https://www.youtube.com/watch?v=lDX83AIwBc0
Familja mtertqa u tiġġieled għall-għajxien
"Ma nistgħux ngħixu. Ir-raġel marid u ma jiflaħx jaħdem minkejja li għadu kif qaleb il-50 sena. Għandu dijabete akuta u kellu diversi interventi tal-qalb. B'€450 fix-xahar ma nistgħux ngħixu. Ma jservux. Niddependu fuq il-karita. Meta jgħinuk jgħidulek biex ma terġax tmur titlob fi żmien qasir. Imma aħna ma rridux nieklu ukoll? Mhux kuljum nieklu? Jgħiduli oħroġ aħdem. Kif nista' noħroġ naħdem meta r-raġel hu dgħajjef ħafna u ma nistax inħallih waħdu. Soluzzjoni oħra kienet dik li kien hemm min ipproponieli li npoġġi r-raġel fir-residenza tal-anzjani San Vinċenz de Paule. Determinata li ma naqtgħux mill-familja. Li nixtiequ aħna hi ftit aktar għajnuna. Imnalla jkunu t-tfal li jħallsu t-televiżjoni, telefon u bżonnijiet oħra, imma dawn ukoll għandhom il-limiti tagħhom. Ġlieda kontinwa mal-ħajja, naraw kif se nġibu l-ikel u l-bżonnijiet. Minn €450, trid tnaqqas €50 mediċini li ma jingħatawx, għax għalkemm jingħata kaxxa minnhom f'xahar, ir-raġel għandu bżonn żewġ kaxxi, allura waħda nispiċċaw nixtruha aħna".
Iltqajna ma' din il-familja, li issa ilha għal dawn l-aħħar xhur
għaddejja minn żminijiet diffiċli u f'tensjoni kbira biex tara kif se
tgħix. Kienet waħda minn dawk l-intervisti li tħallik bla kliem. Ma tafx
x'se taqbad tgħid. Tara familja litteralment tiġġieled biex tgħix.
Imħassba kif se tagħmel biex dak il-benefiċċju ttawlu kemm tista'.
Hekk kif infurmajna bid-dettalji ta' din il-familja lill-awtoritajiet
konċernati fosthom il-Ministeru għall-Familja u Sigurtà Soċjali, dawn
talbuna immedjatament id-dettalji tal-familja konċernata biex jaħdmu fuq
il-każ tagħha.
Tidħol fl-appartament li qed jgħixu fih u tara li m'hemmx lussu.
Affarijiet bażiċi li xi wħud minnhom ingħataw minn persuni ta' qalb
tajba. Il-kliem jaqa' fuq il-karozzi u t-traffiku, u l-mara u r-raġel
(li isimhom mhux se nxandruhom biex nipproteġu l-identità fuq xewqa
tagħhom) qalulna li lanqas tgħaddilhom minn rashom li jkollhom karozza.
"Kif se nħallsu l-ispejjeż marbutin magħhom? Assigurazzjoni, liċenzja,
ħsarat u petrol. Lanqas biex nixtru l-ikel li għandna bżonn ma jservina
l-benefiċċju aħseb u ara biex inżommu karozza", qaltilna l-mara.
"Konna familja normali...ir-raġel kien jagħmel kollox"
Bla ma trid tistaqsihom fuq ħajjithom jekk hux minn dejjem kienu f'din
l-estremità, kważi tista' tgħid jiddependu fuq il-karità. Il-mara, li hi
omm ukoll tgħidilna li "konna familja normali. Ir-raġel kien bajjad
bis-sengħa. Imma ħadem diversi xogħlijiet għall-familja. Kien jagħmel
il-mużajk, bajjad, wejter, ħadem ta' pizzar, ta' xufier ta' mini bus u
oħrajn. Dan kien dak li jaraw għajnejh jagħmluh idejh. Kien jaħdem
għall-familja u dejjem għexna tajjeb. Kellna it-tfal u ma kellniex
intoppi. Biss darba minnhom ir-raġel kien ġie d-dar mix-xogħol u kien
qalli li beda jħossu għajjien ħafna. Fil-jiem ta' wara baqa' jiġi u
jħossu għajjien. Jum minnhom ġie qisu bandla, se jaqa' u ma jaqax. Qalli
li ma jiflaħx. Beda jixrob ilma bl-addoċċ. Flixkun ta' żewġ litri kien
tista' tgħin li jagħmlu ma' ħalqu u jniżżlu fi ftit sekondi. Morna
niġru lejn l-isptar".
"Kien siegħa biss bogħod mill-mewt…tant kellu zokkor li l-istrument ma bediex jirreġistrah"
L-omm tirrakkonta kif fl-isptar inqala' paniku meta raw li l-livell
ta' zokkor kien wieħed għoli ħafna tant li l-istrument li għamlulu
lanqas beda jaqrah għax kien ferm aktar minn dak li jaqra. Spjegat li
l-professur li kien taħtu spjegalha li "kien siegħa biss bogħod
mill-mewt". Tgħidilna li ngħata it-trattament, iżda meta kien wasal
il-mument li ġġiblu l-ikel mid-dar, ġiet infurmata li r-raġel tagħha
iddaħħal fit-Taqsima tal-Kura Intensiva. Dan għax kellu virus u dan
telagħlu għal moħħu, xi ħaġa deskritta bħala rari ħafna. Tgħidilna li
"dam ġimgħatejn imraqqad sakemm ikun kontrollat. Kien hemm iehor bħalu
l-ITU li kien spiċċa miet. Ir-raġel finalment irkupra u ntbagħat id-dar.
Minn hemm 'l quddiem, reġa' daħal fid-dinja tax-xogħol, biss wara ftit
żmien kien mar jara logħba futbol l-grawnd u meta rritorna u daħal
id-dar beda jsir għarqan. Sar għarqan xraba u taħ attakk tal-qalb.
