Monday, October 19, 2015



Il-vjaġġ ta' tama ta' tifel Sirjan...qatt ma nesa l-għajnuna li ngħata minn Malta


Ritratt: Ian Noel Pace

Kien għad lanqas kellu għaxar snin meta għadda minn sensiela ta' esperjenzi terribbli. Ġlied qalili, sparar, imwiet, ġuħ u vaġġi ebsin. Tensjoni ma taqta' xejn. Kellu jitlaq minn pajjiżu. Jispiċċa l-Libja. Wegħduhom li se jagħmlu vjaġġ lejn l-Ewropa b'bastiment kbir bħat-Titanic. Minflok sabu dgħajsa antik tas-sajd. Spiċċaw familja mifruda għax ma kellhomx flus biżżejjed għall-vjaġġ. Id-dgħajsa spiċċat attakkat minn traffikanti. Spiċċat għerqet u hu u familtu spiċċaw fil-baħar.
Jiddaħħal f'Malta u hawn sab għajnuna kbira.  Samira Jamil, Libjana li tgħix f'Malta u taħdem b'mod volontarju biex tgħin immigranti li waslu Malta, għenet bil-kbir lil din il-familja Sirjana. It-tifel Al Rosan, iddaħħal fl-iskola St Michael. Beda jgħix mill-ġdid. Samira saret ħabib tal-familja. L-istess l-għalliema Sue Gregory.
Fl-iskola kienu jsiru attivitajiet biex jgħinu l-din il-familja tħallas il-kera tad-dar. Kien minn din l-iskola li ngħata rigal li apprezzah ħafna - iPad.  Il-firda ta' din l-familja mill-ħbieb f'Malta meta marru l-Ġermanja,ħolqot diqa kbira.
Din il-familja Sirjana issa ilha sena l-Ġermanja, imma qatt ma nsew l-għajnuna li rċevew f'Malta.  Mhux ta' b'xejn li Al Rosan jgħid li hi x-xewqa tiegħu li jerġa' jiltaqa' ma' Samira. Hi min-naħa tagħha tirrispondi li "inti tifel inkredbbli. L-istorja tiegħek tmiss il-qlub. Grazzi għalik li ltqajt ma' ħafna nies u esperjenzajt l-umanità fl-aqwa tagħha. Nittama li narak ma ndumx".
Fl-aħħar jiem, Samir Jamil kitbet l-istorja ta' dan it-tifel Sirjan u familtu. Storja li nkitbet mit-tifel stess Al Rosan flimkien ma' tpinġijiet li għamel. Samira, għandha interess kbir biex tisfida l-isterjotipi, u tibni pontijiet bejn kulturi differenti. L-istorja li nkitbet minn Al Rosan, ġiet ippubblikata minn Barakabit.com.  Bla dubju ta' xejn li l-istorja ta' din il-familja u l-ħsibijiet ta' dan it-tifel f'dak li għadda minnu, juruk stampa ċara tat-tbatija u l-inċertezza tar-refuġjati Sirjani.
