Monday, November 7, 2016

"Xokk kbir … lanqas nista' nemmen" - ħabib ta' Barry Zammit li miet traġikament f'Ħal Far

"Xokk kbir illejla. Għadni lanqas nista' nemmen. Kuraġġ u kondoljanzi lill-familja speċjalment lil dak l-anġlu żgħir. Se nħossu ħafna n-nuqqas tiegħek", kien il-messaġġ li kiteb Duncan Incorvaja, għall-aħbar li Barry Zammit ta' 36 mill-Ħamrun miet traġikament f'Ħal Far wara ħabta bil-mutur.
Jeremy Portelli jikteb li "ħallejtni bla kiem. Kburi li kont klijent tiegħi u wisq aktar ħabib kbir tiegħi".
Diego Xuereb jikkummenta li "Barry lanqas nista' nemmen b'dak li ġara. Kont ħabib ta' vera. Dejjem narak bi tbissima fuq xufftejk. Kemm konna nidħku flimkien".
Barry Zammit miet wara li fit-triq ta' Ħal Far ħdejn il-mitjar għal raġunijiet li għadhom mhux magħrufin kien involut f'ħabta ma' karozza.

Sal-Milied b'pożizzjoni dwar il-paga minima


Hekk kif fl-aħħar jiem ingħatat l-impressjoni li donnu d-diskussjoni fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) dwar il-paga minima miexja bil-mod ħafna, iċ-Ċermen tal-Kunsill, John Benċini f'kummenti lit-TORĊA iddikjara li dan mhu minnu xejn. Mhux biss għaddej eżerċizzju intensiv dwar il-paga minima imma anke hemm żmien iffissat sa meta għandha tkun magħrufa l-pożizzjoni tal-MCESD dwar is-suġġett. Fi kliem John Bencini, sa qabel i-Milied il-Gvern għandu jkollu l-pożizzjoni tal-MCESD. Ma naqasx li jirrimarka li ma jaħsibx li se jkun hemm unanimità.

 Bencini qalilna li "wara li ġibna d-Direttur tal-Caritas, fid-diskussjoni ħareġ li kien hemnm konkluzjonjiet fuq faqar assolut. Tajjeb li sar dan imma din ma ttikx l-istampa kollha. Ħassejna li ma stajneix niddeċiedu fuq dak id-dokument waħdu. Ridna nieħdu stampa aktar ċara u qabbadna lil ekonomist Lino Briguglio dwar il-vantaġġi u żvantaġġi li tiżdied il-paga minima u lil ekonomista Gordon Cordina biex jagħeml rapport ieħor dwar il-faqar f'Malta. Dawn lestewhom fi żmien xahar u huma rapporti tajbin ħafna. Bgħatnihom lill-partijiet soċjali biex jifluhom. Il-Prim Ministru talabhom ukoll u għaddejnihom. Se jsiru core groups li jiddiskutuhom u l-konsulenti tagħna se jagħmlu rapport  wieħed dwar il-pożizzjoni tal-MCESD. Naħseb li mhux se jkun hemm unanimità. Sa qabel il-Milied il-Gvern ikun jaf il-pożizzjoni fl-MCESD u mbagħad ikun il-Gvern li jiddeċiedi."

    •    



''Tfal aktar f'dari ma jidħlux'' …
......familja tgħaddi minn martirju wara allegazzjonijiet ta' abbuż fuq minuri


    •    Jgħixu f'dar normali għall-aħħar. Kif tidħol fiha tinduna mill-ewwel li hi dar ċkejkna. Tgħix fiha familja b'wild wieħed. Familja li għamlet tmien snin għaddejja minn martirju u tensjoni kbira. Kif dħalt għandhom, lanqas ilħaqt poġġejt bilqiegħda li l-omm ma daritx lejja u qaltli "tfal aktar ġo dari ma jidħlux. Jekk xi ħadd jgħidli nżommlu tfal nagħmel dan bil-qalb kollha għax jien it-tfal l-għors tiegħi, imma nmur għandu mhux inġibhom hawn. Jien naf minn xhiex għaddejna". Ħdejha kien hemm Mario, ir-raġel tagħha. "Seba' ġimgħat għalxejn il-ħabs għamilt jien. Poġġejni ma' dawk li jkunu nstabu ħatja fuq abbużi fuq tfal. Filgħaxija kont inħabbat rasi mal-ħajt taċ-ċella. Kon se niġġennen hemm. Il-mistoqsija li tibqa' tiġini f'moħħi hi għaliex għamluli hekk?  Għaliex saru allegazzjonijiet ta' abbuż fuq tfal li ma kinux minnhom. Ġejt liberat minn kollox imma l-mistoqsijiet u trawmi hemm jibqgħu. Saħħti marret lura tort ta' dak li għaddejt minnu", jgħid Mario lit-TORĊA.