Kien trattat għalih biss wara ftit żmien konna qegħdin ma' familja
nikkampjaw u r-raġel waqa' mal-art. Għadda din ukoll, iżda m'għaddiex
ħafna żmien li ma ġiex id-dar jilmenta minn uġiegħ f'sidru. Minn
testijiet li saru instab li għandu vini miżdudin u kellhom isirulu
interventi tal-qalb. Ġie operat fi żmien qasir għax kien każ urġenti."
Tispjegalna kif minn hawn 'l quddiem saru diversi interventi fuq
ir-raġel, b'mod partikolari fuq il-qalb, tant li llum m'għadhomx
jagħmlulu angiograms għax dawn jistgħu jkunu ta' ħsara għalih minħabba
li għamlulu ħafna minnhom.
Nieqes mid-dawl minn waħda minn għajnejn u l-oħra qed tnaqqas bil-mod
il-mod, u b'saħħtu dgħajfa ħafna tant li kellu jiġu mwieżen kemm biex
jimxi u anki biex ipoġġi bil-qiegħda, il-mara spjegatilna kemm hu
diffiċli li tgħix. Tispjegalna li minħabba l-mard tal-qalb, il-pulmuni
bdew iżommu l-ilma u kellu jispiċċa jieħu ħames pilloli kuljum.
"Jien mhux kollox jaqbel għalija. Id-dqiq ma jaqbilx miegħi u hemm
prodotti oħra li ma jaqblux miegħi. Ma nistax nixtri ikel speċjali
għalija għax għali wisq. Ġieli nagħmlu tlett ġimgħat maqfulin hawn ġew
għax mhux faċli noħorġu. Li kieku ma jgħinunix ftit it-tfal billi
jħallsuli l-kontijiet ma nafx x'naqbad nagħmel. Diġa msallbin kif
qegħdin".
Tgħidilna li "nixtieq li l-politiċi u dawk li jilleġislaw jaraw li min
qiegħed fuq il-pensjoni tal-invalidità ma jistax jgħix b'€450 fix-xahar.
Naħseb li hemm bżonn li f'każijiet bħal dawn, il-mara ta' dak li jkun
tingħata xi ħlas biex tkun tista' tlaħħaq. Jien kont naħdem imma peress
li m'għandix bolol biżżejjed ma nieħu xejn. Anki din li biex issir taf
xi ħaġa minn tas-sigurtà soċjali, trid titħabat sew. Jien qaluli noħroġ
naħdem imma jien m'hux lesta nħalli r-raġel waħdu jew li nitfgħu f'dar
tal-anzjani kif qaluli. Meta kelli ommi b'dimensja qawwija kont naħdem u
nieħu ħsiebha imma issa lir-raġel ma nistax nafdah waħdu d-dar għax ma
nafx x'jista' jiġrilu. Irid attenzjoni kontinwa. L-appell tiegħi hu dak
li fejn jidħlu każijiet ġenwini l-awtoritajiet malajr jistgħu
jiċċekkjawhom. Ir-raġel għandu munzell ta' fajls fuq il-kundizzjonjiet
mediċi tiegħu. Jafu li każ ġenwin. Naf li dan mhux każ iżolat għax naf
nies oħra bħali. Meta tmur tistaqsi għal x'hix int intitolat, inħossni
qisni qed nagħmel treasure hunt."
Ma jonqosx li jitkellem magħna ukoll ir-raġel. B'leħen pjuttost miksur
li jixhed il-fraġilità ta' saħħtu, jgħidilna li "ma ssibx l-għajnuna.
Kollha dorthom l-organizazzjonijiet. Ituk għal dak il-mument u jgħidulek
tersaqlix 'l hawn malajr. Qisu l-bniedem jiekol darba biss. Ħażin
ħafna. X'nippreferi jaqtgħuli l-kontijiet jew niekol. Jekk niekol se
nibqa' ħaj u jekk jaqta' l-kontijiet u ma nikolx se nbati. Nappella biex
jekk hemm xi ħadd, kumpaniji u hu min hu biex jekk ma jistgħux jgħinu
finanzjarjament jgħinu b'ikel. Bniedem billi se ttih bott zalza, pakkett
u ross u affarijiet oħra, jekk ma jkollhiex biex insajjar, se naqlihom
hawn fix-xemx. Jew tmur u jtuk prodotti skaduti. Niftakar żmien fejn
affarijiet skaduti kienu jingħataw lill-majjali fir-razzett. Dak li jkun
skadut kienu jaqbduh u jtuh lill-majjali għax dak kollox jiekol. Allura
b'naqra ħsieb ngħid jien ħanżir jew il-familja tiegħi ħnieżer. Hawn min
għandu €1,000 fix-xahar u jgerger, aħseb u ara jien. B'€450 m'għandekx
ċans li tgħix. Marritli l-magna tal-ħasil u biex nixtri oħra kienet se
tiswini l-benefiċċju kollu. Imnalla ġie wieħed u ġabli waħda hu. Ħajti
mtertaq minn ġewwa jekk hux se jgħinuni. Tingħata ħafna għajnuna imma
jien ċittadin Malti u ma nsibx għajnuna. Jgħidulek intefa' f'residenza
tal-anzjani. Jiġifieri jriduni ninqata' mill-familja u nispiċċa nmur
aktar għall-agħar. Jien għalija kull qatra tgħodd", temm jgħidilna
r-raġel, waqt li ma naqasx li jirringrazzja lil dawk li minn żmien għal
iehor ituhom xi tip ta' għajnuna fosthom xirjiet.
minn L-ORIZZONT
minn L-ORIZZONT
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home