Il-ħajja fil-kamp kienet perfetta…bil-gwerra nqered kollo
"Isejħuli Hamada. Twelidt fis-sena 2003 fil-kamp tar-refuġjati ta' Al Yarmouk f'Damasku. In-nanniet tiegħi kienu Palestinjani. Konna kuntenti. ll-kamp kien id-dar tagħna. Kien hemm mal-400,000 Palestinjan. F'Al Yarmouk m'hemmx tined. Hemmhekk hemm bini proprja - djar, skejjel, kliniks, ħwienet u anke barbiera. Missieri kellu ħanut u kien ibiegħ mowbajls, satelliti u anke kompjuers. Kien imsejjaħ Al Rayed. Kien hemm tlett persuni jaħdmu miegħu. Meta ma kontx inmur skola, jien kont inmur ngħinu fil-ħanut. Il-ħajja f'Al Yarmouk kienet perfetta, imma meta bdiet il-gwerra inbidel kollox. Id-dar tagħna saret post tal-biża.  Biex naħarbu l-missili, konna nistaħbew fil-kamra tal-banju. Il-ħamsa li konna, nintefgħu hemm u nżommu ma' xulxin. Konna nirtogħdu bil-biża. Il-ġlied kompla jintensifika u jmur għall-agħar. Infirex għat-toroq. Ma stajtx nmur skola iżjed. Ħuti ma setgħux imorru l-università. Missieri kellu jagħlaq il-ħanut. Konna nibżgħu nimxu fit-toroq. Fuq is-soqfa kien ikun hemm l-isnipers, lesti biex jisparaw lejn kull moviment. Matul il-ġurnata kollha konna nisimgħu l-ħoss tal-isparar u r-rokits. Kull darba li kien ikollna noħorġu mid-dar, konna nibżgħu li ma nirritornawx lura. Għal jiem u ġimgħat għexna mingħajr elettriku u konna nużaw ix-xemgħat. Ilma ma kellniex u ma stajniex ninħaslu. Missieri ma setax juża l-karozza aktar għax ma petrol ma kienx hemm. Ħadd ma baqa' jiġi għandna. Lanqas tfal fit-toroq ma bqajna naraw. Kull meta kont inħares lejn ommi kont naraha tibki. Missieri kien jipprova jitbissmilna imma din kienet differenti mit-tbissima ta' qabel. Kien jidher imħasseb u beżgħan. Nista' naħseb x'kien għaddej minn moħħu imma jien qatt ma staqsejt."
 
Missieri qalilna li se jkollna nitilqu mid-dar…morna għand in-nanniet
"Missieri kien infurmana li se jkollna nitilqu mid-dar. Għall-ewwel morna għand in-nanniet. Għal ftit jiem hemmhekk konna siguri imma l-ġlied kompla jmur għall-agħar. Kuljum konna naraw l-ajruplani jisparaw l-missili. Kienu xeni li tara fil-films. Ma stajniex norqdu. Lejl minnhom kelli uġiegħ qawwi fl-istonku imma minħabba l-ġlied ma setgħux jeħduni l-isptar. Kellna nitilqu mingħand in-nanniet u morna għand in-nanniet l-oħra. Imma wara ftit jiem il-ġlied laħaq ukoll lil Damasku. Kien hawn li missieri qalilna li se jkollna nitilqu mis-Sirja.
Ġejna infurmati minn xi ħbieb tagħna li baqgħu fil-kamp ta' Al Yarmouk li l-ħanut ta' missieri kien intlaqat b'missila. Anki d-dar tagħna intlaqtet. Bdejt naħseb fuq kamarti u fuq il-ġugarelli u kemm ħadt gost nilgħab bihom. Missieri qalilna li ftit konna se nġorru affarijiet, ħallejna kollox warajna. Ommi riedet iġġib ir-ritratti kollha imma kien hemm ħafna. Ġabet xi ftit u l-oħrajn ħalliethom hemm. Li tlifna kollox kien xokk għal familja tagħna. Missieri kien jgħid li aħna xortina tajba aktar minn familji oħra. Dan għax konna għadna flimkien. Xi ħbieb tagħna kien spiċċaw inħatfu u oħrajn kienu l-ħabs. Kont noqgħod nissemma' l-konversazzjonijiet tal-adulti fuq dak li kien għaddej.  Ġieli kont nipprova nagħlaq widnejja biex ma nismax, imma ma kienx jirnexxieli".
