Thursday, December 3, 2015



'Malta se tħalli marka storika - dik tal-impenn biex il-poljo tinqered'
             - Ramesh Ferris


Ftit jiem fl-Etjopja kienu biżżejjed biex minn ħafna toroq li għaddejt minnhom nara nies mitfugħin mal-art jew jitkaxkru biex jimxu. Issibhom ħafna drabi jittallbu jew jitolbu l-għajnuna. Taħseb li twieldu hekk b'diżabilità. Imma ma jkunx il-każ. Huma vittmi tal-poljo. Marda li taħkem it-tfal fl-ewwel ftit xhur u toħdilhom saqajhom għal għomorhom.
Illum teżisti tilqima u mediċina, li permezz tagħha, il-poljo tista' ssir biss memorja. Tilqima li diġà wasslet biex f'ħafna pajjiżi l-poljo nqerdet. Imma minkejja li d-dinja tinsab qrib li teqred din il-marda, jonqos il-bżonn ta' $1.5 biljun biex jitlaqqmu tfal f'pajjiżi fil-Pakistan u l-Afganistan. 
Ramesh Ferries, li fl-aħħar jiem kien f'Malta għas-Summit taċ-CHOGM, li hu wkoll vittma tal-polj,o jgħid li "l-ġlieda kontra l-poljo mhix mitmuma. Ftakru  li każ ġdid ta' Polio x'imkien fid-dinja, jista' jkun theddida għal kull tifel f'kull post tad-dinja". Ramesh imma telaq minn Malta ottimist li minn hawn din il-marda għandha tingħata d-daqqa tal-mewt u dan hekk kif l-Awstralja u l-Kanada impenjaw ruħhom li jgħinu finanzjarjament.
inewsmalta.com fl-aħħar jiem tkellem ma' Ramesh Ferris, fejn hu enfasizza li "'Malta se tħalli marka storika - dik tal-impenn biex il-poljo tinqered". Din ma kinitx l-ewwel darba li Ferris mar f'summits taċ-CHOGM biex jagħmel pressjoni fuq din il-marda. F'Malta ttieħdet l-inizjattiva b'diversi mexxejja jaqblu li jagħmlu l-aħħar sforz biex din il-marda tinqered darba għal dejjem mid-dinja. Is-sejħa tiegħu lill-mexxejja tad-dinja kienet biex jikkommettu ruħhom u jagħtu fondi għall-qerda tal-poljo.
"Jien fakkarthom li falliment biex isir dan mhux għażla.  L-Organizazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), tipprevedi  li jekk ma nkomplux naħdmu biex neqirdu l-poljo, inkunu qed nirriskjaw li fi żmien 40 sena oħra ikollna 10 miljun tfal ipparalizzati," tenna Ramesh.
Ramesh li kien strumentali biex il-poljo tpoġġiet fuq l-aġenda taċ-CHOGM f'Malta, meta tkellem ma' inewsmalta.com qalilna li "l-Prim Ministru Joseph Muscat għamilha prijorità għalih li l-qerda tal-marda tal-Polio titpoġġa fuq l-aġenda tas-Summit għall-Kapijiet tal-Istati tal-Commonwealth (CHOGM).  Meta ltqajt mal-Prim Ministru Malti fi New York f'Settembru li għadda waqt il-Global Citizen Festival, jien għaddejtlu petizzjoni li kien fiha aktar minn 42,00 0 firma. Din il-petizzjoni kienet titlob li l-qerda tal-poljo titpoġġa fuq l-aġenda taċ-CHOGM.  Il-Prim Ministru Malti wera x'jiġifieri tkun ċittadin globali.  Hu aċċetta s-sejħa ta' azzjoni biex jgħin lil dawk l-aktar vulnerabbli fid-dinja."
