It-traġedja tal-Metroliner III: Tliet suldati Maltin għassa mas-sit lejl u nhar
Is-sit fejn waqa' l-ajruplan tat-tip Fairchild Metroliner Mark III qed jitqies bħala wieħed li għalissa hu sensittiv ħafna allavolja l-fdalijiet tneħħew kollha minn fuq is-sit. Filfatt minħabba debris li jista' jkun hemm imferrex, is-sit qed ikun mgħasses minn tlett suldati u dan qed isir kemm bil-lejl u kemm bi nhar. Minħabba n-nuqqas ta' esperjenza li għandna f'pajjiżna f'inċidenti simili, fl-aħħar jiem ġew f'pajjiżna investigaturi barranin fosthom Franċiżi u mill-Istati Uniti. Il-Gvern Franċiż ħatar ukoll inkjesta dwar dan il-każ, li fih tilfu ħajjithom żewġ eks piloti tal-Qawwa tal-Ajru Franċiża u tlett uffiċjali tekniċi . Mistoqsija li qed issir hi dwar jekk f'Malta kienx hawn uffiċjali oħra tad-Direttorat Ġenerali għas-Sigurtà Esterna (DGSE) u li ma kinux abbord din it-titjira. Tentattivi biex nikkonfermaw dan irriżultaw fin-negattiv. Sorsi li tkellmu magħna qalulna li 'mhux eskluż li fil-sigħat li ġejjin l-investigaturi jerġgħu jmorru fuq il-post tat-traġedja". It-triq li tagħti lejn Ħal Safi u li qrib tagħha saret it-traġedja kienet għadha qed tinżamm magħluqa.
Ilbieraħ ġurnalisti ta' L-ORIZZONT kienu fuq il-post fejn stajna naraw li bdiet ħidma fuq it-triq fejn tneħħiet parti mit-tarmak biex dan jingħata mill-ġdid. Osservatur fl-avjazzjoni li tkellem ma' L-ORIZZONT dwar x'seta' ġara biex ikkraxxja l-ajruplan, qalilna li "hemm diversi teoriji u dawn issa jridu jkunu l-investigaturi li jistħarrġu dan. Biss naħseb li neskludi li kien żball tal-pilota. Kif sar il-kraxx b'mod partikolari kif l-ajruplan iġġenneb u niżel, ma neskludix li seta' kien hemm 'over speeding' tal-magna. Meta għandek ajruplan b'żewġ magni u waħda qed taħdem b'minimu u l-oħra spiċċat 'over speeding', għandek il-probabbilità li dan jikkraxxja b'dan il-mod. Biss dan se jibqa' każ misterjuż, għax mhux faċli tistabbilixxi x'ġara meta l-ajruplan maħruq kollu".
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home