 
Il-vjaġġ ta' tama…jispiċċaw il-Libja
"Mis-Sirja tlaqna lejn il-Libanu, wara lejn l-Eġittu u minn hemm morna l-Libja. Missieri kien semgħa li fil-Libja jista' jsib xogħol u li ħuti u jien stajna nkomplu bl-istudji tagħna. Ivvjaġġajna mis-Sirja lejn il-Libanu u fl-Eġittu dħalna bla problemi.  Id-diffikulta kienet meta ġejna biex nitilqu mill-Eġittu lejn il-Libja. L-Eġizzjani ma riduniex nitilqu. Staqsejt lil missieri għaliex u qalli li għax Palestinjani. Rajt li ħafna familji Sirjani li kienu magħna tħallew imorru l-Libja. Konna l-unika familja li tħallejna fl-fruntiera. Kien bil-lejl meta rajt lil ommi tibki u tgħid lill-uffiċjal li "mhux biżżejjed li kellna l-missili sparati lejn id-dar tagħna u kellna naħarbu biex ma nmutux. Twelidna s-Sirja u għexna hemm. Id-dokumenti ta' vjaġġar tagħna nħarġu mis-Sirja." Kien hemm xi lukandi fiż-żona imma dawn kienu kollha mimlijin. Kellna norqdu mal-art. Konna bil-ġuħ u għajjenin. Il-bagalji użanihom bħala imħaded imma biex nitgħattew ma kellniex. Filgħodu kien hemm xi ħadd li sar jafu missieri u offra li jwassalna l-Libja hu. Kien traffikant. Missieri ħallsu u hu għabbiena fuq wara ta' trakk. Qalilna biex nitbaxxew u għattiena bi gverti.
Meta wasalna fuq il-fruntiera, l-uffiċjal inkarigat qalilna li ma kellniex it-timbru fuq id-dokument tal-ivvjaġġar. Morna lura l-Eġittu, fejn iddeċidejna li nibqgħu hemm. Missieri pprova jsib xogħol hemm imma xogħol ma kienx hemm. Ipprova jdaħħalna fi skola imma qalulu le. Wara xahar l-Eġittu tlaqna lejn Benghazi. Sibna dar biex ngħixu fiha u ħuti bdew jaħdmu. Il-ħajja hemm ma kinitx faċli. L-ikel kien għali u kien hemm il-ġlied fit-toroq. Jien bdejt inmur fi skola iżda ma kontx kuntent. It-tfal l-oħra kienu jidħku bija. Jien kont l-uniku tifel b'għajnejja blu. Fis-Sirja kont nieħu gost. Ommi  qaltli li jekk inmur tajjeb fl-eżamijiet kienet se tixtrili iPad. Għaddejt u ommi żammet kelmitha. Kont kuntent bih u kont nilgħab ħafna logħob u nara l-cartoons. Anki l-ġenituri tiegħi kienu jużawh biex jikkuntattjaw qraba fis-Sirja. Kien l-isbaħ rigal li qatt ingħatajt."
 
"F'Benghazi iltqajna ma' ħafna Libjani li saru ħbieb tagħna. Kienu jgħinuna u kienu jitrattawna qisna l-familja tagħhom. Imma l-ħajja anki hemm bdiet issir diffiċli u ddeċidejna li nitilqu.
