Sunday, January 24, 2016


'Il-ġurnata tal-firda iebsa wisq…hi u ommha saru t-tfal tagħna' - mama Doda




Għandha sena u nofs biss. Jgħidulha 'Prinċipessa Maria'. Ma tistax ma tinnotax li kif tara lil Jason u Doreen għajnejha jixgħelu. Lil Doreen tgħidilha 'mama Doda'. Jason u Doreen min-naħa tagħhom saru jħobbuha.  Magħhom ma kien jonqosha xejn u kif jgħid il-Malti kienet 'fuq wiċċ l-idejn'. Jgħidulek bla tlaqliq - "it-tifla u ommha inqisuhom qishom it-tfal tagħna".  Jieqfu għal ftit u jħarsu fiss lejk u jgħidulek "aktar ma toqrob il-ġurnata li ninfirdu minn magħhom aktar inħoss id-diqa." 
Jason, kważi bid-dmugħ f'għajnejh jgħidli, "M'għandix qalb u kuraġġ immur l-ajruport narahom sejrin". Doreen tgħidli li "lanqas irrid niftakar li waslet il-ġurnata li titlaq lejn l-Istati Uniti".  Minkejja l-mument iebes li għaddejjin minnu hekk kif se jispiċċaw jinfirdu minn din it-tifla li kienu qed irabbu biex ommha li hi Eritreana tkun tista' taħdem, Jason u Doreen se jibqgħu jappoġġjaw lil omm u lit-tifla.  "Meta trid aħna hawn qegħdin u l-bieb hu miftuħ", waqt li ma jonqsux li jirrimarkaw li jridu jibqgħu f'kuntatt ma' din l-omm u bintha.
Doreen u Jason huma koppja li ftit tax-xhur ilu saru jafu lil din l-omm Eritreana. Minħabba n-natura tax-xogħol tagħha bdiet issibha diffiċli biex tlaħħaq mal-bżonnijiet tat-tifla żgħira tagħha u fl-istess ħin tonora l-impenji tax-xogħol tagħha.  L-omm, spiċċat f'pajjiżna waħidha għax is-sieħeb tagħha, ħabta u sabta kien telaq minn pajjiżna mingħajr ma infurmaha.
"Ridna noffru l-għajnuna tagħna. Offrejnielha li jekk trid tista' tiġi toqgħod magħna u li anki lesti li nżomm u nrabbu lit-tifla biex hi tkun tista' taħdem.  Konna nafu li l-ħajja tagħha hawn mhix faċli u li ma kellha xejn", qalilna Jason.
"It-tifla spiċċat tgħix magħna. Inħobbha daqs dawl għajnejja. Tifla ferriħija ħafna. Ma kienet nieqsa minn xejn. Noħorġuha, nilgħabu magħha, qisha t-tifla tagħna", tgħidli Doreen, waqt li qaltli li "kellha tiġi llum hawn imma ommha għadha għaddejja bil-preparamenti u qaltli li ma setgħatx tiġi".
F'kafeterija fil-Ħamrun, Jason u Doreen spjegawli kif wara li kienu ilhom minn Ġunju bit-tifla tgħix magħhom, bħal sajjetta fil-bnazzi ġew infurmati mill-omm li kien hemm ċans tajjeb li hi tintgħażel biex tibda ħajja ġdida ma' bintha fl-Istati Uniti.
"Meta qaltilna li ntgħażlet, konna kuntenti imma mdejqin fl-istess ħin. Nafu li se jkollhom futur aħjar hemm. Imma nafu ukoll li se nkunu l-bogħod ħafna minn xulxin. Issa l-kuntatt se jkun differenti ħafna. Dik li tgħannaqha miegħek u tħoss it-tgħanniqa tagħha, issa se tispiċċa", tgħidilna Doreen.
Fil-pront tinstema' għajta. Doreen tħares lejn il-bieb ta' barra u wiċċha jixgħel. Maria u ommha kienu ġew. Kif resqu ħdejn il-koppja Maria mill-ewwel bdiet tiċċaqlaq fil-pram waqt li b'idejha bdiet tipponta lejn Doreen. Ftit sekondi wara kienet f'idejn Doreen, li mill-ewwel ħaditha fi spazju li fih għadd kbir ta' logħob għat-tfal.
"Irrid nirringrazzja lil din il-familja. Għenuni ħafna. Imnalla kienu huma għalija. Marija magħhom ma kien jonqosha xejn. Grata ħafna lejhom. Grazzi ħafna", tgħid l-omm waqt li ħarset lejn Jason.
"Aħna allavolja hawn il-bogħod u mhux se nkunu nistgħu narahom mill-qrib, se nkomplu nsegwuhom u fejn hemm bżonn ngħinuhom  u nipproteġuhom sakemm immutu", jgħid Jason.
L-omm tispjega kif ħasset li t-tifla kien se jkollha futur aħjar fl-Istati Uniti. "It-tifla twieldet hawn. Jien ilni erba' snin hawn. Ngħid li l-Maltin huma nies li jilqgħuk. Għandi ħafna ħbieb Maltin. Irrid nirringrazzja lil poplu Malti talli laqgħana".  Tispjegalna kif għandha tnejn minn ħutha li jinsabu s-Sudan, iżda t-tentattivi biex jinġabu hawn rriżultaw fin-negattiv.
"L-ajruport mhux se niġu.  Iebsa wisq biex niġu hemm", jgħidilha Jason. L-omm tħares lejh u bid-dmugħ f'għajnejha tgħidlu "nifhmek. Imma l-Ħadd tridu tiġu għall-festin li se nagħmel. Ilni ħafna nipprepara. Dakinhar irrid narawkom hemm", tgħid l-omm, li tissorprendik għax minkejja li ilha hawn erba' snin titkellem u tifhem tajjeb ħafna bil-lingwa Maltija.
Maria kienet maħbuba ħafna f'Santa Venera fejn kienet qed tgħix u kienet tiġbed l-attenzjoni ta' kulħadd fin-nursery tal-futbol ta' Ħamrun Spartans.  F'SamSam Childcare, fejn kienet tattendi kienet tmur tajjeb ħafna mat-tfal.
It-tlieta li aħna spiċċajna  nħarsu lejn Maria, li bdiet iddur kull ġugarell li kien hemm fl-ispazju li ttieħdet fih minn Doreen.  Probabbilment kienet l-aħħar darba li marret tilgħab f'dan il-post. Ovvjament ebda ħsieb f'rasha li f'temp ta' ftit jiem, kienet se tinfired minn dawk li għal tant ġimgħat tawha x'tiekol, libsuha u lagħbu magħha.  It-tama tal-koppja Maltija, li tat l-appoġġ lil din it-tifla u l-omm  bla kundizzjoni ta' xejn, hi li kif tistabbilixxi ruħha fl-Istati Uniti, jitkompla il-kuntatt u min jaf forsi fi żmien mhux tant il-bogħod, Maria, Jason u Doreen jerġgħu jgħannqu lil xulxin.
Ma jistax jonqos li t t-tfal ta' Jason u Doreen ukoll se jħossu n-nuqqas ta' Maria u ommha. Melanie-Jo u Juan-Carlos, tista' tgħid li kienet l-għaxqa tagħhom jilagħbu magħha. Ta' min jgħid li apparti din il-koppja kien hemm Brenda u Mariella li ħadu ħsieb lill-omm u lil Marija fi żmien it-tqala fl-ewwel xhur tat-tifla.

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home