Il-monument kontroversjali f’Ħal Luqa:
‘Kif wasalna biex sebbaħna d-daħla ta’ Ħal Luqa
nemmen li nistgħu nneħħu dan l-monument’
- id-Deputat Laburista Silvio Schembri
Il-kwistjoni tal-monument f’Ħal Luqa li dwaru kien hemm protesti minn għadd ta’ Luqin biex jitneħħa, issa spiċċat ukoll fil-Parlament, fejn id-Deputat Laburista Silvio Schembri - wild Ħal Luqa - staqsa lill-Prim Ministru Joseph Muscat dwar it-tneħħija ta’ dan il-monument. Peress li tweġiba ma ngħatatx, għax intqal li din se tingħata f’seduta oħra, inewsmalta.com, tkellem mad-Deputat Silvio Schembri dwar il-pressjoni li beda fil-Parlament dwar dan il-monument.
Staqsejnieh dwar x’jista’ jfisser il-fatt li ma ngħatatx tweġiba mill-ewwel u hu qalilna li, “Is-sistema tal-mistoqsijiet Parlamentari taħdem b’tali mod li meta Membru Parlamentari jpoġġi mistoqsija jkun hemm tlett ijiem biss ċans sakemm trid tingħata l-ewwel tweġiba. Nifhem li bħalissa għaddejja l-liġi tal-qasma fil-MEPA u għalhekk hemm prijoritajiet oħra però bħalma wasalna biex nirranġaw id-daħla l-oħra ta’ Ħal Luqa u issa hemm waħda mill-isbaħ roundabouts f’Malta, nemmen li dan għandu jitneħħa wkoll sabiex tiġi milqugħa ix-xewqa tal-Luqin.’
Qalilna wkoll li, ‘Din mhix kwistjoni li qamet issa iżda ilha għaddejja għal numru ta’ snin. Niftakar li anke meta kont kunsillier fil-Kunsill Lokali ta’ Hal Luqa kont ilmentajt ma’ Gvern Nazzjonalista fuq dan il-mument, u issa li jien Membru Parlamentari u hemm Gvern Laburista nħoss li nista’ nressaq dan l-ilment aktar 'il fuq.”
Id-Deputat Schembri żied jgħid li, ‘Jien artist m'iniex però fl-opinjoni tiegħi u ta’ ħafna Luqin dan mhux postu hemm. Anke l-Kunsill Lokali jaqbel li dan għandu jitneħħa u fil-fatt kien għamel suġġerimenti x’jista’ jsir minflok. Nemmen li monument xieraq għandu jkun xi ħaġa marbuta ma’ Ħal Luqa bħal pereżempju monument għal Mikiel Anġ Sapiano jew xi ħaġa marbuta mal-avjazzjoni.”
Dan il-monument kien ħoloq kontroversja sħiħa fil-pajjiż minħabba l-għamla tiegħu, tant li spiċċa l-mira ta' ħafna ċajt u redikolu, fosthom f'diversi kanzunetti u satira.
Madankollu l-akbar kontroversja li nqalgħet dwar dan il-monument kienet meta għamel iż-żjara f'pajjiżna l-Papa Emeritus Benedittu XVI fl-2010.
Dak iż-żmien, il-Kunsill Lokali ta' Ħal Luqa kien għamel talba biex dan il-monument jitneħħa, peress li l-Papa kien se jgħaddi mit-triq fejn jinsab hekk kif joħroġ mill-ajruport. Il-Kunsill Lokali ta' Ħal Luqa kien iddeskriva dan il-monument bħala “oxxen".
Ġara iżda li l-monument ma kienx tneħħa, u minflok ġie mgħotti bi strixxuni.
Imbagħad, f'Ħadd il-Għid tal-2012, kien sar att vandalu fuq dan il-monument. L-att vandalu kien seħħ meta xi ħadd qala' xi ġebel li kien hemm madwar il-monument u beda jwaddabhom fid-direzzjoni tan-naħa ta' fuq tal-monument. Dakinhar il-Kunsill Lokali kien ikkundanna l-att vandalu, madankollu baqa' jsostni li dan il-monument ma għandux jibqa' f'Ħal Luqa.
Min-naħa tiegħu, il-Gvern kien talab lill-artist Paul Vella Critien biex jippreżenta rapport tal-ħsarat li l-monument ġarrab f'dan l-att vandalu.
Minn L-ORIZZONT
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home