"Li nixtiequ nsaqsu hu min se jerfa' responsabbilità ta' dak li għaddejna minnu. Saru allegazzjonijiet fuq ir-raġel, spiċċa l-ħabs u għaddejjna minn martirju sħiħ. Lanqas jgħaddi minn moħħ ħadd xi trid tiffaċċja fi triq meta isem ir-raġel tiegħek jiġi mċappas b'allegazzjoni ta' abbuż fuq tfal. Tispiċċa tiġi emarġinat. Nies jippuntaw is-swaba. Tmur twassal it-tifel l-iskola u tara l-ħars li jkun jgħid ħafna.  J'alla ħadd ma jgħaddi minn dak li għaddejna minnu. Veru r-raġel ġie liberat mill-akkużi kemm f'sentenza tal-Qorti u anki fl-appell, imma l-effett tat-trawma hu kbir wisq", tgħidilna l-omm.
"Qabel qatt ma kienet għadditli minn rasi, li ngħaddi minn esperjenza bħal din. Illum ngħid li tista' tiġri lil kulħadd. Iebsa ħafna. Kif se tfiehem lit-tifel. Wara ftit jiem li lir-raġel tefgħuh il-ħabs, kont iddeċidejt li nieħu t-tifel. Kien għad żgħir ħafna u għedtlu li sejrin f'boarding school. Għedtlu li missieru kien qed jaħdem fuq il-bini ta' krejn u kien se jkollu jorqod hemm. Ma ninsa qatt meta konna quddiem it-televiżjoni ftit jiem wara u t-tifel jara servizz fuq il-ħabs u jgħidli li hemmhekk qisu fejn hemm missieru. L-espressjoni ta' kif qalha daħlet f'qalbi".
L-allegazzjonijiet li kienu saru kienu li b'egħmil żieni kkorrompa lil tifla ta' tnax-il sena u li offenda l-puru jew il-morali b'egħmil li sar f'post pubbliku jew f'post espost għall-pubbliku. Il-Qorti tal-Appel fid-deċiżjoni  qalet li f'ħafna dettalji kien hemm inkonsistenzi u t-tifla ma kinitx ċara fir-risposti li tat għajr għalmeta tat deskrizzjoni ta' l-abbuż li allegatament seħħ. Il-Qorti qalet li mhix ċara kemm il-dara hi raqdet fid-dar, mhix ċara jekk fil-kamra tas-sodda kienx ikun hemm kuġinuha,  u waqt li tgħid li kienu tieħu gost fil-kumpanija tiegħu, aktar 'l quddiem imbagħad tgħid li tibża minnu.
Intqal li l-l-ewwel Qorti setgħet raġonevolemnt u legalment tasal għall-konklużjoni li wasslet għaliha u dan fid-dawl tal-fatt li x-xhieda tal-minuri ma toffrix dik il-konsistenza u preċiżjoni fid-dettal tagħha. Dan id-dubju fil-kamp penali neċessarjament jimmilita favur il-persuna ta' l-akkużat billi kundnna li twassal għal telfien tal-libertà ma tista' qatt tkun imsejsa fuq id-dubju.
 
L-omm tgħidilna li "jien l-appell li nagħmel hu wieħed. Li meta jsiru allegazzjonijiet, il-ġenituri jaraw sew l-affarijiet. Jien meta ġew u ġabruh il-Pulizija lanqas biss kont naf. Għamilt lejl nistenna u ndur mad-dar. Nistennieh ġej u mbagħad nirċievi telefonata mill-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija u qaluli nġiblu xi frieket u skieken tal-plastik. Għedilhom jgħidulu x'ġara u ma qalulix. Ngħid ukoll li l-Pulizija qatt ma ġew hawn jaraw id-dar. Ma nistax nifhem kif saru dawn l-allegazzjonijiet kontrija meta lit-tifla konna narawha tqatta xagħrha quddiem il-mera u tgħid diskors kontra l-ġenituri tagħha. Qatt ma setgħux isiru dawk l-allegati abbużi għax jien dejjem kont inkun hawn
Għal Mario, għalkemm dan il-każ hu magħluq u ġie meħlus mill-allegazzjonijiet li saru, hu jħoss li t-trawma li għadda minnha qed taffettwalu saħħtu. Tispikka fix-xhieda tiegħu dikjarazzjoni li qal li din l-istorja vvintata kissirtlu ħajtu  imma xorta waħda lest jaħfrilha.




