F'sena…..
Ħamest itfal Maltin adottati
minn Maltin
Waqt li s-sitwazzjoni ta' adozzjonijiet minn Maltin minn pajjiżi barranin baqgħet waħda kajmana għall-aħħar b'pajjiżi li Maltin kienu jadottaw minnhom baqgħu magħluqin, qed jirriżulta li bejn Awwissu tas-sena li għaddiet u Awwissu ta' din is-sena kien hemm 5 tfal Maltin li kienu adottati minn familji Maltin. Din l-informazzjoni ngħatat mill-Ministru Michael Farrugia fil-Parlament.
Ta' min jgħid li n-numru ta’ adozzjonijiet ta` minuri Maltin minn ġenituri adottivi Maltin fis-sena 2009 kien ta' sitt itfal. Fis-sena 2010 kienu ġew adottati tlett minuri Maltin fejn il-ġenituri adottivi kienu Maltin. Fis-sena 2011 kien hemm minuri wieħed li ġie adottat. Fis-sena 2012 kienu ġew adottati tlett minuri Maltin u fis-sena 2013 ma saret l-ebda adozzjoni ta` minuri Maltin minn ġenituri Maltin.
"Semmielna fejn Lawrence Gonzi qal li
l-faqar hu perċezzjoni?….Ġunju tas-sena 2010
Hekk kif fil-ħin tal-mistoqsijiet Parlamentari kien hemm għadd ta' domandi dwar il-faqar u dawk f'riskju ta' faqar, qam battibekk bejn il-Ministru Michael Farrugia u d-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar. Il-battibekk qam meta l-Ministru Farrugia qal li dan il-Gvern qed jaħdem biex inaqqas il-faqar u li mhux se jagħmel bħal Prim Ministru Lawrence Gonzi li kien jgħid li l-faqar hu perċezzjoni. Kien hawn li d-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar talab lill-Ministru Farrugia jgħid fejn Gonzi kien qal li l-faqar hu perċezzjoni.
Il-Ministru Farrugia waqt li ma semmiex fejn u meta dan intqal, sostna li din kien qalha f'attivita li fiha semgħu ħafna nies.
inewsmalta hi nfurmata li Gonzi kien iddikjara dan nhar il-Ġimgħa 25 ta' Ġunju tas-sena 2010. Dakinhar meta kien qed jirreferi għal rapport Ewropew dwar il-faqar f'Malta, liema rapport kien sab li 61 fil-mja qed jiġġieldu sew mal-ħajja biex jgħixu b'mod partikolari biex iħallsu l-kontijiet għoljin tad-dawl.
Lawrence Gonzi kien qal li l-Gvern qed jagħmel ħiltu ibiddel il-perċezzjoni tal-faqar f'Malta.
Konsumaturi b'aktar aċċess għal
drittijiethom
Intant il-Parlament lbieraħ iddiskuta l-att li jemenda l-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur għal affarijiet oħra konsegwenzjali jew anċillari għal dan. Il-Ministru Helena Dalli spjegat li dan l-abbozz se jkun qed jagħti aktar aċċess biex il-konsumaturi jieħdu dak li ħallsu għalih.
L-att jgħid li l-konsumaturi għandhom id-dritt ta’ aċċess għall-proċeduri tal-ADR li jikkonċernaw dak it-tilwim li jista’ jkollhom ma’ negozjanti. Iżda meta ma jkunx hemm entità tal-ADR kompetenti sabiex tieħu ħsieb li tinstab soluzzjoni għal dan it-tilwim, dan it-tilwim għandu jintbagħat lil dik l-entità tal-ADR residwa jew dawk l-entitajiet tal-ADR residwi lijistgħu minn żmien għal żmien jkunu maħtura abbażi ta’ din it-Taqsima. L-att jgħid li kuntratt ta’ bejgħ tfisser kull kuntratt li permezz tiegħu n-negozjant jittrasferixxi jew jimpenja ruħu li jittrasferixxi l-proprjetà ta’ oġġetti lill-konsumatur u l-konsumatur iħallas jew jimpenja ruħu li jħallas il-prezz ta’ dawn l-oġġetti, kif ukoll kull kuntratt li għandu bħala s-suġġett tiegħu kemm oġġetti kif ukoll servizzi. L-att jgħid li kuntratt ta’ servizz tfisser kull kuntratt li mhuwiex kuntratt ta’ bejgħ li abbażi tiegħu n-negozjant iforni jew jimpenja ruħu li jforni servizz lill-konsumatur u l-konsumatur iħallas jew jimpenja ruħu li jħallas il-prezz għal dan.
"Ippubblika l-kuntratt mal-kumpanija
Spanjola li tmexxi t-trasport pubbliku"
- Id-Deputata Nazzjonalista Marthese Portelli
Id-Deputata Nazzjonalista Marthese Portelli fil-ħin tal-aġġornament tal-Parlament tkellmet dwar il-problema tat-traffiku u qalet li hemm ħafna u ħafna ħaddiema li qed jaslu tard kull filgħodu waqt li għadd ta' ħwienet qed jispiċċaw jiftħu ukoll tard. Hi appellat lill-Ministru għat-Trasport Joe Mizzi biex jippubblika l-kuntratt mal-kumpanija Spanjola li qed tmexxi t-trasport pubbliku.
Kif il-Gvern jitratta t-traffiku hi
garanzija li fil-futur se jkollna falliment
- id-Deputt Nazzjonalista Censu Galea
Id-Deputat Nazzjonalista Censu Galea, fl-aġġornament tal-Parlament qal li "l-mod kif il-Gvern qed jitratta l-kwistjoni tat-traffiku, hi garanzija li fiż-żmien li ġej se jkollna falliment u minn dan se nbatu aħna bħala Maltin."
Censu Galea tkellem dwar il-problema tat-traffiku u qal li ta' kull filgħodu minn fejn l-Knisja ta' San Pawl il-Baħar sar-rawndebawt li tinsab fil-bidu tal-lokal tieħu xejn inqas minn nofs siegħa biex tasal. Hu spjega li minkejja li saret Triq il-Kosta, xorta waħda fiż-żmien li ġej se jkun hemm problemi mar-rawndebawt fil-bidu ta' San Pawl il-Baħar.
Hu qal b'ton sarkastiku li f'dan qed isiru l-mirakli u dan għax f'nifs jingħad li żdiedu dawk li qed jużaw tal-linja u mill-banda l-oħra t-toroq huma ġġamjati bit-traffiku.
Minn L-ORIZZONT
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home