Missieri kien semgħa bid-dgħajjes li jagħmlu vjaġġi lejn l-Ewropa mil-Libja. Tkellimna ma' qraba tagħna fl-Isvezja u huma dejjem kienu jgħidulna biex nagħmlu l-vjaġġ. Huma kienu jgħidulna li l-Isvezja tilqa' lill-Palestinjani. Missieri qalilna li dan l-vjaġġ hu ċans għall-familja biex tibda tgħix mill-ġdid. Kollha konna beżgħana mill-baħar għax konna smajna bi stejjer ta' għarqiet. Lil missieri qalulu li l-vjaġġ se jkun sigur. Hu xtara xi ġgieket ta' salvataġġ. Qalulna li d-dgħajsa li konna se nivvjaġġaw biha kienet kbira daqs il-bastiment Titanic. Missierna qalilna li r-raġel kien żgurah li fuq id-dgħajsa kien se jkun hemm ħafna ikel, ilma, gabini privati, lifejackets, bugħaddasa u anke tabib.  Missieri ssellef il-flus minn qraba biex iħallas għall-vjaġġ. Ma kellux flus biżżejjed għall-vjaġġ tal-familja kollha.  Xi ħadd  kellu jibqa' l-Libja. Yamen iddeċieda li jibqa' hu peress li kien it-tifel il-kbir. Sellimnielu b'dieqa kbira u bkejna. Aktar tard ommi qaltli "li ħallejna lil Yamen warajna tfisser li ħallejt parti minn qalbi l-Libja".  Hi qaltli li ma kinitx ċerta jekk hux se terġa' tarah. Minn Benghazi qbadna ajruplan u morna lejn Tripli. Irkibna fuq karozzi tal-linja. Magħna kien hemm familji oħra. Ħaduna fil-belt li minnha kellna naqbdu d-dgħajsa. lltqajna ma' Khaled. Dan ħadna lejn dar żgħira u qalilna li l-vjaġġ se jkun l-għada. Kien hemm żewġ kmamar u fihom kien hemm 125 persuna. L-irġiel inżammu f'kamra u n-nisa u tfal f'kamra oħra. Kien hemm kamra tal-banju waħda.  Ġieli stennejna għal nofs siegħa sakemm ikollna ċans nidħlu fil-kamra tal-banju. Ma kienx hemm sodod. Kutri lanqas ma kien hemm. Kien hemm persuni li mardu bis-sogħla. Ma stajniex niftħu twieqi. Ommi qaltli hawn qisna qegħdin ġo ħabs. Kien hemm rabja kbira fost in-nies. Wara tmint ijiem infurmawna li nistgħu nagħmlu l-vjaġġ.  Għall-ewwel Khaled qal li t-tfal kienu se jivvjaġġaw bla ħlas. Iżda wara bidel dan u qal li kull tifel jew tifla ried iħallas $500. Xi familji kellhom tlieta jew erbat itfal. Kienet se tiġihom spiża kbira. Ħadd ma ried iħalli t-tfal warajh u spiċċaw iħallsu."
"Irkibna fuq dinghies  u ħaduna fuq dgħajsa. Khaled kien il-ħin kollu qed jgħajjat magħna. Meta wasalna fuq id-dgħajsa ma stajniex nemmnu dak li konna qed naraw. Dgħajsa żgħira, antika u mkissra. Missieri beda jipprova jikkalmana imma minn wiċċu stajt nara li anki hu kien beżgħan. Kien hemm ħafna nies fuq id-dgħajsa. Missieri qalli li kien hemm madwar 350 persuna fuq dgħajsa li tesa' 100 persuna. Spazju aktar ma kienx hemm. Wara sagħtejn ta' tbaħħir, resqet dgħajsa lejna u bdejna naraw lil dawn in-nies jgħajtu mal-kaptan tad-dgħajsa. Riedu li nirritornaw lura lejn Zuwara. Għall-ewwel missieri qalli li dawk in-nies kienu mill-Gwardji tal-Kosta Libjana, iżda wara qalli li kienu traffikanti oħra li ġġieldu ma' Khaled fuq il-flus. Riedu aktar flus mingħandna. Il-kaptan irrifjuta li jmur lura u wara ħafna għajat smajna xi tiri sparat mid-dgħajsa ż-żgħira. F'daqqa waħda smajna diversi sparaturi. Ma kull waħda minnhom qalbi waqfet. It-tfal bdew jgħajtu u jżommu mal-ġenituri tagħhom. Id-dgħajsa tagħna spiċċat mimlija toqob tal-isparar. Missieri qalli li l-pompa tad-dgħajsa waqfet taħdem għax intlaqtet."
