Iż-żjara tal-Prinċep Karlu titqies 'sinifikanti'……
….mossa biex ikun il-Kap tal-Commonwealth?
Għalkemm osservaturi tas-Summit tal-Kapijiet tal-Istati tal-Commonwealth għandhom ħsibijiet differenti dwar il-fatt li l-Prinċep Karlu qed jakkumpanja lir-Reġina għal dan is-summit, fost għadd ta' rappreżentanti ta' delegazzjonijiet li hawn f'pajjiżna, iż-żjara tal-Prinċep Karlu f'Malta għas-summit 'għandha sinifikat speċjali'. "Mhix sempliċi żjara. Naħseb li hi mossa minn Buchingham Palace biex tibda titwitta t-triq biex il-Prinċep Karlu jkun il-Kap tal-Commonwealth. Din hi xi ħaġa li kien hemm min diġa esprima ruħu kontriha", qal lil L-ORIZZONT wieħed mir-rappreżentanti li hawn f'Malta.
Delegat iehor li kkummenta ma' L-ORIZZONT qalilna li "din m'hix l-ewwel darba li l-Prinċep Karlu akkumpanja lir-Reġina għas-Summits tal-Commonwealth. Issa meta tqis li għandek Reġina li għandha 89 sena u li ma tivvjaġġax fit-tul, ġustament hi naturali li wieħed jibda jispekula li l-miġja tal-Prinċep Karlu qed issir biex finalment ikun hu l-Kap". Ta' min jgħid li l-Prinċep Karlu se jattendi ċ-ċerimonja tal-ftuħ u l-ikla li se ssir.
Rappreżentant iehor, meta mitlub jikkummenta spjegalna li "dikjarazzjonijiet dwar iż-żjara tal-Prinċep Karlu narahom spekulazzjonijiet. Imma żgur li jekk ikollhom jinbdew xi passi f'dan is-sens, se jkun hemm reżistenza minn għadd ta' pajjiżi Afrikani".
Osservatur li tkellem magħna qalilna li "dan hu l-ewwel CHOGM li fih qed jattendu erba' membri tal-familja Rjali. Oriġinarjament u din ftit qed tissemma, kellhom jiġu l-familja kollha. Biss jidher li fl-aħħar xhur inbidlu l-pjanijiet. L-aħħar darba li sar iċ-CHOGM fi Sri Lanka, jiġifieri sentejn ilu, ir-Reġina kienet rappreżentata mill-Prinċep Karlu. Waħda mir-raġunijiet għall-assenza tagħha kienet it-titjira twila bejn Londra u Sri Lanka. Issa tqum il-mistoqsija jekk il-preżenza tal-Prinċep Karlu hix parti minn pjan ta' transizzjoni minn Buchingham Palace, liema pjan jipprepara lill-Prinċep Karlu għall-Kap tal-Commonwealth".
L-istess osservatur qalilna li "l-ispekulazzjoni mhix fiergħa għax il-post ta' Kap tal-Commonwealth mhuwiex ereditarju. Filfatt il-Prinċep Karlu m'għandux xi dritt aktar minn kapijiet ta' Stati tal-Commonwealth biex jieħu l-post ta' Kap tal-Commonwealth. Issa jekk verament hemm dawn il-pjani, din hi xi ħaġa kontradittorja għall-aħħar għall-Commonwealth li hi bbażata fuq il-valuri tad-demokrazija, u r-rispett reċiproku."
L-istess osservatur qalilna li "fl-aħħar xhur kien hemm tentattivi biex jinqata' l-irbit ta' l-Istati membri mal-Monarkija. Il-Prim Ministru tal-Ġamajka, kien filfatt talab li r-Reġina ma tibqax il-Kap tal-Commonwealth. Hu kien ġab l-argument tar-rabtiet bejn l-iskjavitu u r-Renju Unit. Il-Prim Ministru Awstrajan Malcolm Turnbull iddikjara b'mod ċar li ma jridx li l-Prinċep Karlu ikun il-Kap tal-Commonwealth".
Matul is-sena li għaddiet fir-Renju Unit kienu nħarġu rapporti li kienu jgħidu li għal-laqgħa tal-Commonwealth (CHOGM) ir-Reġina se ġġib ukoll lill-Prinċipijiet Karlu, William u ċ-ċkejken George kollha eredi tat-tron. Kien intqal li jekk din iż-żjara ssir se tkun l-ewwel darba li r-reġina u l-eredi kollha tat-tron ikunu siefru barra mir-Renju Unit kollha f’daqqa.
minn L-ORIZZONT
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home