'Qatt m'għandna niġġudikaw maġġoranza b'azzjonijiet ta' minoranza'
- Samira Jamil, Musulmana li tgħix f'Malta
Fl-aħħar jiem, wara l-attakki terroristiċi li seħħew fi Franza, spikka l-fatt li kienu ħafna dawk li bdew jitfgħu f'keffa waħda lill-Musulmani. Allavolja kien hemm Musulmani li ħarġu fit-toroq u ddikjaraw li dak li seħħ ma sarx f'isimhom u kkundannaw, kienu bosta dawk li xorta waħda baqgħu jippuntaw is-swaba'.
Samira Jamil, Musulmana li tgħix f'pajjiżna, ikkummentat dwar din is-sitwazzjoni. Hija qalet li, "Wara l-massakri li seħħew f'Pariġi, jien qrajt il-kundanni tal-Musulmani minn madwar id-dinja. Meta qrajt dawn għaddewli żewġ ħsibijiet minn moħħi. L-ewwel ħsieb kien jekk dawn il-kundanni kienux qawwijin biżżejjed għal dawk li qed iħossu li l-Musulmani għandhom jieħdu responsabbilità ta' dawn l-atroċitajiet. It-tieni ħsieb hu jekk dawn il-kundanni minn Musulmani hux se jbiddlu l-isterjotipi li l-Musulmani huma marbutin mal-vjolenza? Fi spazju ta' ġimgħatejn, intilfu ħajjiet prezzjużi. 224 mietu wara li ġġarraf l-ajruplan Russu, 42 mietu f'Beirut, 127 f'Pariġi u oħrajn mietu waqt li kienu qed jaħarbu minn postijiet fejn hemm l-Istat Iżlamiku."
Żiedet tgħid li, "Jien qed nibki t-telfa fuq diversi livelli. Qalbi muġugħa għat-telf ta' ħajjiet. Nibki t-telfa tal-umani kollha li tilfu ħajjithom meta kienu f'idejn dawn il-fanatiċi. Jien nibki għall-Islam li ġie mmiżinterpretat minn minorità ta' estremisti. Dawn l-estremisti ma jirrappreżentawx lili, u lanqas jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-Musulmani li jridu l-paċi. Jidher li hi aktar faċli li wieħed jitfa' lill-Musulmani fl-istess keffa milli wieħed iżomm moħħ miftuħ. Qatt m'għandna niġġudikaw il-maġġoranza b'azzjonijiet ta' minoranza. Aħna ma nobogħdux lill-Ġermaniżi kollha għal dak li n-Nażi għamlu mal-Lhud jew aħna ma nobogħdux lill-Kristjani għal dak li seħħ fil-kruċjati."
Kompliet li, "Bħala Musulmani, hemm bżonn nanalizzaw dak li qed jiġri madwarna. M'hemmx tluq aħjar minn djarna biex nagħmlu dan. Qegħdin nagħtu valuri u morali b'saħħithom fit-tfal tagħna? Qegħdin nipprovdulhom l-aħjar edukazzjoni biex ikunu kapaċi jiddiskutu, u jiddibattu mingħajr ma jkollhom il-bżonn li jsegwu b'għajnejhom magħluqin u jirrezistu l-brainwashing? Qed ngħallmuhom it-tolleranza u li jaċċettaw lil persuni oħra li ma jkunux qed jaqsmu t-twemmin u l-kultura tagħna? Qed ngħallmu lit-tfal tagħna biex iħossuhom superjuri fuq dawk li mhumiex musulmani? Qegħdin ninkoraġixxu liż-żgħażagħ tagħna biex iqajmu mistoqsijiet lil xi imams li qed ixerrdu mibgħeda?"
Samira Jamil sostniet li, "Għalkemm hu diffiċli biex il-Musulmani jaraw id-dawl meta hawn tant dlam madwarna, jien nemmen li d-dawl għandu jibda joħroġ minna stess."
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home