"In-nies fuq id-dgħajsa ż-żgħira kienu rrabjati ħafna. Ippruvaw jgħerrqu d-dgħajsa billi jdawruha b'ħabel u bdew jagħmlu ħafna mewġ biex forsi d-dgħajsa tegħreq. In-nies bdew iwerżqu u jgħidu li huma refuġjati mis-Sirja. Qatt ma bżajt daqshekk f'ħajti, lanqas meta l-bombi niżlu fil-kamp ta' Yarmouk. Niftakar lil missieri jintefa' fuqna biex ma nintlaqtux mill-bullits. Kien hemm xi nies li intlaqtu. Magħna kien hemm xi tobba Sirjani. Kien hemm mara qed tibki. Ħsibtha għax kienet qed tibża imma ommi qaltli li dik kien se jkollha tarbija.  Filfatt welldet tifel."
"F'ħin minnhom il-kaptan qal li konna mitlufin. Kelli l-idea li kaptan dejjem ikun jaf fejn hu sejjer, imma mhux dan. F'dan il-mument id-dgħajsa bdiet timtela' bl-ilma u bdiet titlef il-bilanċ. Il-kaptan beda jipprova jagħmel kuntatt mal-gwardji Taljani. Il-magna waqfet u magħha waqfet qalbna. Hu għamel kuntatt ma' Khaled f'Zuwara u talbu jagħmel kuntatt ma' Tas-Salib l-Aħmar. Ma ġara xejn u bdejna nitilfu t-tama li se nkunu salvati. Stennejna u tlabna li ma nmutux. F'ħin minnhom id-dgħajsa tmejlet u qam paniku.  Mhux kulħadd kellu ġgieget tas-salvataġġ. Missieri tana il-ġgieġet tas-salvataġġ u talabna nilbsuhom. Qabel tlajna fuq id-dgħajsa, ommi rabtitli l-iPad ma qaddi biex ma nitlifhiex. Meta libsitni l-ġakketta qaltli biex inneħħi l-iPad. Għamilt kif qaltli. Spiċċajna fl-ilma ma' ħafna nies oħra. Ħafna kienu f'diffikulta għax ma kinux jafu jgħumu. F'ħin minnhom il-kaptan ipprova jieħu l-ġakketta ta' missieri imma hija waqfu. Lil ommi ma stajt naraha imkien. Bdejt ngħajjat 'mama', 'mama'. Bdejt nibla' l-ilma. F'ħin minnhom rajt lil ommi xxejjirli. F'daqqa waħda smajt ħoss kbir u rajt helikopter li beda jdur fuqna. Bdejna ngħajtu għall-għajnuna. Mill-helikopter qalulna biex nistennew għax is-salvataġġ kien għoxrin minuta bogħod. Missieri qalli li konna se nkunu salvati mill-Forzi Armati Maltin. Il-helikopter kellu bandiera bajda u ħamra.  Tefgħu xi ġgieget ta' salvataġġ. Waslu dinghies u għabbew lin-nisa u tfal. Ħarist lura għall-aħħar darba u rajt li dgħajsa li konna fuqna kienet inqalbet kompletament. Kont naf li kien għad hemm nes maqbudin fiha. Beżgħu jaqbdu fl-ilma. Rajt ħafna iġsma mejtin f'wiċċ l-ilma. Kont naf li dawk l-iġsma kienu ta' nies u ta' tfal li kienu magħna f'Zuwara. Qatt ma ħassejtni mdejjaq daqs daknahr. Dak li rajt se jibqa' miegħi għal dejjem. Li tasal fuq l-art u tħossok sigur, hi xi ħaġa li ukoll ma tinsiha qatt."
"Itteħidna f'post f'Ħal Far u kienu jiġu ħafna nies bl-għajnuna. Kien hemm ġenituri li kienu qed jibku għax tilfu l-uliedhom. Ommi u missieri kienu jippruvaw jgħinu persuni oħra.  Kien hemm raġel li kien jibki ħafna. Ommi qaltli li martu li kienet tqila għerqet u waħda mit-tfal tewmin tiegħu għerqet ukoll. It-tifla l-oħra kienet magħna u qalulha li ommha kienet l-isptar. Kien hemm mara u raġel li tilfu it-tfal kollha.  Waħda mill-ewwel li ġiet iżżurna kienet Joanna Muscat. Kienet torganizzalna għadd kbir ta' attivitajiet. Għenuna ninsew dak li għaddejna minnu.
