Ajruplani ta' 20 passiġġier biss f'Għawdex
Waqt li tlesta l-istudju tal-impatt soċjali u ekonomiku li l-'green airstrip' jista' jkollha fuq Għawdex u l-benefiċċji finanzjarji tagħha lejn l-ekonomija Għawdxija, fl-aħħar xhur kien hemm interess anke minn kumpaniji biex joperaw servizz bil-helikopter. Minn dak li kien qed jiġi diskuss fil-Kumitat Reġjonali għal Għawdex jidher li l-Gvern qed iħares lejn ajruplani li jesgħu 20 passiġġier, waqt li qed ikun eskluż kompetament li Jets jinżlu f'Għawdex u dan minħabba li jekk dawn jinżlu l-airstrip ma tistax tkun 'green airstrip'.
Minn dak diskuss fil-kumitat, u li ġie pubblikat f'dokument fil-Parlament mill-Ministru Helena Dalli għal mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Chris Said, Mario Saliba mill-Ministeru għal Għawdex qal li l-pjan tal-Gvern hu li jkun hemm 'green airstrip' f'Għawdex. Meta hu kien ġie mistoqsi dwar żmien meta proġett simili għandu jitlesta, hu qal li għalissa ma jidhirx li hemm 'timeframes' speċifiċi.
Mario Saliba qal ukoll li l-Gvern qed iħares lejn ajruplani li jistgħu jġorru madwar 20 passiġġier. Qal li m'hemm xejn deċiz iżda jets awtomatikament ma jistgħux jitħallew f'din l-airstrip għax inkella din ma tibqax 'airstrip'. Hu enfasizza li l-ħsieb hu li jkun hemm link ma' postijiet oħra barra minn Malta per eżempju ma' gżejjer oħra.
Tqum il-mistoqsija jekk it-titjiriet hux se jkunu 'chartered', bi skeda jew inkella it-tnejn li huma, bir-rappreżentant tal-Ministeru jgħid li "d-diskussjonijiet għadhom għaddejin u jindikaw li l-Gvern se jara l-possibilitajiet kollha".
Qamu mistoqsijiet dwar ta' min se tkun il-proprjetà tal-airstrip, b'Mario Saliba r-rappreżentant tal-Ministeru jgħid li l-pjan hu li jkun hemm attivitajiet oħra apparti titjiriet 'chartered' u bi skeda imma dan dejjem skont ir-regolamenti marbutin ma' 'green airstrip'. Hu informa lill-membri li l-airstrip mhux se tkun finanzjata direttament mill-Unjoni Ewropea. Hu qal li hemm ħsieb li jkun hemm servizzi anċillari anke fir-rigward ta' taħriġ u edukazzjoni.
Issemma' it-tħassib fuq l-ambjent mill-airstrip u qal li l-akbar tħassib hu minħabba li fil-viċinanzi hemm il-cart ruts.
Ir-rappreżentant tal-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu f'Għawdex, Joe Muscat staqsa dwar jekk hux se jitħalla servizz tal-helikopter u hu semma' kif hemm min għandu interess jopera servizz ta' helikopter. Dwar dan ir-rappreżentant tal-ministeru qal li wieħed irid jara r-regolamenti tal-airstrip fejn jirrigwarda l-użu tagħha minn helikopters.
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home