Saturday, January 2, 2016


Rċevejt messaġġi jistaqsu fejn kienu pubblikati l-kummenti li dwarhom sar kuntatt mal-Pulizija. Dan hu rapport li kien ġie  pubblikat f'Settembru.

 

 

Dikjarazzjonijiet perikolużi fis-sit tal-'Patrijotti'… soluzzjoni li tispara lill-immigranti

Minkejja appelli biex is-sit soċjali ta' dawk li jsejħu lilhom infushom patrijotti Maltin jinżamm ħieles minn dikjarazzjonijiet li faċilment jistgħu jitqiesu bħala li qed iqajmu mibegħda u razziżmu, fl-aħħar sigħat f'dan is-sit kien hemm kummenti (u dawn tħallew hemm), liema kummenti kienu jitkellmu dwar sparar lejn l-immigranti. Bla dubju ta' xejn, dawn il-kummenti qed jitqiesu bħala li 'huma perikolużi'.  Spikkaw żewġ kummenti partikolari fis-sit u għalkemm wieħed stenna li dawn kellhom jitneħħew biex ikunu konformi ma' appelli li għamlu fil-ġimgħat li għaddew biex ma jkunx hemm kliem offensiv, dawn l-istess kummenti tħallew hemm.
Wieħed inkiteb minn John Camilleri ma' artiklu li kien jitratta l-kwistjoni tal-immigranti mal-fruntiera tal-Ungerija. Il-kumment kien jgħid li "dawk iridu…..jekk ma jobdux l-ordnijiet tal-Pulizija….BOOOOOOOM".
Kumment iehor miktub kien dwar dak li kitbet is-Segretajru Ġenerali tal-European Alliance for Freedom, Sharon Ellul Boniċi  meta ddikjarat li "issospendu Schengen, armati fuq il-fruntieri Ewropew biex jisparaw u joqtlu. Din hi l-unika soluzzjoni temporanja".
Dan il-kumment inkiteb minn membru tas-sit Għaqda Patrijotti Maltin li miegħu żiedet li "Good Girl. Issa se jgħidulha razzista. Din hi l-unika soluzzjoni loġika".
Uffiċjal tal-istess għaqda, Henry Battistino jikteb li "araw xi trid iddaħħlilna Merkel fl-Ewropa.  Patrijotti din hi invażjoni Musulmana tal-Ewropa minn dan il-kult qerriedi. Morri s-Sawdi u l-Pakistan u għajtu 'Allah hu Akbar".
Albert Cutajar jikteb li "ma nistax nifhem x'jedd għandhom dawn jaqbdu u jkissru l-fruntiera biex jgħaddu! Mela din arthom jew? X' qed jistennew biex jaqbdu l-armati u jiġbruhom kollha u jitfawhom fuq vapur lura lejn pajjiżhom?  Mela insiet il-Ġermanja meta ħabret pajjiżi sħaħ u tefathom f'kamp wieħed jew?".
Ta' min jgħid li l-Liġi Kriminali tgħid ċar u tond li "kull min juża kliem jew imġieba ta’ theddid, abbużivi jew insolenti, jew jesibixxi xi materjal miktub jew stampat li jkun ta’ theddid, abbużiv jew insolenti, jew xort’oħra jġib ruħu b’dak il-mod, bil-ħsieb li b’hekk iqajjem vjolenza jew mibegħda kontra xi persuna oħra jew grupp ta’ persuni fuq bażi ta’ ġeneru, identità tal-ġeneru, orjentazzjoni sesswali, razza, kulur, lingwa, oriġini etnika, reliġjon jew twemmin jew opinjoni politika jew opinjoni oħra jew b’hekk joħloq il-probabbiltà li, meta wieħed iqis iċ-ċirkostanzi kollha, titqajjem vjolenza jew mibegħda razzjali, jeħel, meta jinsab ħati, l-piena ta’ priġunerija minn sitt xhur sa tmintax-il xahar.”

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home