Thursday, November 26, 2015



Kaptan Ġermaniż jarma bastiment
biex isalva l-immigranti


Waqt li bħalissa f'nofs il-Mediterran, eżattament bejn Lampedusa u l-Libja, hemm bastiment ta' Medecins Sans Frontieres u bastimenti navali oħra biex isalvaw immigranti, issa qed isir magħruf li fi ftit ġimgħat oħra se tinbeda operazzjoni ġdida.
F'kuntatt li għamilna mal-Kaptan Ġermaniż Klaus Vogel, ġie kkonfermat li kważi kollox jinsab lest biex fil-bidu tas-sena' tinbeda operazzjoni ġdida biex ikunu salvati immigranti li jkunu qed jaqsmu b'dgħajjes mil-Libja lejn l-Ewropa.
Meta tkellem magħna, Klaus Vogel enfasizza li hu waqqaf l-organizazzjoni SOS Mediteranee, li fiha hemm rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u twaqqfu għadd ta' friegħi tagħha fosthom bl-aħħar waħda tkun f'Palermo. Klaus Vogel beda din l-inizijattiva wara li b'mod kontinwu kien qed jisma' b'għarqiet ta' immigranti.
Imma Klaus Vogel ma kinitx faċli għalih li jibda din il-ħidma. Dan għax hu kellu impjieg mal-kumpanija internazzjonali Hapag Lloyd. Jgħid ċar u tond li "ma stajtx nibqa' ċass u nara n-nies imutu waqt li jkunu qed ifittxu ħajja aħjar". Għalhekk kien qabad u telaq mill-impjieg li kellu.
Il-missjoni tal-kaptan Klaus Vogel  se tiġi tiswa xejn inqas minn €1.2 miljun, fejn hu xtara l-bastiment Marklab.  Dan hu bastiment li għandu kapaċità li jgħabbi fuqu xejn inqas minn 400 persuna.
Klaus Vogel,  li llum għandu 59 sena, jgħid li "3,000 persuna mejtin fit-tfittxija għal ħajja aħjar, hu ammont kbir wisq. Dawn huma nies li qed imutu għax mhux qed tittieħed azzjoni".
Wara li waqqaf l-organizazzjoni SOS Mediteranee, hu kien beda jiġbor il-fondi għal din il-missjoni. Waħda mid-donazzjonijiet li tispikka kienet dik li saret minn tfajla ta' 17-il sena li tagħtu €100 minn dak li kienet faddlet.
Minkejja li nxtara l-bastiment, l-operazzjoni meta tibda taħdem se jkollha spiża ta' €200,000 fix-xahar.   Il-pjani ta' Vogel, li sabu appoġġ sew fil-Ġermanja ma sabux xkiel.  Nemmen li s-soċjetà ċivili għandha taġixxi  u turi solidarjetà mal-eluf ta' immigranti li qed jippruvaw jaqsmu l-baħar Mediterran. Hi responsabbilità tagħna li ma nibqgħux passivi imma nsalvaw lil dawn in-nies".

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home