Mat-tieni ġurnata ġiet mara li kienet titkellem bl-Għarbi. Kien jisimha Samira Jamil. Kienet Libjana imma li għexet f'Malta sa minn mindu kellha 10 snin. Jien kont insejħilha Samira il-amira. Saret ħabiba speċjali tal-familja. Konna nistennew iż-żjara tagħha. Ippruvat issibilna dar imma ma kinitx faċli. In-nies bdew jibżgħu jikru djar għar-refuġjati. Ġurnata minnhom Samira ġiet u qaltli li l-kap tal-iskola fejn jattendu it-tfal tagħha kienet se taċċettani fl-iskola tagħha. Konna kuntenti ħafna b'dan. Imma f'moħħi bdew ġejjin ħafna mistoqsijiet. Kif se nitkellem mat-tfal? Se nagħmel ħbieb magħhom? Kont insejt ħafna mill-Ingliz li tgħallimt.
Mindu dħalt fl-iskola St Michael ħassejtni milqugħ mill-ewwel. Mill-iskola stajt nara l-baħar. Kont inkun feraħ u mdejjaq fl-istess ħin. Dak kien il-baħar li fih għerqu xi wħud minn ħbiebi. Imma kien anke l-baħar li ġabni f'Malta. Wara ġimgħa mill-iskola tawni rigal. Ftaħtu u ma stajtx nemmen lil għajnejja. Kien iPad bħal dak li kelli nħalli fil-baħar. Missieri ma setax isib xogħol. Fl-iskola kienu jaħmu l-kejkijiet u jbiegħu biex permezz tal-flus li jdaħħlu nkunu nistgħu nħallsu l-kera tad-dar. L-għalliema Miss Sue kienet tiġi żżurna. Kienet aktar minn għalliema. Ġurnata minnhom lil Samira għedtilha li nixtieq nitgħallem ngħum imma kont nibża' mill-baħar. Jien ġieli qomt bil-lejl nwerżaq għax inkun qed noħlom li qed negħreq. Kont kuntent ħafna meta bdejt inmur nitgħallem ngħum. Kont infurmat li ħija kien qabad dgħajsa mil-Libja u daħal Lampedusa. Konna ferħanin għalih".
Morna l-Ġermanja
"Wara sena f'Malta, iddeċidejna li nmorru l-Ġermanja. Missieri kien baqa' ma sabx xogħol u ħuti riedu jkomplu jistudjaw. Ridna nerġgħu ningħaqdu bħala familja. Jien ukoll ridt li dan isir imma ma ridt nitlaq lill-ħbieb li kelli hawn u l-iskola. Bkejna fl-ajruport. Għal darba oħra konna se nerġgħu nivvjaġġaw. Reġa' kien ix-xahar ta' Ottubru. Wasalna Berlin.  Kienu qalulna li sabulna dar f'belt imsejħa Mullheim. Tlaqna mill-kamp li konna fih biex morna fiha. Xahrejn wara li konna dħalna f'din d-dar, kellna żjara sorpriża. Kienet ġiet Miss Sue. Hi ġiet biex tiċċelebra għeluq snini miegħi. Kienet l-isbaħ rigal. Ħadna ġost ħafna. Bnejna snowman flimkien. Kienet l-ewwel darba, u għamilnielu Keffiyeh madwar għonqu.
F'April ta' din is-sena kellu żjara oħra sorpriża. Megan, l-aqwa ħabib li kelli u ommu ġew iżuruna għal ftit jiem. Issa ilna sena hawn. Meta ġejt ma kontx naf bil-Ġermaniz imma issa naf sew. Ilna tlett snin li tlaqna mis-Sirja. Al Yarmouk illum ma jintgħarafx. Belt fanażma. Aħna fadlilna biss il-memorji ta' dan il-post. Forsi xi darba nmorru lura imma naħseb li jrid jgħaddi żmien."

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home