Ferris jgħidilna li "jien ivvjaġġajt lejn għadd ta' pajjiżi fosthom il-Pakistan, l-Afganistan u l-Indja. Meta mxejt fit-toroq, jien stajt nara nies morda bil-poljo, jitkaxkru mal-art. Kienu qed jużaw biċċiet ta' tyres ma' rkobbtejhom jew inkella jilbsu sandlijiet f'idejhom."
Jenfasizza li "Malta hi pajjiż żgħir imma hu żgur li se tkun qed tħalli marka storika fil-qerda tal-Polio mid-dinja. CHOGM 2015 se tibqa' imfakkra bħala żmien li fih il-mexxejja Dinjin ingħaqdu flimkien u kkommettew ruħhom li jagħtu l-aħħar imbutattura fil-qerda tal-Polio. Dan intlaħaq bid-determinazzjoni tal-Prim Ministru Malti."
Nistaqsuh kif ġieli kien hemm okkazjonijiet fejn inbdew kampanji biex tingħata l-aħħar daqqa lill-poljo iżda mbagħad donnhom l-affarijiet waqfu. Hu jgħidilna li "l-Indja u n-Niġerja huma eżempji perfetti li jekk irridu l-poljo tista' tinqered minn kullimkien. L-użu tat-teknoloġija tal-mowbajl, li nifhmu aħjar ix-xejriet tal-immigrazzjoni u miżuri ta' emerġenza effettivi għal każi ġodda ta' poljo għandhom bżonn jitkomplew jekk irridu neqirdu din il-marda. Imma biex dan isir hemm bżonn il-flus. 
Jekk il-mexxejja tal-pajjiżi tal-Commonwealth jgħinu biex titnaqqas il-ħofra li hemm fil-fondi li hemm bżonn biex il-poljo tinqered mid-dinja, din il-ħolma ssir realt̀à. Bħalissa l-Global Polio Eradication Initiative għandha bżonn fondi li jammontaw għal $1.5 biljun. Dawn il-flus huma bżonjużi biex jingħata tilqim lil miljuni ta' tfal, li ma ntlaħqux bi programmi ta' tilqim li saru fil-passat. Fis-sena 1988, il-poljo kienet endemika f'125 pajjiż u kien hawn 350,000 tfal morda b'din il-marda kull sena. Illum huma biss żewġ pajjiżi il-Pakistan u l-Afganistan fejn għad hemm il-poljo. Is-sena li għaddiet kien hemm inqas minn 360 każ ta' poljo f'sena."
Ramesh ikomoli jgħidilna li "fl-età ta' sitt xhur, saqajja kienu paralizzati għal dejjem. Illum ikolli nilbes apparat apposta u nuża krozzi biex jassistuni fil-mixi. Trid tiftakar li jien ħadt il-poljo 25 sena wara li nħareġ il-vaċċin kontra l-poljo ta' Dr Jonas Salk fis-sena 1955."
Oriġinarjament  Ramesh twieled f'Tamil Nadu fl-Indja. Meta ħa l-poljo ommu ma setax ikollhom aċċess għal kura u rijabilitazzjoni u hu tpoġġa f'orfanatrofju. Hu kien adottat fil-Kanada u wara sensiela ta' operazzjonijiet fil-Kanada hu tgħallem jimxi bil-krozzi. Fis-sena 2002, Ramesh irritorna lejn l-Indja fejn iltaqa' ma' ommu għall-ewwel darba. Hemm ra affarijiet li bidlulu ħajtu għal dejjem. "Rajt kif kienet se tkun ħajti kieku ma ġejtx adottat. Kienu xeni orribbli li nara żagħżugħ li kellu ftit aktar minn 20 sena jitkaxkar mal-art, jittallab. F'idejh kien liebes sandli, għax idejh kien qed jużahom bħala saqajn. Meta rajt hekk, ħlift li niġġieled biex neqred dawn ix-xeni."
Waqt li kien qed isir iċ-CHOGM f'Malta, il-Prim Ministru Awstraljan, Malcolm Turnbull, esprima d-diżappunt tiegħu li l-poljo għadha ma inqerditx.
Minn inewsmalta.com

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home