Tuesday, January 12, 2016



Meħlus bla dinjità

Kien dlam ċappa. Xita nieżla.  Tara bniedem fuq bankina bla gakketta. Imxarrab għasra u tista' tgħid ma jagħmel ebda moviment biex jipprova jsib xi ħajt ta' kenn. Maġenbu kien hemm żewġ basktijiet tal-plastik li mal-ewwel daqqa t'għajn tinduna li fihom kien hemm xi ħwejjeġ. Dan il-każ seħħ il-Ħamis. Kien każ ta' priġunier li nħareġ bi pleġġ. Imma fuqu ma kellux ċenteżmu wieħed. Kien qed jistenna li xi ħadd imur għalih, iżda ħadd ma mar. Stenna għal ħin sostanzjali  iżda kien kollu għalxejn. Kellu indirizz f'Buġibba iżda ma setax imur għax flus ma kellux.  Mowbajl kellu iżda ma kellux 'charge' għax dak ingħata lilu hu u ħiereġ.
Quddiem din is-sitwazzjoni ma kellux alternattiva oħra għajr li jibqa' hemm fuq il-bankina. Kien raġel li tħassru jarah hemm u meta staqsieh x'għandu bżonn qallu li għandu bżonn iċempel. Ċempel lil voluntier li jaħdem mal-ħabsin għax inżerta kellu 'card' tiegħu u dan spiċċa mar għalih. Twassal fl-indirizz li kellu f'Buġibba imma anki hemm ma kien hemm ħadd jistennieh. Akar tard, instabet akkomodazzjoni bi ħlas ta' €250 fix-xahar.  Biex dan seta' joqgħod fl-appartament ingħata l-flus minn dan il-voluntier.
Voluntiera fil-ħabs li tkellmu ma' inewsmalta.com ilmentaw li "hemm bżonn li tiġi trattata din il-prattika li priġunieri bi pleġġ jinħarġu fis-7.00 ta' filgħaxija. Hemm bżonn aktar ippjanar u kuntatt ma' voluntiera u għaqdiet li jaħdmu fil-ħabs. Kif jista' xi ħadd jitħalla hemm barra fid-dlam u fix-xita? Kif jista' xi ħadd joħroġ mill-ħabs u lanqas ikollu ċenteżmu fuqu?".
Il-voluntier Mark Vella, f'kumment li għaddielna qalilna li "wara li rċevejt telefonata minn raġel mort ħdejn il-ħabs. Insibu fuq il-bankina jistenna b'żewġ basktijiet tal-plastik bil-ħwejjeġ li kellu fiċ-ċella. Kienet nieżla x-xita u l-lejl ta qabel ma kienx raqad bit-tensjoni. Ma kienx kiel u ma kellux x'jiekol. Ma setax jixtri għax bla flus. Wassaltu fl-indirizz li kellu imma ma kien hemm ħadd jistennih. Qaghad fix-xita jistenna fejn il bieb tal-appartamenti."  Aktar tard sab kirja b'€250 fix-xahar.
L-istess voluntier qalilna li "din il-persuna ħarġet mill-ħabs u ma kellu ebda dokument jew dokumenti  li juru li ħareġ bi pleġġ u x'kundizzjonijiet għandu.  Naħseb li anki min jagħti l-pleġġ għandu jkun ċert li għandu min jiġi għalih l-ħabs, għandu flus biex jirkeb tal-linja, għandu tal-linja card jew joħroġ b xi ħaġa tal-ikel fuqu. Kelli frotta fil-karozza u tajtielu. Ħadha imma ma kilhiex biex jerfagħha għal aktar tard. Jien insaqsi kieku ma kellux in-numru tiegħi dan mill-ħabs b'żewġt basktijiet tal-plastik bil-ħwejjeġ kif kien se jasal f'Buġibba? Bla flus kif kien se jsib fejn joqgħod? Qabel ħareġ il-pleġġ mar xi ħadd jara l-indirizz u l-post fejn kien se joqgħod jekk jaċċettawhx? Saret konsulta medika li tistabbilixxi jekk kienx tajjeb biex joħroġ mill-ħabs u jfendi għal rasu?"

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home