Monday, January 11, 2016

'Dak li jġorru l-immigranti …bejn sema u ilma'

Quddiem il-wasliet u traġedji ta' immigranti fil-vjaġġi mill-Afrika ta' Fuq lejn l-Ewropa, ftit li xejn jissemma fuq dak li huma jkunu qed iġorru magħhom. Ħafna drabi dawn ikunu oġġetti li jitħallew fuq id-dgħajjes li imbagħad jispiċċaw jiġu mgħarrqa. Illejla f'attività li se tittella' fil-Belt Valletta, se jintwerew oġġetti li ġew irkuprati u nżammu f'Lampedusa minn organizzjoni li taħdem qrib l-immigranti f'dan il-post. Fost l-oġġetti esebiti f'Malta, hemm tooth brush, toothpaste, cassette, hairband ta' tifla, kitla żgħira u pakkett siġaretti. Dawn huma biss parti minn oġġetti li nġabru u li kienu qed iġorru magħhom immigranti li daħlu f'Lampedusa.  Apparti dawn, fost oġġetti oħra li kienu irkuprati hemm żraben imqattgħin, karti, dokumenti u lighters fost oħrajn.
Dawn l-oġġetti se jkunu esebiti llejla waqt attività li se tittella' bit-tema "Lampedusa: Dak li ma narawx. X’ġara tassew fit-3 t’Ottubru 2013?".  L-attività tellgħet fl-okkażjoni taż-żjara f'Malta ta’ Francesca del Volgo, membru attiv tal-Collettivo Askavusa, l-Inizjamed qed jorganizza serata spontanja dwar Lampedusa, partikolarment dak li ma narawx u ma nisimgħux kull darba li l-gżejra tissemma fil-midja.
Collettivo Askavusa hi għaqda kulturali mwaqqfa fl-2009, bi tweġiba għall-ftuħ ta’ ċentru tad-detenzjoni f’wied mistur f’nofs il-gżira ta’ Lampedusa. Permezz ta’ inizjattivi bħal-LampedusaInFestival, wirjiet, kunċerti u projezzjonijiet ta’ films fl-Italja u pajjiżi oħra, il-Collettivo Askavusa jfittex li jkun sors ta’ informazzjoni minn ras il-għajn dwar is-sitwazzjoni reali fil-gżira u l-militarizzazzjoni kontinwa tagħha bħala sur tal-Fortizza Ewropa.

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home