'Abbużi sesswali misturin' …. realtà fost immigranti rġiel
Fl-esperjenzi rakkontati minn immigranti Afrikani fil-ħarbiet u l-vjaġġi tagħhom minn pajjiżi tas-Sub Sahara lejn il-Libja u l-Ewropa, tispikka t-tbatija u s-sofferenzi li jgħaddu minnhom. Nisa jesperjenzaw swat u stupri, l-immigranti jiffaċċjaw theddid biex iħallsu aktar minn dak mitlub u b'xi wħud jinqatlu fid-deżert għax ma kellhomx flus u ħafna immigranti spiċċaw jagħmlu xogħol sfurzat fil-Libja. Dan apparti l-biża, tensjoni u nuqqas ta' ikel u ilma. Tista' tgħid li wara kull immigrant hemm storja ta' sofferenza u tbatija. Minkejja dan hemm aspett ta' sofferenza u umiljazzjoni li sa issa d-diskussjoni dwaru kemm f'Malta kif ukoll internazzjonalment hi ineżistenti. Dan hu l-abbuż sesswali li jgħaddu minnu immigranti irġiel. Esperjenzi li sa issa nżammew misturin minħabba diversi raġunijiet l-aktar minħabba mistħija u n-nuqqas ta' rieda biex l-istess immigranti jitkellmu fuq dan. Aden u Hassan mis-Somalja, Joseph mir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, u Omar mis-Sudan, Kelvin minn Niġerja u Onika mit-Tanzanija, kollha raw b’għajnejhom jew personalment għaddew minn esperjenzi ta' abbuż sesswali fi triqithom lejn pajjiżna.
Dawn il-persuni rrakontaw l-esperjenzi tagħhom, f'intervisti li
sarulhom għal riċerka dwar l-abbuż sesswali u l-vjolenza bbażata fuq
il-ġeneru kontra l-irġiel fil-kuntest ta’ immigrazzjoni sfurzata.
Esperjenzi xokkanti. Stejjer li ma jitwemmnux li jseħħu fis-seklu 21.
Ir-riċerka hi l-ewwel tat-tip tagħha, kemm barra minn Malta u
speċjlament f’pajjiżna, li qatt saret f'dawk li huma abbużi sesswali fuq
immigranti irġiel. Il-fatt li sa issa qatt ma kien hemm riċerka simili u
dawn it-tip ta' abbużi ma kinux magħrufin, f'pajjiżna ma jeżisti ebda
proċess jew servizzi immirati biex jitrattaw dawn it-trawmi.
“Dak li smajt u li ddokumentajt huwa biss ftit mit-turment kollu li jgħaddu minnu”
James Naudi, ta' 28 sena, li ilu jaħdem fil-qasam tal-immigrazzjoni
sfurzata għal iktar minn ħames snin u li hu l-moħħ wara din ir-riċerka
li għamel bħala parti mill-istudji tiegħu tal-master fl-Università ta’
Malta, meta mitlub jikkummenta minn L-ORIZZONT dwar x'effett ħallew fuqu
l-esperjenzi iebsin li kienu rakkontati qalilna li “ħallew impatt kbir
fuqi għax jidher biċ-ċar li dak li smajt u li ddokumentajt huwa biss
ftit mit-turment kollu li immigranti rġiel, ta’ kuljum, ikollhom jgħaddu
minnu, u li ħafna drabi jistħu jitkellmu dwaru.” Fi kliemu stess,
mir-riċerka li saret ħareġ li immigranti rġiel ta’ oriġini Afrikana
sub-Saħarjana li jkunu qed jivvjaġġaw lejn il-Libja jistgħu jiffaċċjaw
diversi forom ta’ abbuzi sesswali u vjolenza bbażata fuq il-ġeneru, li
l-mottivi tagħhom ivarjaw minn każ għall-ieħor. Mill-istess riċerka
jirriżulta li, ġeneralment, l-aggressuri jkunu traffikanti, suldati
mal-fruntiera u gwardji fiċ-ċentri ta' detenżjoni.
L-esperjenzi…..ġagħluh jinża u ordnawlu joqgħod jiġri għarwien
Wieħed mill-immigranti intervistat bl-isem ta' Hassan jgħid, dwar
l-esperjenza tiegħu f’Ganfuda, ċentru ta’ detenzjoni fil-Libja li jinsab
10 kilometri bogħod minn Benghażi, li "Xi drabi jaqbduk u jmissulek
il-ġenitali - il-partijiet privati. Kien hemm każ partikolari fejn lil
wieħed immigrant qalulu li għandu ġenitali kbar. Ġiegħluh joqgħod jiġri
fil-vojt ġo ċ-ċella biex jumiljawh. Dan kien mill-Punent tal-Afrika".
