Tuesday, January 12, 2016


Jibda l-ġuri ta' kaptan li saq dgħajsa b'madwar 950 immigrant

Il-kaptan tad-dgħajsa mimlija b'immigranti fi triqithom mil-Libja lejn l-Ewropa u li kienet għerqet b'aktar minn 800 immigrant, illum se jibda għaddej ġuri fil-Qorti ta' Katanja.  Il-kaptan tad-dgħajsa, Mohammed Ali Malek li hu mit-Tunezija u għandu 28 sena kien fost 28 immigrant li salvaw mit-traġedja.  It-traġedja kienet seħħet fit-18 ta' April meta id-dgħajsa spiċċat ħabtet ma' bastiment merkantili Portugiż bl-isem ta' King Jacob.  Il-ħabta kienet seħħet meta l-bastiment kien qed jersaq lejn id-dgħajsa biex isalva l-immigranti.
Malek qed ikun akkużat li kkawża l-ħabta mal-bastiment Portugiż.  Giovanni Salvi, eks prosekutur f'Katanja ikkummenta u qal li dan hu ġuri importanti għax xi ħadd se jinżamm kontabbli għal dik it-traġedja li qed titqies bħala waħda mill-akbar fil-Mediteran.  Xi wħud minn dawk salvati se jkunu xhieda f'dan il-ġuri.
Meta l-kaptan kien tressaq f'Qorti f'Katanja, ħuh kien kiser is-silenzju u ddikjara li huh jismu Noureddine Mahjoub u mhux Mohammed Ali Malek. Hu kien qal ukoll li dan kien sfurzat u mhedded mit-traffikanti b'kalashnikovs biex isuq id-dgħajsa bl-immigranti. Dan sar għax hu kien għamel xi żmien jaħdem ta' sajjied ma' missieru u għalhekk kien jaf il-baħar.
Makreb Mahoub - li jiġi ħu l-kaptan, meta tkellem ma' aġenziji tal-aħbarijiet barranin iddikjara li hu jismu Noureddine Mahjoub. Iddikjara ukoll li ħuh kien sempliċiment immigrant iehor bħal oħrajn li kien qed jipprova jasal l-Ewropa. Hu iżda jgħid li kien sfurzat mit-traffikant.
Jiddikjara li 'hija kien ġie reklutat biex jaħdem b'kafeterija fil-Libja ftit tal-ġimgħat ilu.  Biss ġara li wara hu kien beda jkun mhedded mit-traffikanti u kien sfurzat isuq id-dgħajsa".
Mahjoub iddikjara li ħuh kien jinsab taħt "xokk kbir". Spjega li meta hu għamel kuntatt mal-familja beda jibki.  Jidher li ma ingħatat l-ebda spjegazzjoni għaliex il-kaptan ta' isem falz, iżda skont ħuh hu kien ġie deportat minn Franza xi snin ilu.
"Dawk li huma responsabbli għat-traġedja huma it-traffikanti. Hija kien biss vittma iehor ta' pajjiż li bħalissa jinsab bla liġijiet," kien sostna Mahjoub.
Fil-Qorti ta' Katanja fi Sqallija, ftit wara t-traġedja  inbdew proċeduri kontra l-kaptan tad-dgħajsa, Tuneżin ta' 27 sena u li kien identifikat mill-immigranti salvati bħala l-kaptan tad-dgħajsa li waqt salvataġġ ħabtet ma' bastiment Portugiż u għerqet b'għadd ta' immigranti fiha. L-avukat difensur tiegħu, quddiem il-Qorti qal li l-klijent tiegħu kien passiġġier u mhux traffikant.
Ta' min jgħid li t-tabib Giuseppe Pomilla, tal-Ordni ta' Malta kien iddikjara li kien hu li għaraf lit-traffikanti. Pomilla, li ta' l-kummenti tiegħu lil diversi aġenziji tal-aħbarijiet, kien qal li hu identifika lit-traffikant. "Indunajt li kien hu għax daħak meta iltqajt miegħu. "Meta iltqajt miegħu għedtlu inti it-traffikant? Hu qalli 'le, le" u daħak. Staqsejenih x'kien jismu iżda kien jidher ċar li hu tana isem falz. Wara xi ħadd iehor reġa' staqsieh x'jismu u deher li nesa."
L-infermier Enrico Vitiello,  li ukoll jaħdem mal-Ordni ta' Malta jirrakkonta kif iż-żewġ traffikanti li kienu ma' dawk salvati setgħu jintgħarfu għax qagħdu għalihom. 'Indunajna li kienu traffikanti. Ma riedux ikunu mal-oħrajn."
It-tabib irrakkonta kif it-28 ruħ li rnexxielhom isalvaw spiċċaw jippruvaw iżommu ma’ dak kollu li sabu, saħansitra ma’ katavri li kienu qed iżommu fil-wiċċ. Ħafna minnhom ma kinux jafu jgħumu.
Żgħażagħ li rnexxielhom isalvaw irrakkontaw kif it-traffikanti riedu oriġinarjament jgħabbu 1,200 ruħ u bdew isawtuhom biex jidħlu fil-bastiment imma waqfu sa 950  għax il-vapur ma kienx jiflaħ iktar.

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home