It-tensjoni u l-inċertezza jkomplu għal LSA - jappella l-Avukat Ġenerali
Il-Learning Support Assistant li ftit tal-ġimgħat ilu rebħet il-każ fil-Qorti t'Għawdex fuq allegazzjonijiet li kienu saru, sabet li l-inċertezza u t-tensjoni li kienet għaddejja minnha se tkompli f'dawn il-jiem ta' festi. Dan hekk kif qed isir magħruf li l-Avukat Ġenerali appella mis-sentenza li ngħatat u li fiha hi kienet ġiet illiberata mill-Qorti minn akkuża li kkorrompiet studenta minuri ta' 11-il sena. Il-Qorti kienet qalet li għandha dubji kbar dwar dan il-każ, fosthom għaliex ħafna mistoqsijiet f'dan il-każ baqgħu mhux imwieġba. L-appell li sar ħoloq diżappunt fost l-ogħla uffiċjali tal-Unjin tal-Għalliema (MUT).
Il-każ jinvolvi lil Karen Mercieca ta' 37 sena mill-Qala, li taħdem
bħala LSA fl-iskola primarja ta' Għajnsielem, L-allegat każ seħħ
f'Novembru tal-2011. Fis-sentenza tal-Qorti intqal li l-investigazzjoni
tal-Pulizija bdiet wara rapport li sar mill-ġenituri tal-istudenta, fejn
ġie allegat li l-LSA Mercieca kienet messet lit-tifla tagħhom waqt li
kienet qiegħda l-iskola primarja ta' Għajnsielem. Min-naħa tagħha,
l-LSA ċaħdet l-allegazzjonijiet li saru fil-konfront tagħha, u dan
mill-bidu nett minn meta l-Pulizija bagħtu għaliha.
Irriżulta li t-tifla tbati minn kundizzjoni magħrufa bħala global
development delay, kundizzjoni deskritta fil-kamp mediku legali li hija
defenita għal meta tifel jew tifla jkollhom intellet anqas minn dak
ikkunsidrat bħala normali.
X'ħin ġiet biex tiddeċiedi, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Joe
Mifsud ħadet diversi konsiderazzjonijiet. Fost dawn kien hemm
l-istqarrijiet magħmula mill-imputata u x-xhieda minnha mogħtija f'dawn
il-proċeduri. Il-Qorti qalet li Mercieca kienet dejjem konsistenti f'dak
li dejjem qalet, apparti l-fatt li l-atteġjament u l-komportament
tagħha ma taw l-ebda indikazzjoni li hija ma setgħetx titwemmen.
Ikkonsidrat ix-xhieda li tat il-Kap tal-Iskola Primarja ta' Għajnsielem
ta' dak iż-żmien Pauline Grech, li qalet li Mercieca kienet tqisa bħala
waħda mill-aktar LSA's dedikati fl-iskola.
Grech qalet ukoll li meta din it-tifla ġiet minn skola oħra,
f'ċirkostanzi xejn sbieħ. L-omm allegat li fl-iskola fejn kienet,
it-tifla kienet kważi ibbuljata minn l-amministrazzjoni tal-iskola. Dan
kollu wassal lit-tifla biex il-ħin kollu tkun tibki u ma riditx tmur
l-iskola.
Grech qalet li fl-ewwel sena, it-tifla ma riditx tmur l-iskola.
Saħansitra kienet ommha stess li kienet iċċemplilha u tgħidilha li
t-tifla ma riditx tattendi l-iskola. Grech qalet ukoll li ma kienx faċli
li tikkomunika mat-tifla.
Min-naħa tagħha, il-Qorti qalet li meta wieħed tqis kollox mhix
konvinta dwar il-provi mressqa mill-Prosekuzzjoni. Qalet li għalhekk
il-Prosekuzzjoni ma rnexxielhix tipprova l-każ tagħha.
Il-Qorti qalet li hemm ħafna mistoqsijiet marbutin ma' dan il-każ, li
baqgħu qatt ma ġew imwieġba. Fost oħrajn, dawn il-mistoqsijiet jinkludu
l-fatt li missier it-tifla qatt ma ttella xhud, x'tip ta' għajnuna
ngħatat it-tifla f'dan il-proċess, għaliex f'każ sensittiv bħal dan ma
ddaħħlitx il-Pulizija tal-iswadra kontra l-vizzji u għaliex l-akkuża
hija ffirmata minn żewġ Spetturi u Spettur minnhom ma deher imkien
fl-investigazzjoni u lanqas ta x-xhieda tiegħu.
Il-Qorti staqsiet ukoll x'ġara bejn il-7 u l-14 ta' Novembru tas-sena
2011. “Kif persuna li allegatament abbużat mit-tifla tkun milqugħa
fid-dar tagħhom? Għaliex tħalla ż-żmien u tħalla kuntatt mat-tifla
sakemm sar rapport tal-allegat abbuż? Għaliex kien hemm trapass ta'
żmien minn meta sar l-allegat abbuż u r-rapport lill-Pulizija?” staqsiet
il-Qorti. Wara li qieset dawn il-fatturi kollha, il-Qorti kienet
illiberat lill-imputata minn kull akkuża.
Ta' min jgħid li l-MUT kienet esprimiet is-solidarjetà kollha tagħha
mal-edukatriċi u mal-familja tagħha li ġew mgħoddija minn martirju twil
ta' erba’ snin b’konsegwenzi serjissimi fuq saħħet il-persuna u
l-familja tagħha.
minn L-ORIZZONT
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home