Tuesday, August 30, 2016

"Nirringrazzjaw lill-familja Maltija li laqgħetna" ... Ikompli t-theżżiż tal-art


"Irrid pubblikament nirringrazzja lill-familja Maltija li ospitatna. It-tfal kellhom tensjoni u inċertezza kbira. Il-fatt li it-tfal tiegħi nġabru taħt is-saqaf ta' din il-familja Maltija mat-tfal tagħhom, kielu u lagħbu flimkien, kien importanti ħafna biex neħħew ħafna mit-tensjoni. Irrid nirringrazzjahom ta' dan il-ġest". Dan sostnieh ma' inewsmalta.com, Gianluca Frinchilucci, antropologu Taljan, li fl-aħħar jiem hu u uliedu ħadu kenn għand il-familja Maltija li tgħix ftit kilometri bogħod minn Amatrice, belt li parti sostanzjali minnha nqerdet bit-terremot li seħħ kmieni nhar l-Erbgħa.


F'kuntatt ma' inewsmalta.com, Gianluca Frinchilucci, li fl-aħħar jiem kien qed idur diversi żoni milqutin mit-terremot u jitkellem ma' persuni vulnerabbli fosthom anzjani qalilna li "hemm tħassib kbir mill-anzjani. Għad hemm ħafna li għadhom qed jorqdu barra. Sakemm it-temp hu tajjeb mhix daqstant problema imma issa qed ikun previst li t-temp se jinbidel u ġej il-maltemp. Dan hu ta' tħassib kbir". 

Gianluca jgħidilna li "f'Sant Angelo in Pontano hawn xejn anqas minn 100 persuna li spiċċaw bla dar.  Dan ifisser għaxra fil-mija tal-popolazzjoni ta' dan ir-raħal. Ħafna minn dawn huma persuni anzjani. Issa l-problema hi dik ta' x'se jiġri fil-jiem li ġejjin, hekk kif temp jibda jinibdel". 

L-antropologu enfasizza li "dan it-terremot ħalla ħafna vittmi. Hemm wisq tkissir ftit kilometri biss bogħod minnha.  M'għandniex vittmi biss imma diżastru sħiħ. Il-belt sabiħa tagħna issa saret qisha belt il-fantażmi. Għadna qed nesperjenzaw ħafna theżżiż tal-art.  Ħafna familji jinsabu bla saqaf fuq rashom. 
Se jkollna nibdew ħajja ġdida imma mhu se ninsew minn dak li għaddejna."

Ikla għaġin fil-Ħamrun biex jinġabru fondi għall-vittmi tat-terremot

Intant il-Kunsill Lokali tal-Ħamrun qal li "quddiem xeni bħal ma rajna f'dawn l-aħħar jiem f'Amatrice, u postijiet oħra fiċ-ċentru tal-Italja, diffiċli wieħed jibqa' sieket u ma jarax kif jista' jkun t'għajnuna għal dawk in-nies milqutin minn dan it-terremot.  Il-kunsill lokali tal-Ħamrun ħaseb li bil-mod li jista', jagħti għajnuna lil dan il-poplu u b'hekk qed qed organizzata 'Serata Italiana', fi Triq il-Kbira San Ġużepp.  L-iskop aħħari ta' ta' din is-serata hi li jinġabru fondi biex jingħataw lil dawn iż-żoni milqutin.  Din se ssir nhar is-Sibt 3 ta' Settembru mis-7.30 p.m. 'l quddiem. Il-bażi tal-attività se tkun ikla b'għaġin all'Amatriciana, li oriġina propju mill-lokalità t'Amatrice. 
Din se tkun ikkumplimentata minn kant tipiku Taljan f'atmosfera Taljana. Dan hu ġest ta' solidarjetà li jqarribna lejn dawk li sofrew minn dan it-terremot.  Il-postijiet jistgħu jiġu riservati mill-kunsill lokali u l-ħlas hu €10."

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home