Il-latrini se jingħataw lill-privat...għalihom
se jkun hemm ħlas baxx
Il-latrini f'pajjiżna li ħafna minnhom huma fi stat inaċċettabbli, jidher li fi żmien mhux il-bogħod se jgħaddu f'idejn il-privat. Dan se jkun pass biex finalment jittejbu dawn l-istrutturi b'mod partikolari f'postijiet turistiċi. Għalihom se jkun hemm ħlas baxx. Dan ħareġ minn mistoqsijiet supplimentari waqt il-ħin tal-mistoqsijiet fil-Parlament.
Id-Deputat Nazzjonalista Ċensu Galea fil-ħin tal-mistoqsijiet Parlamentari llejla kkritika l-fatt li hemm pjani mill-Gvern biex il-latrini pubbliċi jgħaddu għand il-privat u qal li, “Insibha diffiċli li nagħmlu profitti mill-pipì.”
Il-Ministru għat-Turiżmu, Edward Zammit Lewis, spjega kif il-gvern għamel studju fuq il-latrini u l-kundizzjoni tagħhom, waqt li l-Ministru Owen Bonnici staqsa jekk hemmx qbil li xi wħud mil-latrini jinsabu f’kundizzjonijiet li mhumiex aċċettabbli.
Il-Ministru Zammit Lewis spjega kif hemm pjani biex jinbeda proġett pilota biex il-latrini fiċ-ċentru tal-pajjiż ikunu jiffurmaw parti minn proġett li għalih jidħol il-privat. Hu enfasizza li t-tariffi li se jintalbu se jkunu baxxi.
Intant il-Ministru Owen Bonnici fi tweġiba Parlamentari għal mistoqsija tad-Deputat Laburista Anthony Agius Decelis qal li, “L-ebda Kunsill Lokali ma daħal għal Public Private Partnership rigward latrini pubbliċi. L-uniku xebh li jista’ jkun hemm huwa dak tal-Kunsill Lokali Valletta, li żgur mhux l-eżempju li wieħed għandu jikkopja. Il-Kunsill Lokali Valletta daħal għal ftehim ma' żewġ kuntratturi li joperaw dawn il-latrini li għandhom fakultà li jitolbu ħlas għas-servizz li jingħata. Il-ftehim ma kien ikopri l-ebda ħlas għar-renta u konsum ta’ dawl u ilma. Dawn jitħallsu mill-Gvern ċentrali u mhux mill-kunsill lokali. Ta' min jgħid li d-Direttorat għat-tindif qatt ma kien involut fl-ebda arranġamenti bejn il-Kunsill Lokali u l-kuntratturi. Mis-sena 2014 lil hawn id-Direttorat għat-Tindif iddeċieda li jibda jibgħat il-kontijiet ta’ kera tal-art u dawl u ilma lill-kuntratturi rispettivi. Mhux ġust li dawn il-kuntratturi jitħallsu tas-servizz mingħand il-pubbliku u l-ispejjeż jibqa' jħallashom il-Gvern ċentrali.”
Minn L-ORIZZONT
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home