Fil-Bażilika tal-Isla…..
Skoperta ta' skultura imprezzabbli
wara aktar minn 500 sena
Dak li kellu jkun xogħol ta' kisi u żebgħa fil-Bażilika ta' l-Isla, li hi iddedikata lill-Vitorja, wassal biex inkixfet skultura imprezzabbli. Filfatt kif beda jinqala' xi kisi li kien hemm mal-pilastri, mill-ewwel beda jidher li taħtu kien hemm l-iskultura, li maż-żmien għal xi raġuni kienet inksiet. L-aħbar tas-sejba tista' tgħid li ġriet mal-Isla kollha u kienu bosta dawk li s-Sibt filgħaxija u anke lbieraħ filgħodu marru fil-Bażilika biex jaraw din is-sejba. L-indikazzjonijiet huma li l-pilastri kollha li kien fadal mill-knisja l-antika qabel intlaqtet fit-tieni gwerra dinjija għandhom l-iskultura taħt il-kisi.
Ix-xogħol ta' xkatlar kien qed isir mill-aħwa Fava. Huma kienu qed jaħdmu fuq il-pilastri tal-lemin li ma ġġarrfux bil-bombi.
Resident li tkellem ma' L-ORIZZONT qalilna li "ftit għadha inkixfet skultura imma tidher li hi skultura imprezzabli. Dettaljata ħafna. Bla dubju li se tkompli ssebbaħ dan it-tempju u fuq kollox qed titfa' dawl ġdid fuq kif kien dan is-santwarju ħafna snin ilu. Din qatt ma konna nafu biha".
Proprju s-Sibt li għadda, voluntiera bdew ix-xogol għal tikħil u tibjid mill-ġdid ta’ partijiet mill-knisja. Malli bdew iwaqqgħu t-tikħil ma’ wieħed mill-pilastri, b’sorpriża tfaċċat skultura imprezzabbli. B’attenzjoni beda jitneħħa t-tikħil oħxon u rriżulta li wieħed mill-pilastri laterali tal-lemin li huwa oriġinali u li ma ġġarrafx fil-gwerra, hu mimli minn tulu bi skultura ta’ arti kbira. B’kurżità u b’attenzjoni tneħħa tikħil minn pilastru ieħor u anke hawn tfaċċat skultura oħra. Ix-xogħol twaqqaf immedjatament u l-aħbar ta’ din l-iskoperta nxterdet mal-Isla kollha, b’riżultat li kulħadd mar jara dan it-teżor li ilu mgħotti għal mijiet ta’ snin. Saħansitra anke persuni barra mill-Isla, matul il-jum tal-Ħadd, żaru l-knisja biex jaraw din l-iskoperta.
L-Arċipriet tal-Isla, il-Kanonku Robin Camilleri, fiduċjuż li l-pilastri kollha laterali u oriġinali tal-lemin u forsi anke partijiet oħra huma mimlija bl-iskultura. Aktarx li din l-iskultura nksiet bit-tikħil fi żmien il-pesta tal-1831, forsi minħabba mikrobi li setgħu jiddepożitaw fl-iskultura!
Din l-iskoperta ġabet sitwazzjoni ġdida lill-Bażilika tal-Isla. Bla dubju li se jitħejja pjan li l-pilastri laterali u partijiet oħra tal-knisja li ma ġġarrfux bil-qilla tal-bombardamenti se jsir skavar fuqhom. Dan se jagħti dehra differenti ta’ dan il-Ġmiel ta’ Santwarju u jkompli jżid fl-attrazzjoni u fl-istorja tiegħu. Hu kkalkolat li l-ispejjeż se jkunu enormi, iżda l-Arċipriet qed jistenna li bil-provvidenza t’Alla se jsib bosta kontributuri.
Ta' min jgħid li l-knisja tal-Isla aktarx li nbniet mill-arkitett Vittorio Cassar fl-1580. Kienet meqjusa bħala Monument tar-Rebħa tal-Assedji tal-1565. L-Isla saret parroċċa fl-1581 u kienet ikkonsagrata fl-1743 mill-Isqof Paola Alpheran de Bussan. Fl-1786 il-Papa Piju VI iddikjaraha Collegiata Insignis fil-waqt li fl-1921 il-Papa Benedittu XV onoraha bit-titlu ta’ Bażilika ddedikata lil Marija Bambina. Il-bini tal-Knisja ġarrab ħsarat enormi bil-bambardamenti tat-Tieni Gwerra Dinjija fl-1941. Reġgħet inbniet kważi mill-ġdid u kkonsagrata mill-Arċisqof Mikiel Gonzi fl-1957. Illum il-popolazzjoni parrokkjali hi ta’ ftit aktar minn 2,700 persuna.
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home