Bil-PN sa 700 siegħa bla dawl fis-sena
    •    Nov 06, 2016 08:45
    •    Miktub minn Victor Vella

 Mingħajr l-impjant il-ġdid li jaħdem bil-gass, kif qed jipproponi l-Kap tal-Oppożizzjoni, Malta ma’ tkunx qed tiġġenera biżżejjed enerġija għal pajjiż sħiħ u nistgħu nispiċċaw sa 700 siegħa f’sena jew aħjar xahar sħiħ mingħajr dawl. Dan sakemm mhemmx il-ħsieb li jinxtgħel lura l-impjant l-antik li jaħdem bl-HFO f'Delimara u titħalla tal-Marsa għal li jista' jinqala'.Dan għall-fatt li bl-Interconnector u bl-impjant tal-BWSC biss ma jkunx qed jiġi ġġenerat enerġija biżżejjed li tforni dawl għal Malta kollha.
It-TORĊA tkellmet ma' diversi inġinieri fil-qasam tal-enerġija elettrika. Dawn littealment ġabu fix-xejn il-pjan tal-Kap tal-Oppożizzjoni li aktar kmieni din il-ġimgħa u anki drabi oħra qal li pajjiżna “m’għandniex bżonn impjant tal-enerġija ġdid u li għandna biżżejed biex inlaħħqu mal-bżonnijiet.”

Kalkolu sempliċi

Inġinier li tkellem mat-TORĊA spjega li bl-interconnector nistgħu nimportaw dawl sa 200MW filwaqt li bl-impjant tal-BWSC nistgħu niġġeneraw ftit inqas minn 150MW għal total ta’ 350MW. U dan jekk jaħdem kollox perfett mingħajr ħsarat. Qalilna iżda li mix-xerja tal-konsum tal-elettriku fil-pajjiż id-domanda tal-pajjiż hija ta’ aktar minn 420MW. Qalulna ukoll li din id-domanda mistennija tkompli tiela’. Dan għax id-domanda għall-enerġija tiżdied meta l-ekonomija tikber. Filfatt id-domanda ta’ pajjiżna kompliet tikber b’mod konsistenti matul is-snin.
“Dan ifisser li bl-interconnector u impjant tal-elettriku wieħed, b’mod fattwali u b’kalkolu sempliċi ħafna, pajjiżna ma jistax ikampa żgur,” qalilna l-inġinier espert fil-qasam tal-enerġija.
It-TORĊA ippruvat tikseb “il-pjan” misterjuż li għandha l-Oppożizzjoni u li partijiet minnu kienu pubblikati f''The Malta Independent. L-esperti li tkellmet magħhom it-TORĊA qalulna li fl-opinjoni tagħhom dan ir-rapport jidher li fih “skoss premessi żbaljati u żbalji bażiċi”. Fin-nuqqas sa issa ta’ spjegazzjonijiet ċari mill-Oppożizzjoni, it-TORĊA stħarrġet x’jista’ jiġri jekk il-pjan tal-Kap tal-Oppożizzjoni li ma jużax l-impjant tal-enerġija li jaħdem bil-gass xi darba jseħħ.
HFO u l-Marsa tinżamm għal li jista' jinqala'
Dwar dan, l-inġiniera li tkellimna magħhom taw interpretazzjonijiet varji.
“Jekk nisimgħu mill-Kap tal-Oppożizzjoni u ma nixgħelux l-impjant tal-enerġija tal-gass (sakemm isir il-pajp tal-gass) jista’ jfisser li l-Enemalta jkollha tibda’ titfi d-dawl kull meta d-domanda taqbeż it-350MW. Dan jista’ jiġri sa 700 siegħa fis-sena – jew xahar sħiħ,” sostna wieħed mill-inġinieri esperti fil-qasam tal-enerġija li ħadem anke ma’ amministrazzjonijiet Nazzjonalisti fil-passat.
Jew inkella, mingħajr l-impjant jaħem bil-gass, il-pjan tal-Oppożizzjoni huwa li jżommu l-impjant taż-żejt li jniġġes f’Delimara (u allura ċ-ċumnija l-kbira) jaħdem filwaqt li nżommu l-impjant tal-enerġija tal-Marsa għal li jista' jinqala biex inlaħħqu mad-domanda jekk l-interconnector jiġrilu ħsara bħal ma ġratlu ftit tal-ġimgħat ilu.
Kontijiet ogħla jew ekonomika tiċkien
Inġinier ieħor qalilna li l-pjan tal-Oppożizzjoni jista’ jkun li jħaddem l-impjant li jaħdem bid-diżil (Delimara 2). “Dan ikun ifisser li l-prezz tal-elettriku jiġi jiswa; d-doppju ta’ dak li jiswa’ biex tħaddem impjant tal-HFO, u allura pajjiżna jerġa' jmur lura billi jkollu jerġa’ jgħolli l-kontijiet. Jista’ ukoll jerġa’ lura għall-pjan tiegħu li jġiegħel lil kulħadd juża’ l-apparat domestiku għall-ħasil f’ħinijiet meta d-domanda tkun baxxa, kif ippropona fl-elezzjoni ġenerali tas-sena 2013,” qalilna l-istess inġinier.
“Fl-agħar ipoteżi, li ma nimmaġinax li jaspira għaliha l-Kap tal-Oppożizzjoni, biex pajjiżna jiġġenera domanda mingħajr l-impjant il-ġdid l-ekonomija tal-pajjiż ikollha tiċkien b’20 fil-mija u allura d-domanda tonqos. Fl-opinjoni tiegħi dan ikun ifisser li fabbriki kbar ħafna jkollhom jitilqu minn Malta bil-konsegwenza ta’ telf ta’ eluf ta’ impjiegi,” qalulna l-istess esperti li sostnew li dan ikun ta' detriment għall-ekonomija Maltija.

