Il-każ tal-ekspriġunier li ħareġ mill-ħabs b'ta' fuqu senduqu...
'Irrid inkun missier tajjeb'
Lil hinn mix-xinxilli, grokkijiet, u festini, iż-żewġ eks priġunieri li wieħed minnhom ħareġ mill-ħabs b'ta' fuqu senduqu kellhom ferħa kbira f'dan il-Milied. Ferħa li ma kinitx tinvolvi għajnuna materjali jew finanzjarja. Kienet ferħa li kienu ilhom jixtiquha. Dik li jiltaqgħu mat-tfal tagħhom li kienu ilhom ma jarawhom. Għalihom dan kien l-akbar rigal li setgħu jingħataw minkejja l-bżonnijiet li għandhom. Din ix-xewqa ntlaqgħet fl-aħħar sigħat u dawn l-eks priġunieri wieħed ta' 31 u l-iehor ta' 34 sena reġgħu ltaqgħu ma' wliedhom. Grazzi għall-ġenerożità, dawn l-istess tfal ingħataw rigali minn missirijiethom bħal tfal oħrajn. L-emozzjonijiet ma naqsux. Spikka dak li qal wieħed mill-priġiunieri meta b'rasu fuq spallejn wieħed mill-voluntieri infexx f'bikja u qal, "Irrid inkun missier tajjeb".
Din ix-xewqa ta' dawn iż-żewġ eks priġunieri, li bil-għajnuna li qed jirċievu qed jakkwistaw ħajjithom milll-ġdid, saret bis-saħħa ta' dak li jissejjaħ 'After Care Programme' tal-Prison Fellowship Malta, għaqda li qed tgħin lil dawn iż-żewġ eks priġunieri, tassistihom u fuq kollox tagħmel superviżjoni tal-mod ta' kif qed jgħixu.
Il-laqgħa ta' dawn l-eks priġunieri ma' uliedhom qed titqies bħala pass kbir 'l quddiem, anki għar-rijabilitazzjoni ta' dawn iż-żewġ persuni. "Kienu passi diffiċli imma saru għax dawn iż-il-persuni qed jimxu fuq il-pariri li qed intuhom', qalilna wieħed mill-voluntieri.
Qalilna li "kien sabiħ li ħadu rigali lit-tfal tagħhom biex jibdew il-kommunikazzjoni u r-relazzjonijiet ta' ġenituri."
Fil-Milied kielu ikla minn idejn ekspriġuniera….ferħa bi track suit
Fil-jum tal-Milied, kien ukoll jum differenti għalihom għax waqt li fil-jiem ta' qabel kienu rċevew għajnuna u ikliet mingħand diversi persuni li għenuhom, għall-Milied kielu minn taħt idejn eks priġuniera li ddeċidiet li ssarjilhom.
Fil-Milied ukoll irċevew it-track suits li kienu qed jixtiequ fejn tant ferħu li inxtrawlhom it-track suits, li libsuhom dak il-ħin stess. Dawn inxtraw u ngħataw mill-Azzjonai Kattolika. Wieħed mill-ġirien għaddielhom ukoll friġġ.
Id-diżappunt…..trasport baqa' ma wasalx
Waqt li l-għajuna li qed jingħataw għenithom bil-kbir biex jibdew iħarsu b'mod pożittiv lejn il-ħajja, xorta waħda għad jonqos għajnuna biex dawn iż-żewġ eks priġunieri jiġu sew fuq saqajhom. Sa issa għadhom qed jorqdu mal-art, għax minkejja li kien hemm diversi li offrew kmamar tas-sodda, sa issa għadha ma ssolvietx il-problema tat-trasport. Minkejja l-appelli, ma ġiex provdut trasport biex din l-għamara tinġabar u tinġarr.
Il-voluntier li qed jieħu ħsiebhom qalilna li "hemm min lest itihom twin tub u affarijiet oħra, imma rridu t-trasport biex inġorruhom. Sa issa dan għadu ma wasalx."
Dan il-każ qed juri kemm jekk wieħed jieħu ħsieb u jsegwi b'mod kontinwu u kuljum lil eks priġunieri, hemm ċans tajjeb li dawn jibdew mexjin 'l quddiem. Il-voluntier waqt li spjegalna l-ħidma li qed iwettaq magħhom qalilna li "ħolma li għandi hi li jkollna ċentru li joffri kenn u għajnuna lil eks priġunieri li jkollhom bżonn. Dan sakemm iqumu fuq saqajhom. Dan għandu jkun il-perjodu ta' transizzjoni bejn ħabs u d-dħul lura fis-soċjetà.
