Propost żvilupp fil-Ponta tal-Munxar... 'Se nkunu qed inħarsu l-pajsaġġ'
Hekk kif għadd ta' residenti li huma midħla tal-Ponta tal-Munxar f'Wied il-Għajn diġà qed juru it-tħassib tagħhom għal proposta li saret mal-Awtorità għall-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) biex fil-Ponta tal-Munxar ikun hemm guest house, pixxina, ristorant, ċentru tal-konferenzi, 'farm retail outlet', serer, razzett bl-annimali u faċilità biex minnha jkun osservati l-għasafar. Ma' dawn se jkun hemm ukoll fitness centre, salon u ħanut tal-inbid.
Dan il-proġett propost qed jissejjaħ 'The South-End Agro Tourism
Project'. Waqt li sa issa din l-art fiż-żona għadha mhix mittiefsa,
l-proġett propost se jkun mifrux fuq żona ta' 80,000 metru kwadru fejn
2,000 metru kwadru minnhom se jkunu mibnijin. Dawn jinkludu 450 metru
kwadru għall-akkomodazzjoni, 300 metru kwadru għal razzett u 1,260 metru
kwadru għal serer.
Il-President ta' l-Għaqda Wirt iż-Żejtun, il-perit Ruben Abela, meta kkuntattjat minn inewsmalta.com
dwar dan il-proġett propost iddikjara bla tlaqlieq li "f'dan l-istadju
ngħidu li bħala għaqda se nkunu qed nagħtu l-kummenti tagħna lill-MEPA.
Bħala għaqda irridu nħarsu l-pajsaġġ taż-żona".
Minn dak ippreżentat lill-MEPA, dan il-proġett li se juża xejn inqas
minn 80,000 metru kwadru ta' art se jħaddem għaxar impjegati fuq bażi
full tajm u ħames impjegati fuq bażi part tajm. L-iżviluppatur qed
isostni li biex dan il-proġett propost ikun vijabbli ekonomikament irid
ikollu ċentru għall-konferenzi.
L-art li fuqha hu propost dan l-iżvilupp hi proprjetà ta' Rennie
Scicluna, kuntrattur li kien involut f'diversi proġetti.
Mid-deskrizzjoni li ngħatat fid-dokument tal-MEPA intqal li dan
il-kuntrattur bena għadd ta' skejjel tal-gvern, bini fil-faċilità
korrettiva ta' Kordin, il-Water Park f'Buġibba u l-Kitchen Garden fosth
oħrajn. Hu s-sid tal-Malta Falconry Centre li jinsab fis-Siġġiewi.
Rennie Scicluna hu ukoll reġistrat bħala bidwi full tajm.
L-applikant fid-dokument li ssottometta qed jgħid li wara laqgħat li
kien hemm ma' konsulenti u ma' l-awtoritajiet, kien konkluż li l-proġett
hu eleġibbli għal finanzjament Ewropew. Iddikjara li hi l-mira tiegħu
li d-dokumenti kollha jitħejjew fi żmien qasir biex ikunu lest saż-żmien
li fih issir is-sejħa għat-talbiet għal fondi Ewropej. Id-dokument
jgħid li x-xogħlijiet għandhom jibdew immedjatament hekk kif jinħarġu
l-permessi u ma jonqosx li jgħid li d-dewmien biex ikun approvat
il-proġett jistgħu jaffettwaw il-vijabbilità tal-proġett.
Kif se jkun imqassam il-proġett propost?
Il-proġett propost se jkun imqassam billi fis-sular t'isfel ikun hemm
reception, ristorant, lift, tmint ikmamar tal-guest houses, żona fejn
jinżammu l-bagalji, tojlits pubbliċi u pixxina. Fl-ewwel sular taħt
l-art se jkun hemm uffiċċji amministrattivi, salon, fitness centre,
sala żgħira, ħanut tal-inbid, kċina, ċentru għal konferenzi u tojlits
pubbliċi. Fit-tieni sular taħt l-art se jkun hemm faċilità li
tipproċessa l-ikel agrikolu, mħażen, u ġibjun għall-ilma.
Ir-razzett se jkun fih nagħaġ, żwiemel, ħmir, fniek, tiħieġ, mogħoż u
anke majjali. Dwar is-serer jingħad li dawn se jkunu għoljin madwar
2.5 metri u dan kemm biex jonqos l-impatt viżibbli u anke minħabba li
ż-żona hi miftuħa għall-irjiħat.
Fuq is-sit la hemm infrastruttura ta' ilma, la elettriku u lanqas drenaġġ u għalhekk dawn iridu jiddaħħlu fuq il-post.
It-tħassib tan-nies…
Għalkemm għadd ta' persuni li kkuntattjajna biex jagħtu l-ewwel
reazzjonijiet tagħhom dwar dan il-proġett qalulna li għad iridu jaraw
id-dokumenti fid-dettal, kien hemm xi wħud li esprimew it-tħassib
tagħhom għalkemm qalulna li se janalizzaw dak sottomess.
"Meta tara l-bini li se jkun hemm, ma tistax ma titħassibx. Din hi żona
li mhix mibnija. Meta tmur f'agro turiżmu barra minn Malta ma tarax
proġetti ta' dan il-kobor. Ħafna drabi tkun dar fil-kampanja, li tkun
konvertità f'akkomodazzjoni u bini iehor addizzjonali ma jkunx sar".
Kumment iehor kien dak li "dan hu proġett li qisu qed iġebbed
il-kunċett ta' agro turiżmu. Fil-post m'hemmx irziezet u lanqas bini
iehor. Żona li llum hi mija fil-mija agrikola se tispiċċa titnaqqar
b'bini li jittella' f'nofsha."
Intant l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar qed tħejji
t-termini ta' riferenza għal dikjarazzjoni dwar l-impatt ambjentali
għall-proposta ta' agri turiżmu fil-Ponta tal-Munxar. Il-pubbliku qed
ikun mistieden jibgħat kummenti bil-miktub dwar materji li jkun jixtieq
li jkunu nklużi fit-termini ta' riferenza.
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home