Sunday, November 6, 2016

Baħrin fuq bastiment li jtajjar il-bandiera Maltija b'xhur mhux imħallsin u b' pagi miżeri
    •    Nov 05, 2016 18:30
Grupp ta' baħrin mir-Russja, l-Ukrajna u l-Bulgarija u li kienu qed jaħdmu fuq bastiment reġistrat taħt il-Bandiera Marittima Maltija jinsab f'kontroversja sħiħa hekk kif ilhom ma jitħallsu xhur mis-sidien tal-bastiment.
Jidher li mhux biss ilhom ma jitħallsu imma anki l-pagi li kienu offruti qed jitqiesu bħala miżeri. Il-bastiment inkwistjoni iġib l-isem ta' "Svetlana". Dan bħalissa jinsab maqbud fil-port ta' Cardiff fir-Renju Unit.
Dan il-każ qed ikun segwit mill-Ispettur tal-ITF, Tommy Molloy. Il-bastiment jinsab miżmum wara investigazzjoni li saret mill-Aġenzija Marittima u tal-Gwardji tal-Kosta fir-Renju Unit. Il-bastiment inżamm minħabba li l-baħrin kienu ilhom xhur ma jitħallsu ta' xogħolhom.

Molloy iddikjara li "dawn il-baħrin irċevew pagamenti żgħar u dawn ma kinux frekwenti. Ngħid li s-salarji li suppost tħallsu dawn il-baħrin hu fost l-inqas li qatt iltqajt miegħu fl-aħħar snin. Il-pagi offruti huma ħafna inqas mill-minimum li hemm riferenza għalih fil-Konvenzjoni tax-Xogħol Marittimu tas-senas 2006."
L-ispettur tal-ITF qal li l-kumpanija insistiet li hi se tħallas biss dak li hemm stipulat fil-kuntratt. Tommy Molloy ikkritika l-bandiera marittima u qal li din naqset li tirrispondi.
"Għalija hu ċar. L-istati li rratifikaw proċeduri stabbilita li jiddeterminaw l-minimu tal-pagi mħallsin lill-baħħar, għandhom jagħtu konsiderazzjoni ta' dak stabbilit mill-Organizazzjoni Internazzjonali għax-Xogħol (ILO). Kemm iridu jkunu baxxi l-pagi tal-baħrin biex ir-reġistru Malti jintervjeni?" staqsa l-Ispettur tal-ITF.