Dwar il-ħidma tiegħu magħhom, l-istess voluntier jgħidilna li " l-enfasi hi fuq kif isir l-infieq. Ngħidilhom iżommu record ta' x'jonfqu. Nurihom li jridu jerfgħu għall-bżonnijiet ta' għada. Wieħed minn dawn l-eks priġunieri jixtieq jitgħallem jikteb u jaqra. Nittamaw li forsi jkun hawn xi ħadd li jkun lest jgħallmu dan".
Tkellimna wkoll ma' Mark Vella mill-Prison Fellowship li qed imexxu dan il-programm. Qalilna li "nappella għal aktar voluntiera. Irridu nibdew sezzjoni f'Għawdex. Qed nistenna risposta mill-Isqof t'Għawdex jgħidli fejn nistgħu niltaqgħu u aħna nibdew laqgħa fix-xahar għall-voluntiera hemm ukoll. Nappella għal tfal li għandhom ġenitur il-ħabs jew li huma eks priġunieri biex jinkitbu fl-Angel Tree Club, li hi sezzjoni ta Prison Fellowship Malta għal tfal ta' taħt it-13 il sena. Dawn ikollhom ħafna attivitajiet bla ħlas."
Mark Vella jgħidilna li "l-messaġġ tiegħi hu wieħed ċar. Meta persuna titteħdilha libertà u spiċċat magħluqa f'ħabs hi saret responsabilità tal-Istat. It-tmexxija tal-ħabs għandha politika, protokol ta' kif tibda ma' kull individwu. Hemm nies imħarrġin u professjonali biex kull persuna tingħata attenzjoni minn x'ħin tirfes l-għatba tal-ħabs dwar is-saħħa, l-edukazzjoni, u l-ħiliet tal-persuna. Hemm l-aspett soċjali u t-tul tas-sentenza. Hemm ir-raġunijiet li wasslu għar-reat, it-tfulija, ir-responsabbiltajiet, il-qraba u t-tfal tal-persuna. Isir Care Plan għal tul is-sentenza. Crisis plan f'każ li l-persuna tingħata l-pleġġ. Il-ħabs għandu jkollu r-riżorsi. Work shops, skola, Pjan għar rilaxx tal-persuna mill-ħabs. Nemmen li l-Gvern għandu jagħti aktar spazju lil Ngos. Jħallina nagħtu s-sehem tagħna. Imma l-akbar attenzjoni trid tkun wara li dan joħorġ mill-ħabs ħalli persuna ma terġax taqa' għall-kriminalità."
Enfasizza li "ż-żamma fil-ħabs ta kull persuna se tgħolli l-ispiża. Għalhekk il-ħabs irid jintbagħat biss min ma jistax isir mod iehor. Hu l-poplu li bħalissa qed iħallas madwar €65 kuljum għal kull persuna li hemm il-ħabs. Is-soċjetà trid li persuna li toħroġ mill-ħabs għandha tkun fi stat li tista' taħdem u mhux dipendenti fuq il-benefiċċji soċjali. Wieħed irid iżomm f'moħħu l-ammonti kbar ta' flus li jkollhom iħallsu lura minħabba dejn bl-użura. Dawn ma jkollhomx biex jgħixu u l-kriminalità bħal kalamita tiġbidhom lejha u jerġgħu jispiċċaw il-ħabs. L-akkomodazzjoni, l-impjiegi, djun, relezzjonijiet u ikel huma kollha kwistjoni ta kull min joħroġ mill-ħabs. Is-sitwazzjoni tkun agħar jekk ikun għad hemm dipendenza fuq droga jew alkohol. Kull tifel li għandu ġenitur l-ħabs hu meqjus minn studji li hu f'riskju għoli li jispiċċa fil-kriminalità. Jekk ma jkunx mgħejjun. Hemm dik li tissejjaħ 'inter generational criminal lifestyle' - jiġifieri in-nannu kien il-ħabs, wara l-missier kien il-ħabs u issa t-tifel mar il-ħabs. Irridu ngħinu biex inkissru ċ-ċirku. B'hekk għandna fi Prison Fellowship Malta, l-Angel Tree Club għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità fost it tfal," temm jgħidilna Mark Vella.
minn L-ORIZZONT
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home