Solvuta l-kwistjoni fuq il-Casino Notabile…
….imminenti li jinbeda r-restawr
Fil-jiem li ġejjin se jinbdew pjanijiet biex fi żmien qasir ħafna jinbeda ir-restawr tant meħtieġ fuq il-Casino Notabile li jinsab fit-telgħa tas-Saqqajja fir-Rabat. Suppost li dan ir-restawr diġa tlesta iżda minħabba kwistjoni li nqalgħet bejn kuntratturi dwar min għandu jagħmel ix-xogħol, wasslet biex ir-restawr tant meħtieġ ma setax jinbeda. L-ORIZZONT hu nfurmat li din il-kwistjoni issa ġiet solvuta tant li diġa bdiet ħidma biex fi żmien qasir jinbeda r-restawr li jinvolvi ukoll il-pedamenti peress li din l-istruttura kienet bdiet iċċedi u għandha konsenturi kbar.
Ta' min jgħid li r-restawr ta' din il-binja se jagħti ħajja ġdida lil din l-istruttura u dan peress li l-kunsill lokali tal-Imdina kien ħareġ tender għal proposti dwar x'jista' jsir fiha, fejn fost affarijiet oħra din se tintuża għal esebizzjonijiet.
Dwar din il-binja saru spezzjonijiet minn ġewwa u anke kienu ttieħdu ritratti. Iż-żmien u l-elementi għamlu diversi ħsarat f'din il-binja. Il-ħsara tant kienet kbira li feġġew konsenturi kbar fl-iskultura u kellhom isiru puntali u wara 'scaffolding' biex iżommu l-istrutturi f'posthom.
Din il-binja kienet ilha għal aktar minn tmien snin titkarrab biex forsi tkun restawrata. Minkejja li għaddew is-snin, fondi għar-restawr tiegħu kienu baqgħu ma nstabux. Bis-saħħa ta' diskussjonijiet li kienu saru bejn is-Segretarju Parlamentari Ian Borg u s-Sindku tal-Imdina, Peter Sant Manduca, instabu fondi għar-restawr. Ta' min jgħid li rapport ta’ perit kien jgħid li l-binja tista’ tiġġarraf b’sempliċiment maltempata qawwija.
Jidher biċ-ċar li r-restawr ma jridx isir biss fuq l-istruttura imma jrid ikun mill-pedamenti, l-istess kif ġara fuq is-swar li hemm ftit bogħod. Il-problema tal-Casino Notabile tidher li hi ġejja mill-pedament, fejn hemm anke għajn taħtu u għalhekk is-sitwazzjoni hi meqjusa bħala 'delikata'.
Ta’ min jgħid li kien hemm żmien meta kien hemm kumitat għat-tmexxija tal-Casino Notabile. Meta kien hemm Arthur Barbaro Sant, Segretarju ta’ dan il-kunsill, dan kien jinfetaħ kuljum biex b’hekk jinżamm “ħaj”. Fih kienu jsiru anke attivitajiet soċjali. Kien hemm żmien meta l-eks Ministru tal-Edukazzjoni u Kultura Ugo Mifsud Bonniċi, illum President Emeritus, kien laqa’ t-talba tal-kumitat biex isir restawr tal-bini. Ir-restawr kien sar, iżda wara li għadda ftit taż-żmien il-kuntratt tal-kirja li kien hemm ma ġiex imġedded. Kien issemma' li kien se jieħdu f’idejh il-Kunsill Lokali tar-Rabat, biex jagħmlu ċentru ta’ matul il-jum għall-anzjani. Kien issemma' wkoll li se jsir kafetterija. Biss minn dan kollu ma sar xejn.
Il-Casino Notabile, li kien iddisinjat mill-Perit Webster Paulson, inbena fis-sena 1887 u l-għan tiegħu kien speċifikament għal dawk meqjusin bħala “tal-klassi għolja” li kienu jgħixu fir-Rabat u l-Imdina. Il-Casino Notabile kien mibni fuq għajn tal-ħasselin, li għadha hemm sal-lum, għalkemm l-ilma nixef.
L-istorja tal-Casino Notabile tibda fi żmien l-Imperu Ingliż (1800), meta dak iż-żmien bdiet ukoll bidla fl-arkitettura. Kien iż-żmien li beda dieħel l-istil neoklassiku u strutturi Gotiċi. L-Imperu Ingliż ried li juri l-preżenza tiegħu f’Malta u dan anke billi jinbena bini f’dan l-istil. Wieħed minn dawn il-binjiet hu l-Casino Notabile fit-telgħa tas-Saqqajja, iddisinjat mill-Perit Webster Paulson.
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home