Is-sitwazzjoni fis-Sekondarja f'Tas-Sliema:
'Jekk kollox jibqa' kif inhu, nieħdu passi aħna'
Hekk kif fil-jiem li ġejjin jerġgħu jiftħu l-iskejjel, l-Unjin tal-Għalliema (MUT) se tkun qed issegwi s-sitwazzjoni fl-iskola sekondarja f'Tas-Sliema biex tara x'titjib sar u x'passi ttieħdu fir-rigward tal-problemi kbar ta' dixxiplina li kien hemm fost xi studenti. Fil-jiem li ġejjin se ssir laqgħa mad-delegati tal-MUT biex jaraw is-sitwazzjoni, fejn jekk is-sitwazzjoni ma titjiebx mhux eskluż li l-MUT tieħu l-azzjonijiet li hemm bżonn.
F'din l-iskola hemm lista' ta' xejn inqas minn 12-il student bi problemi serji ta' mġiba. Il-President tal-MUT, Kevin Bonello, f'kummenti li tana dwar is-sitwazzjoni f'din l-iskola qalilna li, "Bażikament matul l-aħħar ġimgħat suppost taw l-appoġġ biex jidentifikaw l-aktar tfal diffiċli. Kif jgħaddu l-vaganzi u tibda l-iskola se nagħmlu laqgħa mar-rappreżentanti tal-unjin biex naraw x'inhi is-sitwazzjoni. Jekk is-sitwazzjoni se tibqa' kif kienet nieħdu l-passi min-naħa tagħna. Huma taw appoġġ ta' prefett ta' dixxiplina u bħalissa qed janalizzaw x'hemm bżonn u x'se jsir. Qalulna li wara l-vaganzi se jiġu attwati xi miżuri."
Għalliema li kienu tkellmu magħna qalulna li, "Għandna għalliema li qed joħorġu minn din l-iskola sekondarja jibku. Saret impossibbli li tikkontrolla ċerti studenti. Hemm studenti li jisfidaw f'wiċċek l-awtorità. Mhux jisfidaw biss imma anke jkellmuk ħażin. Tiġi biex tibda lezzjoni u minn klassi sħiħa ssib erba' jew ħames studenti għax l-oħrajn ikunu x'imkien iehor u trid tispiċċa tiġri warajhom biex jidħlu. Hemm lista ta' madwar tnax-il student li regolarment u ta' kuljum iwettqu nuqqasijiet serji."
L-iskola sekondarja f'Tas-Sliema, tinsab fl-aħħar fażi tagħha qabel tingħalaq u l-istudenti jkunu trasferiti lejn Pembroke. Din l-iskola fiha tfal minn Tas-Sliema, San Ġwann, Gżira, Pembroke u San Ġiljan.
Quddiem din is-sitwazzjoni ta' nuqqasijiet serji fl-imġiba, kienu ttieħdu passi billi ġew mobilizzati persuni mit-Taqsima tas-Servizzi għall-Istudenti, li jittrattaw nuqqasijiet fid-dixxiplina tal-istudenti fost oħrajn. Fl-iskola ntbagħat ukoll Prefett tad-Dixixplina minn kulleġġ iehor, peress li din l-iskola ma kellhiex.
Għalliem li kien tkellem magħna kien qalilna li, "Għandna sitwazzjoni fejn hemm grupp ta' studenti li kienu qed jagħmlu li jridu. Ma jobdux, jisfidaw u agħar minn hekk anke jagħtu fastidju u jdejqu lill-għalliema. Hemm sitwazzjoni inaċċettabbli b'xi studenti li mhux biss qed jagħmlu x-xogħol tal-għalliema diffiċli imma anke qed ikunu ta' detriment għal sħabhom li jridu jitgħallmu."
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home