Hassan ikompli jirrakkonta kif l-uffiċjali f'dan iċ-ċentru ta'
detenzjoni sfurzaw lilu u lil immigranti oħra biex jinżgħu għarwenin
fl-istess kamra. Wara qagħdu jidħku bina. Konna madwar tletin immigrant.
Kif inżajna bdew imissulna l-ġenitali u jidħku bina".
Joseph mir-Repubblika Demokratika tal-Kongo jirrakkonta li "ifittxulek u
anke jaraw jekk għandekx xi ħaġa fil-ġisem. Lil wieħed immigrant anke
ippruvaw idaħħlulu subgħajhom fil-warrani tiegħu. Dan irribella u beda
jgħidilhom li ma jistgħux jagħmlulu hekk, u għalhekk iż-żewġ suldati
stuprawh biex juruh min tassew jikmanda. Aħna bqajna sejrin bil-vjaġġ
tagħna li kien bil-karozza tal-linja".
Hassan mis-Somalja jirrakkonta kif fiċ-ċentru ta' detenzjoni f'Ganfuda
is-suldati kienu neżżgħu immigrant mis-Somalja u telgħu b'saqajhom fuq
il-ġenitali tiegħu. Dan għamluh għax dan l-immigrant waqqafhom milli
kważi joqtlu immigrant ieħor li kienu għadu żgħir. Dan l-immigrant
Somalu spiċċa ttieħed l-isptar u tneħħietlu waħda mit-testikoli.
"Dan kellu argument u beda jgħidilhom ‘intom qed tiġġennu?, se
tispiċċaw toqtluh.!’ s-suldati ġew u bdew isawwtuh. Wieħed minnhom
qabadlu waħda minn saqajh u suldat ieħor qabad l-oħra u mbagħad rifsulu
fuq it-testikoli."
James jispjega kif ħafna immigranti rġiel ma jitkellmux dwar
l-esperjenzi ta’ vjolenza sesswali li jsofru għax, f’għajnejn
is-soċjeta, ir-raġel huwa mistenni li jkun reżistenti u dominanti, u
għalhekk qatt ma jista’ jkun vittma. Minħabba f’hekk, jibzgħu li
l-maskulinita’ tagħhom tonqos jekk jirrakkuntaw dan.
X'irriżulta
Minn dan l-istudju joħroġ li l-fatt li l-immgranti mill-Afrikas-Sub
Saharjana jivvjaġġaw b'mod irregolari, mingħajr dokumentazzjoni, u
mingħajr protezzjoni fil-pajjiżi li jmorru fihom, qed iġġibhom
f'sitwazzjoni fejn l-aggressuri jistgħu jaġixxu b'impunita għax ħadd ma
jieħu passi kontrihom. Jekk l-immigranti jirrappurtaw jispiċċaw
deportati jew il-ħabs u għalhekk huma jispiċċaw vittmi vulnerabbli.
Aden mis-Somalja dwar dan jgħid li "s-sistema hi waħda korrotta. Ma
tafx lil min se taqbad tafda. Jarawk bħala persuna rregolari. Ma tkunx
tista' toħroġ. Ma tista' titkellem ma' ħadd. M'għandekx dritt tmur
għand il-Pulizija għax, li jiġri hu, li tispiċċa arrestat int għax
immigrant irregolari.
L-istudju juri li l-umiljazzjoni sesswali tista' tintuża f'ċentri ta'
detenzjoni bħala teknika biex tbaxxi l-moral ta' l-immigranti li jkunu
hemm, waqt li l-aggressuri jidhru aktar b'saħħithom u dominanti.
L-istudju jgħid li fejn jidħlu stupri fuq l-irġiel ma jidhirx li dawn
isiru b'mod sistematiku. L-istudju fil-fatt jgħid, perezempju, li hemm
iktar ċans li dawn iseħħu b'mod sporadiku, u l-mottivi jvarjaw.
L-istudju jindika li tfal subien u żgħażagħ jistgħu jkunu perswaduti
jbiegħu ġisimhom biex jingħataw ikel u ilma b'mod partkolari
f''postijiet fejn dawn huma limitati bħal ħabsijiet.
Jgħid li stupri jistgħu jkunu ukoll riżultat ta' ġibda qawwija
għas-sess minn persuni maskili f'ambjent fejn opprtunitajiet ta' sess
ma' nisa huma ristretti ħafna, Stupru jista’ jsir ukoll
f’sitwazzjonijiet fejn l-aggressur ikun irid jikkontrolla u jiddomina
lill-vittma.
Dwar tortura fuq il-ġenitali, l-istudju jgħid li f'pajjiżi bħal-Libja,
fejn hu Musulman, persuni bħall-Eritreani u Etjopjani jistgħu jkunu
fil-mira ta' strateġijaimmirata biex tipprevjeni ċ-ċans li l-vittma
jkollu t-tfal, u dan għax huma magħrufin bħala Kristjani, jew
sempliċiment li huma nies kwieti.
