It-theżżiża tal-bieraħ…kważi saret fl-istess ġurnata ta' meta ġġarraf il-Katidral tal-Imdina
It-theżżiża tal-bieraħ, liema theżżiża kellha saħħa ta' 4.4 fuq l-Iskala Richter, kważi seħħet fl-istess jum ta' meta kien seħħ terremot qawwi fi Sqallija u apparti li ħalla xejn inqas minn 60,000 persuna mejta fi Sqallija, f'Malta kien ikkawża ħsarat kbar.
L-akbar danni kienu fl-Imdina, fejn il-Katidral kien ġarrab ħsarat kbar
tant li dawn ma setgħux jissewwew u l-Katidral kellu jinbena
mill-ġdid. Dak it-terremot kien seħħ fil-11 ta' Jannar, imma jumejn
qabel kien hemm theżżiża oħra iżgħar. Il-ħin tat-terremot dakinhar kien
fid-9 ta' filgħaxija.
It-terremot ta' Jannar tas-sena 1693, kien sar fi żmien meta kien hemm
attività kbira fil-vulkan Etna. It-terremot ħoloq paniku fost
ir-residenti f'Katanja u Malta, u dan kellu impatt kbir fuq ix-xatt
tal-lvant ta' Sqallija. Rapporti minn dak iż-żmien jgħidu li l-baħar
irtira l-barra u daħal b'qawwa kbira tant li kisser, farrak u finalment
għarraq għadd kbir ta' dgħajjes u bastimenti tas-sajd. It-terremot kien
inħass ħafna f'Ragusa, Siracusa, Noto, Katanja, Augusta u Modica.
F'Malta dan it-terremot ukoll ħalla ħafna ħsarat fosthom l-Imdina, ir-Rabat, il-Kottonera, il-Belt Valletta u f'Għawdex.
Rapporti minn dak iż-żmien jgħidu li l-knisja tal-Isla kienet ġarrbet
ħsarat fil-koppla u fil-lanterna, waqt li anke dik ta' San Lawrenz
fil-Birgu ġarrbet ħsarat u nbniet mill-ġdid.
L-Imdina ġarrbet ħsarat sostanzjali, kemm fis-swar, fi djar qodma u
anke l-Katidral. Għalkemm il-Katidral ma waqax, dan kien ġarrab ħsarat
konsiderevoli u reġa' inbena mill-ġdid. B'dak it-terremot, xwieni
tal-ordni li kienu ankrati f'Augusta kienu ġarrbu ħsarat.
Bejn dak inhar u llum ir-reazzjoni pubblika ta' wara hija għal kollox
differenti. Illum wara t-theżżiża tispikka d-diskussjoni fis-sit
soċjali. Imma fl-1693, ir-reazzjoni kienet li kien sar ħafna talb waqt
li l-Isqof kien ordna espożizzjoni tas-Sagrament għal diversi jiem u
purċissjoni għall-Grotta ta’ San Pawl fir-Rabat. Il-Granmastru Adrien de
Wignacourt kien ħareġ digriet fejn ordna lill-kavallieri u lin-noviżi
biex jagħmlu atti ta’ penitenza u josservaw il-ġranet ta’ l-Erbgħa,
il-Ġimgħa u s-Sibt ta’ dik il-ġimgħa bħala jiem ta’ astinenza.
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home