk ma sar xejn żgur li tajna imbutattura kbira lil dan il-fenomenu". Minn naħa tiegħu, l-Prim Ministru Joseph Muscat f'konferenza stampa fi tmiem is-summit iddikjara fil-Valletta Summit “żrajna ż-żerriegħa għal xi ħaġa li tista' tikber ħafna fuq tul ta' żmien.” Dr Muscat qal li l-Valletta Summit kien pass importanti ħafna 'l quddiem. Ħadd mhu qed jistenna li dan is-summit ikun il-“be all and end all” iżda għall-inqas iż-żewġ naħat tkellmu bejniethom u raw fejn jaqblu u ma jaqblux. Appella għal aktar koperazzjoni bejn l-Afrika u l-Ewropa u qal li l-migrazzjoni m'għandhiex titqies waħedha, għax l-Afrika għandha potenzjal qawwi ħafna f'oqsma oħra. Dwar it-Trust Fund, qal li l-flus fih qatt mhuma se jkunu biżżejjed iżda l-fond xorta waħda huwa pass kbir 'il quddiem. Dr Muscat kompla jgħid li għalkemm hu personalment jemmen li l-ħidma dwar l-immigrazzjoni bdiet tard u wara li kienu diġà mietu ħafna nies, huwa jħossu kburi li hu Ewropew għax l-Ewropa qed tagħmel xi ħaġa tanġibbli.
"Bla appoġġ proposta għal dokument għal
dawn bla passport biex jintbagħtu lura"
Rappreżentant ta' NGO's li tkellmu ma' L-ORIZZONT, qalulna li "x-xettiċiżmu li kien hemm inbidel u dan għax kliem li kien qed jindika b'mod ċar ripatrijazzjonijiet mill-Ewropa lejn l-Afrika għal immigranti bla dokumenti spiċċa tneħħa ma sabx l-appoġġ totali tal-pajjiżi Afrikani. Id-dokument li kienu nħarġu qabel kienu qed isemmu ripatrijazzjonijiet b'mod ċar għal dawk bla dokumenti. Kienu qed isemmu il-Laissez passer, li huma dokument ta' ivvjaġġar għal dawk bla dokument biex jintbagħtu lejn l-Afrika. Ma kienx hemm qbil minn naħa Afrikana. Din hi xi ħaġa pożittiva".
Id-dikjarazzjoni finali…..naqblu li l-ewwel
priorità hi li nsalvaw il-ħajjiet
Id-dikjarazzjoni finali tgħid li "ninsabu mħassbin ħafna miż-żieda fl-ammont ta' refuġjati, immigranti li qed jitolbu protezzjoni u immigranti irregolari, li qed ikunu suġġetti għal abbuż, esplojtazzjoni b'mod partikolari nisa u tfal b'telf inaċċettabbli ta' ħajjiet fid-deżert u fil-baħar. Din iż-żieda qed tpoġġi lil pajjiżi affettwati taħt pressjoni kbira. Naqblu li l-ewwel prijoritża hi li nsalvaw in-nies u li jsir dak kollu neċessarju biex ikunu protetti l-immigranti u dawk f'riskju li jitilfu ħajjithom".
"Naqblu li nirrispondu u li flimkien nitrattaw l-immigrazzjoni fl-aspetti kollha tagħha u nkunu gwidati mill-prinċipju tas-solidarjetà, sħubija u responsabbilità maqsuma. Intennu l-impenn tagħna li nirrispettaw l-obbligazzjonijiet internazzjonali u dak tad-drittijiet tal-bniedem. Rispett lejn id-dinjità tar-refuġjati, l-immigranti u l-protezzjoni tad-drittijiet umani, lil hinn mill-istatus tagħhom għandha tibqa' l-prijorità tagħna. Intennu l-impenn tagħna li niġġieldu kull forma ta' diskriminazzjoni, razziżmu u xenofobija. Qed niffaċċjaw - l-Ewropa u l-Afrika, sfidi komuni li qed jaffettwaw l-immigrazzjoni. Irridu nippromvwovu id-demokrazija, id-drittijiet umani, neqirdu l-faqar, nappoġġjaw żvilupp soċjo ekonomiku inkluż dak tal-iżvilupp rurali. Irridu nagħtu attenzjoni lill-istabbilità u s-sigurtà."
Id-dikjarazzjoni tkompli tgħid li "aħna nirrikonoxxu b'mod ċar li migrazzjoni li tkun immaniġġjata tajjeb bejn iż-żewġ kontinenti hi ta' benefiċċju. Li jkun hemm sforz komprensiv neċessarju biex isaħħaħ is-sostennibilità ekonomika, soċjali u l-iżvilupp ambjentali. Nimpenjaw li nindirizzaw l-għeruq tal-problemi marbutin mal-immigrazzjoni irregolari u dan billi ninkoraġixxu politika li toħloq passaġġi lejn l-Ewropa."
Id-dikjarazzjoni tgħid li "għandhom jittieħdu azzjonijiet konkreti biex nirrispondu għall-immigrazzjoni u l-mobilità u qed naqblu li nniedu għadd ta' miżuri ta' prijorità sa l-aħħar tas-sena 2016.
