Konkluż studju tal-Caritas fuq il-paga minima
Wara li fis-sena 2012 kien sar studju mill-Caritas dwar il-paga minima, fl-aħħar xhur kien għaddej studju iehor mill-istess Caritas. Dan l-istudju issa hu lest u qed issir analiżi tiegħu. Il-prezz tal-basket tal-oġġetti u s-servizzi essenzjali ġie konkluż u dan sar bl-istess metodoloġija u l-istess tliet tipi ta' familja li intużaw għall-istudju fis-sena 2012. Bħalissa qed issir analiżi tar-riżultati minn lenti soċjo ekonomika. Kollox jindika li dan l-istudju se jkun pubblikat matul dan ix-xahar. Ta' min jgħid li fir-rapport li kien sar mill-Caritas fis-sena 2012 dwar is-saħħa tal-paga minima kien stabbilixxa li l-paga minima għandha togħla għal €180 fil-ġimgħa biex familja li tibbenefika mis-servizzi soċjali tkun tista' tgħix b’mod dicenti.Il-Caritas kienet ġibdet l-attenzjoni dwar il-fatt li, minkejja li l-paga minima kellha tkun ta’ €180 fil-ġimgħa biex familja li tibbenefika mis-servizzi soċjali tgħix b’mod diċenti, dawk il-familji li ma jikkwalifikawx għall-benefiċċji soċjali se jkollhom aktar spejjeż minn dawk mistħarrġa fl-istudju.
Dakinhar kien ingħad li l-kategoriji ta’ familji li kienu studjati kienu dawk ta’ familja b’żewġ adulti u żewġt itfal, familja b’ġenitur wieħed u żewġt itfal, kif ukoll familja ta’ żewġ anzjani. Fl-istudju kien ġie kkalkulat basket ta’ oġġetti u servizzi bażiċi li l-familja jkollha bżonn biex tgħix ħajja diċenti. Dawn jinkludu fost oħrajn ikel, ilbies, kura personali, saħħa, apparat domestiku, manutenzjoni u servizzi, edukazzjoni, trasport u djar.
Fl-istudju kien intqal li l-prezzijiet ikkalkulati fl-istudju huma dawk tas-suq matul Settembru tas-sena 2011, filwaqt li prezzijiet oħra ittieħdu mill-infiq tal-aktar kwart tal-popolazzjoni li taqla’ l-inqas flus kif irrappurtata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fil-Household Budgetary Survey tas-sena 2008. “Dan l-istudju joffri livell li għandu jitqies bħala minimu li għandu jintlaħaq minn kulħadd fis-soċjetà tagħna”, kiene tenniet il-Caritas.
L-istudju tal-Caritas kien ikkonkluda li d-dħul minimu essenzjali għal dar ta’ żewġ adulti u żewġt itfal, kien stmat li kellu jkun fil-livell ta’ madwar €10,634, dak ta’ ġenitur wieħed u żewġt itfal ta’ €8,581, u dak għal żewġ anzjani ta’ €6,328.
Il-Caritas kien għamlet diversi rakkomandazzjonijiet fosthom dik li l-paga minima togħla għal €180 fil-ġimgħa.
Rakkomandazzjonijiet oħra kienu jinkludu l-attenzjoni urġenti li għandha tingħata lis-sitwazzjoni finanzjarja ta’ familji b’ġenitur wieħed, li skont il-Caritas huma fl-akbar riskju tal-faqar. Irrakkomandaw li jiġi definit dħul minimu adegwat għal dawk li jaqilgħu anqas mill-Baġit Minimu Essenzjali (BME), u li jissaħħu l-benefiċċji soċjali għal dawk li jaqilgħu anqas mill-BME.
minn l-orizzont
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home