Kull min se jissellef aktar minn €5,000 se jitniżżel f'reġistru tal-Bank Ċentrali
Kull min se jissellef aktar minn €5,000, jew ikollu kreditu mal-istess banek Maltin ta' dan l-ammont jew aktar, se jispiċċa jitniżżel f'reġistru li se jinħoloq u li se jkun għand il-Bank Ċentrali. Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna ammetta li jifhem li dan jaffettwa l-kunfidenzjalità u l-libertà tal-individwu, waqt li tkellem dwar l-abbozz ta' Liġi biex jemenda l-Att dwar il-Bank Ċentrali.Il-Ministru Scicluna qal li, "Dan se jkun reġistru fuq djun u self attwali u kontinġenti li jirriżultaw minn faċilitajiet ta' kreditu minn aġenziji liċenzjati. Hemm il-ħsieb li jiġi stabbilit ammont minimu ta' kreditu ta' €5,000. Jiġifieri l-informazzjoni tinġabar biss jekk jinqabeż dan l-ammont ta' self. Dan se jkun qed jiġbor informazzjoni kemm fuq kumpaniji u anke persuni individwali minn banek Maltin.
"Billi r-reġistru hu għodda biex tgħin lill-banek biex jevalwaw ir-riskji ta' kreditu, dan għandu jiffaċilita s-self għax issa jistgħu jikkalkulaw is-self tar-riskju. Kull min qed jagħti self qed jieħu riskji li min issellef jista' ma jasalx. L-evalwazzjoni ta' dan it-tip ta' riskju tiddependi dwar kemm għandu dejn u dwar jekk hux qed jaqa' lura.
"Ir-reġistru se jgħin fil-kompetittività bejn il-banek. Il-ħtieġa ta' reġistru hi kkonfermata għax anke l-Bank Dinji jqis din l-għodda bħala li tiffaċilita l-kreditu. Il-Bank Ċentrali qed jingħata r-responsabbilità tar-reġistru. Il-Bank Ċentrali qed jipprepara l-infrastruttura biex l-informazzjoni tinġabar b'sigurtà. Din l-informazzjoni se tkun ristretta għal numru żgħir ta' impjegati fil-Bank Ċentrali u għal numru żgħir ta' impjega fil-banek lokali.
"L-ispiża tas-sistema se tinqasam bejn il-Bank Ċentrali u l-banek involuti. Dawn se jwasslu għal tisħiħ tal-analiżi ta' kreditu u tisħiħ tal-istabbilità bankarja lokali."
Il-Ministru Scicluna qal li d-djun ġabu l-kriżi finanzjarja u qal li llum għadna ma rkuprajniex minn dik il-kriżi. Qal li għalhekk id-dejn privat hu perikoluż u jrid ikun segwit. Qal li jrid ikun hemm bilanċ bejn il-kunfidenzjalità u l-libertà tal-individwu u s-sigurtà finanzjarja.
"Nafu x'ġara fil-każijiet li għandna ta' meta falla bank u għadna ma solvejniehx. Kumpaniji barranin li jissellfu minn banek Maltin ukoll se jiddaħħlu f'dan ir-reġistru," qal il-Ministru.
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home