Tuesday, November 17, 2015



Is-silenzju, l-Marseilleise
u l-Innu Malti jiddominaw pjazza Kastilja


Wara li fl-aħħar jiem żewġ pajjiżi kienu mheżżin minn żewġ attakki terroristiċi, il-Libanu u Franza, ilbieraħ fi Pjazza Kastilja l-Aġent President  Dolores Cristina mexxiet kommemorazzjoni li fiha nżammet minuta silenzju għall-vittmi tal-attakki terroristiċi li seħħew nhar il-Ġimgħa fil-kapitali Franċiża. Id-daqq tal-Innu Franċiż fi Pjazza Kastilja, qajjem il-mistoqsija dwar kif din il-minuta silenzju kienet qed tidher li qed issir biss għall-vittmi fi Franza. Kelliem għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru meta mistoqsi dwar dan qalilna li "din il-minutà silenzju intalbet mill-Unjoni Ewropea għal vittmi fi Franza".  Ta' min jgħid li fl-attakki terroristiċi li saru fil-Libanu mietu 43 persuna u madwar 239 oħra indarbu.
Bil-bandiera Maltija fuq il-Berġa ta' Kastilja mezz'asta b'turija ta' rispett u luttu,  politiċi Maltin flimkien mal-Prim Ministru Joseph Muscat, l-Kap tal-Oppożizzjoni, Dr Simon Busuttil u uffiċjali f'għadd ta' ministeri u segretarjati, inġabru f'Kastilja fejn f'nofsinhar għamlu minuta silenzju. Ma naqasx li fost dawk preżenti jkun hemm persuni li żammew f'idejhom il-bandiera Franċiża.
Din il-minuta silenzju tmexxiet mill-Aġent President, Dolores Cristina, hekk kif il-President Marie Louise Coleiro Preca tinsab fi Franza fejn se tattendi għal Leaders Forum waqt il-Konferenza Ġenerali tal-UNESCO.
Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca bdiet bl-impenn uffiċjali tagħha waqt żjara ta’ jumejn għall-konferenza ġenerali tal-UNESCO f’Pariġi, li qiegħda ssir ukoll hekk kif il-UNESCO qed tagħlaq 70 sena mit-twaqqif tagħha.
 Mal-wasla tagħha fil-Kwartieri Ġenerali tal-UNESCO, Marie-Louise Coleiro Preca kienet milqugħa mill-Assistent Direttur Ġenerali għar-Relazzjonijiet Esterni u l-Informazzjoni Pubblika, is-Sur Eric Falt u ttieħdet f’Salle 1, fejn qed issir l-Konferenza Ġenerali, wara li ffirmat u ħalliet messaġġ fuq il-ktieb tal-viżitaturi.
F’din in-nota, il-President ta’ Malta saħqet li “f’dan iż-żmien sensittiv u vulnerabbli għad-dinja kollha, il-missjoni tal-UNESCO, iktar minn qatt qabel, għandha tkun ta’ prijorità”.
 Intant, il-President ingħaqdet ma’ bosta Kapijiet ta’ Stati oħrajn, hekk kif il-Konferenza Ġenerali ingħaqdet mal-kumplament ta’ Franza u ġiet osservata minuta ta’ silenzju biex jiġu mfakkra l-vittmi tal-attakki li seħħew nhar il-Ġimgħa li għadda, fiċ-ċentru ta’ Pariġi.
Minn naħa tiegħu, l-Ispeaker tal-Parlament, Anġlu Farrugia kiteb personalment lill-Assemblea Nazzjonali Franċiża u lis-Senat fejn esprima l-kondoljanzi tiegħu.  Fl-ittra tiegħu hu esprima solidarjetà ma' dawk feruti u awguralhom fejqan ta' malajr.
minn L-ORIZZONT


0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home