Il-ħsejjes tal-qniepen Maltin miġburin u arkivjati għal min irid jismagħhom
    •    Nov 04, 2016 08:45


Forsi jkun hawn min jilmenta għad-daqq tal-qniepen. Mhux l-ewwel darba li kien hemm min ilmenta ma' l-awtoritajiet ekkleżjastiċi dwar id-daqq tal-qniepen. Imma hu fatt li jogħġbok jew ma jogħġbokx id-daqq tal-qniepen hu parti mill-ħajja tagħna ta' kuljum. Id-daqq tal-qniepen tagħna hu parti ukoll mill-festi tradizzjonali Maltin. 
B'ħidma li ħadet is-snin miż-żagħżugħ Rayden Mizzi, kollezzjoni ta' xejn inqas minn 1,200 nota ta' qniepen li għandna fil-Knejjes Maltin u f'postijiet oħra issa jinsabu arkivjati fl-Arkivji Nazzjonali.  Rayden, li għandu passjoni kbira għall-qniepen għadda din il-kollezzjoni lill-proġett tal-memorja nazzjonali li qed jaħdem fuqha l-arkivju nazzjonali.
Ta' min jgħid li l-proġett tal-irrekordjar tal qniepen ra l-bidu tiegħu fi Frar tas-sena 2006 fejn fil-lokalità ta’ Ħaż-Żabbar irrekordja il-qniepen tas-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja (il-Mota tal-Ħamis).  Jgħid li "eventwalment fis-sena ta' wara bdejt nżur iktar Knejjes billi fl-Għid il-Kbir bis-saħħa ta’ għalliem li kien jgħallimni l-Arti u d-Disinn fl-Iskola tal-Knisja ħadni ndoqq il-qniepen tal-Kon Katidral ta San Ġwann u irrekordjajthom.
F’Mejju żort fil-lokalità ta’ Ħal Tarxien fil-Festa ta’ Marija Annunzjata fejn iltqajt mad-daqqaqa li jdoqqu fil-festi Maltin u minn hemm ukoll irrekordjajt xi taqsimiet tradizzjonali ta’ kif jdoqqu l-qniepen fiż-żmien il-festa tar-raħal."
"Fis-sena 2008 kienet sena fejn bdejt naħseb li nibda bis-serjetà dan il-proġett u żort kważi il-Knejjes kollha fid-dawra tal-Fgura – il-Kottonera, Raħal Ġdid u Ħaż Żabbar", jgħid Mizzi.
Jenfasizza li kien fis-sena 2009 meta kompla  jifrex il-ħidma tiegħu u kważi żar il-knejjes kollha fejn hemm il-qniepen kbar mill-Mellieħa saż-Żurrieq – xi 25 Knisja b’kollox. "Għal-ewwel darba irrekordjajt il-Libra tal-Mejtin fil-Bażilika u Parroċċa ta’ Porto Salvu u San Duminku l-Belt Valletta" itenni Rayden Mizzi. 
'Komplejt inkabbar dan il-proġett u tista’ tgħid li fis-sena 2010 żort il-Knejjes kollha parrokkjali ta’ Malta. F’dik is-sena stess bdejt nħoss li anke nibda nirrekordja l-qniepen tal-kappelli".
Dan il-proġett tar-recordings tal-qniepen formalment il-poplu Malti għandu żewġ għażliet minn fejn jismagħhom billi jidħol fis-sit elettroniku YouTube fejn bil-libertà jista' jfittex fejn jrid jisma’ jew inkella jmur l-Arkivju Nazzjonali u jista’ jmur jismagħhom minn hemmek stess.


Xokkijiet tal-elettriku fuq immigranti mill-Pulizija Taljani
    •    Nov 03, 2016 13:53
Amnesty International għadha kif ħarġet rapport li fih allegat li Pulizija Taljani sawwtu u anke użaw xokkijiet tal-elettriku fuq immigranti waqt li kienu qed jitteħdulhom il-marki tas-swaba.
Ir-rapport ta' din l-organizazzjoni jgħid li "pressjoni tal-Unjoni Ewropea fuq l-Italja biex tkun iebsa mal-immigranti u r-refuġjati wassalu għal trattament inuman li f'xi każi jista' anke jkun tortura. Amnesty International qalet li mill-24 rapport ta' trattament ħażin, kien hemm 16-il każ li kien jinvolvu swat. Intqal li kien hemm każi fejn intużaw xokkijiet bl-elettriku fosthom fuq tifel ta' 16-il sena mis-Sudan.

"Ixxukkjawni bl-elettriku fuq saqajja x-xellugija u mbagħad irrepetew kollox fuq is-sieq tal-lemin u fuq żaqqi. Jien kont dgħajjef wisq u ma stajtx nirreżisti. Imbgħad qabduli idejja u poġġewhom fuq il-magna."
Matteo de Bellis, ir-rappreżentant ta' Amnesty fl-Italja qal li t-testimonjanzi kienu konsistenti għalkemm qal li dawn ma jistgħu jiġu vverifikati għal kull detall. Ninsabu f'pożizzjoni li ngħidu li hem problema ta' forza eċċessiva mill-Pulizija."