'Żrajna ż-żerriegħa"
F'konferenza tal-aħbarijiet fi tmiem il-Valletta Summit, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li fil-Valletta Summit “żrajna ż-żerriegħa għal xi ħaġa li tista' tikber ħafna fuq tul ta' żmien.”
Dr Muscat qal li l-Valletta Summit kien pass importanti ħafna 'l quddiem. Ħadd mhu qed jistenna li dan is-summit ikun il-“be all and end all” iżda għall-inqas iż-żewġ naħat tkellmu bejniethom u raw fejn jaqblu u ma jaqblux.
Il-kelliem appella għal aktar koperazzjoni bejn l-Afrika u l-Ewropa u qal li l-migrazzjoni m'għandhiex titqies waħedha, għax l-Afrika għandha potenzjal qawwi ħafna f'oqsma oħra. Dwar it-Trust Fund, qal li l-flus fih qatt mhuma se jkunu biżżejjed iżda l-fond xorta waħda huwa pass kbir 'il quddiem.
Dr Muscat kompla jgħid li għalkemm hu personalment jemmen li l-ħidma dwar l-immigrazzjoni bdiet tard u wara li kienu diġà mietu ħafna nies, huwa jħossu kburi li hu Ewropew għax l-Ewropa qed tagħmel xi ħaġa tanġibbli. “Żrajna ż-żerriegħa għal xi ħaġa li tista' tikber ħafna fuq tul ta' żmien,” qal il-Prim Ministru Malti.
Żied jgħid li hu kruċjali li dak li ġie miftiehem fil-Valletta Summit, issa jitpoġġa fil-prattika. Sostna li r-regoli li kien hemm s'issa dwar il-migrazzjoni huma skaduti u jridu jiġu aġġornati b'oħrajn li huma tajbin għal kulħadd. “L-istorja turina li l-ħitan qatt ma kellhom suċċess ħlief bħala miżuri temporanji. Irridu nħarsu lil hinn minn kwalunkwe tip ta' ostaklu arkitettoniku għall-moviment tan-nies,” qal il-kelliem filwaqt li tenna li minkejja l-kritika kollha li jista' jkun hemm għall-Ewropa, din hija l-ewwel darba li grupp ta' pajjiżi qed jaħdmu flimkien dwar l-immigrazzjoni u għandna nkunu kburin b'dan.
Il-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk, qal li l-pajjiżi kollha jridu jaħdmu flimkien għax il-fenomenu tal-immigrazzjoni huwa kbir wisq għal pajjiż wieħed waħdu. Żied jgħid li l-pjan ta' azzjoni li ġie adottat mill-Valletta Summit issa jrid jiġi implimentat b'solidarjetà. Saħaq li dan il-pjan huwa maħsub biex jindirizza l-kawżi tal-migrazzjoni, itejjeb il-mezzi legali biex wieħed jaqsam minn kontinent għall-ieħor, isaħħaħ il-protezzjoni għal persuni li telqu minn arthom, u jippreveni l-kriminalità mit-traffikanti tan-nies. Il-pjan ta' azzjoni jrid ikun ġie implimentat sa tmiem l-2016.
Tusk qal li dan il-pjan jaħseb għal aktar opportunitajiet ta' impjiegi għal nies Afrikani, l-irdoppjar tan-numru ta' studenti u riċerkaturi permezz tal-Erasmus +, u l-ħolqien ta' tim investigattiv fin-Niġer, bħala proġett pilota, kontra t-traffikar tal-persuni.
Tusk kompla jgħid li m'hemm l-ebda illużjoni li s-sitwazzjoni tista' titjieb mil-lum għal għada iżda għall-inqas se jkun hemm alternattivi għal dawk li bħalissa l-unika għażla tagħhom hi li jissograw ħajjithom.
Il-President tas-Senegal, Macky Sall, esprima sodisfazzjon b'dak li ħareġ mill-Valletta Summit u tkellem fuq l-importanza tad-djalogu dwar is-suġġett kumpless u kontroversjali tal-immigrazzjoni. Qal li l-kompromessi milħuqa jistgħu jkomplu jitjiebu u esprima x-xewqa li t-Trust Fund li twaqqaf ikun iffinanzjat b'mod aktar ġeneruż."
L-iffirmar tal-ftehim
tat-Trust Fund ta' €1.8 miljun
Il-Valletta Summit, beda bl-iffirmar tal-ftehim li jdaħħal fis-seħħ it-Trust Fund. It-Trust Fund li l-ftehim dwaru se jiġi ffirmat dalgħodu huwa fond ta' €1.8 biljun li diversi pajjiżi diġà kkommettew flus għalih. Malta se tkun qed tikkontribwixxi €250,000 fih. L-għan tiegħu hu li jgħin pajjiżi bħall-Etjopja, is-Sudan u l-Uganda, fost oħrajn, biex jittrattaw l-għeruq tal-kawżi tal-immigrazzjoni irregolari.
It-Trust Fund, li se jkun jgħodd għal 28 pajjiż Afrikan għall-ħames snin li ġejjin, qed jitqies minn bosta bħala insult għall-pajjiżi Afrikani. Dan għaliex il-flus f’dan il-fond huma ferm inqas minn dawk f’fond li twaqqaf għat-Turkija u li fih hemm €3 biljun.
Minn L-ORIZZONT
Ritratt Ian Noel Pace
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home