Mill-istudju joħroġ ukoll li irġiel li ma jkunux fil-mira ta' abbużi
sesswali, jistgħu jispiċċaw f'sitwazzjoni fejn jaraw membri tal-familja
tagħhom jew immigranti oħrajn, kemm irġiel u anke nisa, jesperjenzaw
abbużi sesswali. Dan iħalli impatt kbir u negattiv fuq is-saħħa mentali
tagħhom ukoll.
Dwar dan tkellem Omar mis-Sudan fejn qal li "jibdew jistaqsu. Jibdew
jużawk, b'md speċjali lit-tfajliet. Kuljum jippruvaw magħhom. Jien rajt
dan b'għajnejja. Kien hemm tfajliet, familji u nisa li sfaw stuprati u
abbużati. Ma stajna nagħmlu xejn għax is-suldati kienu armati".
Nuqqasijiet f'Malta
Jirriżulta li dawk li joffru servizzi lill-immigranti f'Malta mhumiex
mgħammrin biex jilqgħu il-bżonnijiet ta' irġiel li jkunu ġew affettwati
minn abbuż sesswali. F'Malta, il-vittimizazzjoni hija ġeneralment
assoċjata man-nisa u għalhekk l-vittmi irġiel qed jibqgħu inviżibbli.
L-istudju jgħid ċar u tond li interventi fuq vittmi irġiel huma
ineżistenti f'Malta fejn kura psikoloġika hi defiċjenti, speċjalment
f’ċentri ta’ detenzjoni.
Mir-rapport joħroġ ukoll li immigranti gay jibżgħu jitkellmu
mal-awtoritajiet ta’ pajjiżna għax mhumiex konxji li l-omosesswalità
mhix reat kriminali f'Malta. Problema oħra kbira li jiffaċċjaw l-istess
immigranti li jkunu għaddew minn abbużi sesswali hi dik ta' nuqqas ta'
għarfien tal-lingwa Maltija jew Ingliża u għalhekk jiffaċċjaw barrieri
biex ifittxu l-għajnuna. Xi drabi huma jżommu lura minħabba mistħija
milli jitkellmu mal-interpreti li ħafna mid-drabi ikunu ġejjin
mill-istess komunita tagħhom'. Aspett iehor hu dak li dawn jibżgħu
jitkellmu minħabba l-biża li jispiċċaw deportati.
Rakkomandazzjonijiet
Ir-rapport jirrakkomanda li dawk li jaħdmu ma' l-immigranti, inkluzi
l-interpreti, għandhom ikunu mgħarrfin fuq il-fatt li irġiel jistgħu
jkunu sfaw abbużati sesswalment u li dawn jingħataw taħriġ biex ikunu
kapaċi jagħrfu lil dawn il-vittmi silenzjużi u jirrispondu
għall-bżonnijiet tagħhom b’mod xieraq u effettiv.
Jgħid li hemm nuqqas kbir f'dawk li huma interventi ta' għajnuna. Jgħid
li servizz psiko socjali f’ċentri ta’ lqugħ għandhom ikunu disponibbli
fuq bażi regolari waqt li dawk offruti minn aġenziji parastatali u
għaqdiet mhux governattivi, kemm fid-detenzjoni kif ukoll fil-komunita
għandhom jespandu, u dan l-aktar b'għajnuna teknika u finanzjajrja
mill-Gvern Malti.
Ir-rapport jgħid li immigranti gay jista' jkun li ma jitkellmux dwar
dak li għaddew minnu minħabba l-biża ta' persekuzzjoni f'Malta stess
kontrihom. Ir-rapport jirrakkomanda li l-applikanti għall-protezzjoni
internazzjonali kollha għandhom ikunu provduti informazzjoni fuq
il-libertajiet li persuni gay, bisesswali, trans u intersex għandhom
f'pajjiżna.
Rakkomandazzjoni oħra hi li ""in-nuqqas ta' opportunitajiet għal
immigrazzjoni legali u sigura - li hija parzjalment infurzata minn
politika u miżuri bil-għan li jipprevjenu d-dħul ta' persuni jfittxu
l-ażil fl-Unjoni Ewropea - qiegħed ikompli jesponi ħafna rġiel li jaqsmu
l-fruntieri tal-pajjiżi b'mod irregolari għal perikli relatati
mal-abbuż sesswali u vjolenza bbażata fuq il-ġeneru. L-istudju għalhekk
isejjaħ lill-kapijiet tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea sabiex
joffru passagġġ sigur, bħal ħruġ ta' viżi umanitarji, fost oħrajn, għal
persuni li l-mira tagħhom tkun li jilħqu dawn l-istess pajjiżi."
Minn L-ORIZZONT
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home