Tuesday, September 27, 2016

Ir-referendum tat-Torri tal-Arloġġ għadu se jsir

Il-proposta biex fil-pjazza ewlenija tal-Birgu jerġa' jinbena it-Torri tal-Arloġġ, kienet diskussa sew fost il-Ġirbin. Min jaqbel b'ruħu u b'ġismu u min xettiku. Kien hemm min ħaseb li dan il-proġett ħa id-daqqa tal-mewt meta rappreżentanti tal-kumpanija li kienet se tiffinanzja parti mill-proġett irtiraw minħabba insulti li kien hemm fil-konfront tagħhom u ta' dan il-proġett.  Xejn  minn dan. Il-proġett għadu f'moħħ il-kunsill lokali, tant  li s-Sindku John Boxall meta fl-aħħar jiem tkellem fid-dettal ma' Inewsmalta dwar dan il-proġett qalilna li "r-referendum dwar dan il-proġett se jsir xorta waħda. Nemmnu li dan hu proġett importanti għar-riġenerazzjoni tal-Birgu. Nittamaw biss li l-għajnuna li kien wegħdna l-Gvern għadha hemm. Mhux neskludu li nġibu fondi Ewropej għal dan il-proġett".
Is-Sindku tal-Birgu, John Boxall meta tkellem ma' Inewsmalta qalilna li "r-referendum b'konnessjoni mat-Torri tal-Arloġġ fil-Birgu irid isir. Allavolja min kien se jagħtina somma konsiderevoli biex dan il-proġett isir, irtira għax ħassu imweġġa' b'kummenti li intqalu..

Irridu nsibu żmien li ma jkunx hawn festi jew attivitajiet fil-Birgu

Ir-referendum mhux se jiġi jiswa ħafna flus u dan għax il-Kummissjoni Elettorali offriet l-għajnuna tagħha.  B'kolox hawn ftit aktar minn 2,000 resident li huma eleġibbli jivvutaw. Se jivvutaw dawk li għandhom minn 18-il sena 'l fuq u dawk li huma reġistrati fuq ir-reġistru elettorali li joqogħdu fil-Birgu".
Mhu veru xejn li se jieħdu flus mill-kafeterija
Mistoqsi dwar il-kwistjoni tal-kafeterija fit-Torri li dwarha kien hemm diversi kummenti, is-Sindku John Boxall qalilna li "mhu veru xejn  li min kien se jagħmel il-proġett kien se jieħu l-qliegħ mill-kafeterija. Il-kummenti li saru f'dan is-sens kienu intiżi biss biex jagħmlu l-ħsara. Sfortunatament saret ħsara lill-kumpanija li kienet se tagħti fondi biex isiri il-proġett u saret ħsara lil dan il-proġett stess.  Irrid ngħid hawn li l-kumpanija kienet ġiet minn jeddha biex isir dan il-proġett u offriet somma għalih. Fil-bidu kienu tawna €60,000. Minn naħa tagħna konna tlabna stima ta' kemm jiġi jiswa dan il-proġett u ġejna infurmati li hemm bżonn €300,000. Ktibnilielhom mill-ġdid u minn jeddhom Alf Mizzi & Sons resqu lejna u kienu offrew €130,000. Issa kellna nofs il-proġett kważi finanzjat. Kien tqabbad il-perit Cintorino li hu espert fil-bini medjevali u l-ministeru kien offra l-għajnuna tiegħu fosthom ħaddiema u anke l-ġebel. Bdejna infittxu arloġġar u sibna wieħed li kien lest iħaddem il-magna li kellu dan l-arloġġ. Qalilna li anke l-arloġġ seta' jagħmlu jdoqq minkejja li kien hemm xi partijiet neqsin. Fil-modifiki li kellhom isiru, l-arloġġ seta' jitwaqqaf milli jdoqq f'ċertu ħinijiet fosthom bil-lejl.

"
Sinonimu mal-Birgu….jiġri x'jiġri l-parkeġġ fil-pjazza se jispiċċa


John Boxall, qalilna li "dan it-torri hu sinonimu mal-Birgu. Bħala kunsill narawh li hu parti importanti fir-riġenerazzjoni tal-Birgu. B'dan l-arloġġ il-pjazza se tieħu ħajja oħra. Se noħolqu turiżmu ġdid. Se tiżdied l-attività ekonomika u minn din se jgawdi kulħadd. Jiġri x'jiġri, il-parkeġġ f'din il-pjazza se jispiċċa. Meta l-pjazza tiġi pavimentata mhux se jkun jista' jsir ipparkjar fin-nofs kif qed isir bħalissa. Il-parkeġġi f'din il-pjazza se jkunu limitati.  Il-proġett mhux biss kien se jsostni lilu nnifsu. It-torri kien se jbiegħ lilu nnifsu. Ħanut tas-souvenirs li jbiegħ repliki tat-torri, kif ukoll esebizzjoni marbuta mat-torri fih stess. Kull ma riedu Alf Mizzi & Sons kienet biss ħaġa, li jkun hemm plakka li fiha jingħad li parti mill-proġett ġie finanzjat minnhom. 
Irtiraw għax ma felħux għall-insulti
Kompla jgħidilna li Alf Mizzi & Sons irtiraw mhux għax ma ridux isir imma għax ma felħux għall-insulti fuq mezzi elettroniċi moderni.

Insulti indirizzati lejhom u lejn dan il-proġett.

Minkejja din il-ħsara li saret, jien bl-appoġġ tal-kunsillieri tlabt lill-istess kumpanija biex tgħinna finanzjarjament biex nirranġaw l-uniku bandli li hawn fil-Birgu. Tawna €10,000 għald dan il-proġett. Irrid ngħidu li dawn in-nies huma imweġgħin ħafna b'li inkiteb. Nemmen li kulħadd għandu jesprimi l-pożizzjoni tiegħu fuq il-proġett tat-torri, imma ħadd m'għandu dritt jinsulenta."
Nittamaw li wegħda ta' għajnuna mill-Gvern għadha hemm
Dwar x'se jiġri minn issa 'l hemm, is-Sindku Boxall qalilna li "nittama li l-għajnuna li kien wegħdna l-Gvern permezz tal-Ministeru għall-Infrastruttura għadha hemm.  Hemm diversi modi minn fejn jinġabu fondi.  Ma neskludux li nippruvaw inġibu fondi mill-programm ta' ERDF tal-Unjoni Ewropea. L-applikazzjoni mal-MEPA għadha ma saritx.  Nittama li xi darba dan il-proġett jitwettaq.  Dan hu proġett li jekk jitwettaq se jkun ta' ġid kbir għal-lokalità u għal uliedna.  Għalhekk ir-referendum irid isir".


0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home