Wednesday, January 20, 2016


Ir-reklamar għall-Baġit sewa €200,000... 48% inqas mill-ispiża tal-aħħar Baġit Nazzjonalista



Il-Prim Ministru Joseph Muscat, f'informazzjoni li ta fil-Parlament għal mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Clyde Puli, qal li l-kampanja ta' reklamar u informazzjoni dwar il-Baġit tas-sena 2016 swiet €200,560. Qal li din hi 48 fil-mija inqas minn kemm kien nefaq il-Gvern Nazzjonalista biex irreklama l-aħħar Baġit tiegħu għas-sena 2013.
Clyde Puli staqsa x’kienet in-nefqa totali tal-Gvern fuq reklamar u informazzjoni dwar il-Baġit 2016; fuq xiex intefaq dan l-ammont; min kienu u kemm tħallsu l-kuntratturi li ħadmu fuq dan ix-xogħol; u liema xogħol ingħata b’tender u liema xogħol ingħata wara sejħa pubblika.
Il-Prim Ministru wieġeb li, "L-ispiża fuq il-kampanja ta’ informazzjoni dwar il-Baġit 2016 kienet ta’ €200,560. Din tkopri spejjeż marbutin ma’ iffilmar, editing, dwal, sound, produzzjoni ta’ avviżi informattivi fuq gazzetti, televiżjoni, radju u onlajn, konferenzi tal-aħbarijiet u loġistika kollha relatata. Din l-ispiża kienet €19,440 jew 9% inqas mill-ispiża fuq il-kampanja ta’ informazzjoni dwar il-Baġit 2015."
Il-Prim Ministru qal li, "Ix-xogħol sar minn Force 5, webee, Que Sound, Nexos, TEC, HALO, AF Signs, Matthew Cesareo, Aaron Briffa, Centrecom, Vintage Concepts, Ikona Artworks u PBS. Ix-xoghol inghata skont ir-regolamenti finanzjarji tal-gvern, wara li intalbu kwotazzjonijiet. L-ispiża fuq il-Baġit 2016 kienet ukoll €184,762 jew 48% inqas minn kemm kienet l-ispiża marbuta mal-kampanja għall-Baġit 2013, l-aħħar Baġit tal-gvern li kien jagħmel parti minnu, li kien magħruf minn qabel li ma kienx se jigi approvat mill-Parlament.
"L-ispiża fuq il-kampanja ghall-Baġit 2013 kienet ta’ €385,322. L-approvazzjoni għall-ħlas ta’ din l-ispiża ngħatat mill-Ministru tal-Finanzi ta’ dak iż-żmien, lejlet id-data tal-aħħar elezzjoni ġenerali."

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home