Ħasbuhom kontra l-Gvern Malti... meta kienu kontra l-Gvern Etjopjan
"Xi jridu aktar dawn? Mhux kollox itihom il-Gvern? Dawn ituhom kollox mhux bħalna," qalli anzjan li kien fi Triq ir-Repubblika u li ftit passi bogħod minnu kien hemm grupp ta' Etjopjani li jgħixu f'Malta jipprotestaw.
Malajr ingħaqdu oħrajn u bdew jgħidu li mhux sew jipprotestaw kontra l-Gvern meta Malta tathom kenn. Dan is-sentiment intwera wkoll minn persuni oħra fosthom xi persuni li jaħdmu fi ħwienet u li ħarġu jsegwu l-protesta, bi stil Afrikan, storbjuża u kkulurita.
"Ma jiblax il-loudspeaker!" kien il-kumment li għadda anzjan iehor. Matul it-triq li għaddew minnha ma kinux wieħed u tnejn li rrimarkaw kif dawn qed jipprotestaw. Li ma ndunawx dawn il-persuni hu li dawn ma kinux qed jipprotestaw kontra l-Gvern Malti. Kienu qed jipprotestaw kontra l-Unjoni Ewropea, l-Istati Uniti u fuq kollox kontra r-reġim dittatorjali tal-Etjopja, fejn fl-aħħar jiem għadd ta' studenti kienu massakrati minħabba l-protesti li qed jagħmlu kontra t-teħid ta' art fl-espansjoni tal-kapitali Etjopjana Addis Ababa.
Il-protesta fil-Belt Valletta kienet waħda minn sensiela ta' protesti li qed isiru madwar id-dinja, intiżi biex pajjiżi li qed jgħixu fihom l-Etjopjani jagħmlu pressjoni fuq il-Gvern Etjopjan.
Fil-protesta, li saret f'Malta mill-Komunità ta' Refuġjati Oromo, inġarrew bnadar Etjopjani, bandiera Maltija u anke dik tal-Unjoni Ewropea. Ma naqsux għadd ta' kartelluni li fihom intwerew il-massakri li saru fl-Etjopja mill-forzi tal-ordni fuq membri tal-komunità Oromo. Spikkaw persuni marbutin bi ktajjen.
Fil-protesta, li bdiet minn quddiem il-Parlament u baqgħet sejra sa quddiem ir-rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f'Malta, il-membri tal-komunità Oromo f'Malta esprimew ir-rabja tagħhom lejn il-Gvern Etjopjan minħabba l-attakki feroċi li qed jagħmel fuq studenti mill-komunità Oromo.
Intant madwar id-dinja bdiet tinġabar petizzjoni li tgħid li l-Gvern Etjopjan qed juża l-militar kontra l-istudenti u ċittadini Oromo li qed jipprotestaw kontra l-espansjoni ta' Addis Ababa. Minn nofs Novembru ta' din is-sena, bdew għadd ta' protesti paċifiċi minn studenti fid-distrett żgħir ta' Ginchi. Minn hemm il-protesti infirxu għal universitajiet u kulleġġi oħra.
Ġenituri, bdiewa, ħaddiema tal-fabbriki u professjonisti ngħaqdu mal-istudenti fil-protesti. Il-militar qed jispara fuq dawk li qed jipprotestaw. Fost dawk li nqatlu kien hemm tfal li ma kellhomx aktar minn tmien snin. Sa issa hu stmat li nqatlu xejn inqas minn 65 persuna.
minn inewsmalta.com
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home