''Tfal aktar f'dari ma jidħlux'' …
......familja tgħaddi minn martirju wara allegazzjonijiet ta' abbuż fuq minuri
• Jgħixu f'dar normali għall-aħħar. Kif tidħol fiha tinduna mill-ewwel li hi dar ċkejkna. Tgħix fiha familja b'wild wieħed. Familja li għamlet tmien snin għaddejja minn martirju u tensjoni kbira. Kif dħalt għandhom, lanqas ilħaqt poġġejt bilqiegħda li l-omm ma daritx lejja u qaltli "tfal aktar ġo dari ma jidħlux. Jekk xi ħadd jgħidli nżommlu tfal nagħmel dan bil-qalb kollha għax jien it-tfal l-għors tiegħi, imma nmur għandu mhux inġibhom hawn. Jien naf minn xhiex għaddejna". Ħdejha kien hemm Mario, ir-raġel tagħha. "Seba' ġimgħat għalxejn il-ħabs għamilt jien. Poġġejni ma' dawk li jkunu nstabu ħatja fuq abbużi fuq tfal. Filgħaxija kont inħabbat rasi mal-ħajt taċ-ċella. Kon se niġġennen hemm. Il-mistoqsija li tibqa' tiġini f'moħħi hi għaliex għamluli hekk? Għaliex saru allegazzjonijiet ta' abbuż fuq tfal li ma kinux minnhom. Ġejt liberat minn kollox imma l-mistoqsijiet u trawmi hemm jibqgħu. Saħħti marret lura tort ta' dak li għaddejt minnu", jgħid Mario lit-TORĊA.
"Li nixtiequ nsaqsu hu min se jerfa' responsabbilità ta' dak li għaddejna minnu. Saru allegazzjonijiet fuq ir-raġel, spiċċa l-ħabs u għaddejjna minn martirju sħiħ. Lanqas jgħaddi minn moħħ ħadd xi trid tiffaċċja fi triq meta isem ir-raġel tiegħek jiġi mċappas b'allegazzjoni ta' abbuż fuq tfal. Tispiċċa tiġi emarġinat. Nies jippuntaw is-swaba. Tmur twassal it-tifel l-iskola u tara l-ħars li jkun jgħid ħafna. J'alla ħadd ma jgħaddi minn dak li għaddejna minnu. Veru r-raġel ġie liberat mill-akkużi kemm f'sentenza tal-Qorti u anki fl-appell, imma l-effett tat-trawma hu kbir wisq", tgħidilna l-omm. "Qabel qatt ma kienet għadditli minn rasi, li ngħaddi minn esperjenza bħal din. Illum ngħid li tista' tiġri lil kulħadd. Iebsa ħafna. Kif se tfiehem lit-tifel. Wara ftit jiem li lir-raġel tefgħuh il-ħabs, kont iddeċidejt li nieħu t-tifel. Kien għad żgħir ħafna u għedtlu li sejrin f'boarding school. Għedtlu li missieru kien qed jaħdem fuq il-bini ta' krejn u kien se jkollu jorqod hemm. Ma ninsa qatt meta konna quddiem it-televiżjoni ftit jiem wara u t-tifel jara servizz fuq il-ħabs u jgħidli li hemmhekk qisu fejn hemm missieru. L-espressjoni ta' kif qalha daħlet f'qalbi". L-allegazzjonijiet li kienu saru kienu li b'egħmil żieni kkorrompa lil tifla ta' tnax-il sena u li offenda l-puru jew il-morali b'egħmil li sar f'post pubbliku jew f'post espost għall-pubbliku. Il-Qorti tal-Appel fid-deċiżjoni qalet li f'ħafna dettalji kien hemm inkonsistenzi u t-tifla ma kinitx ċara fir-risposti li tat għajr għalmeta tat deskrizzjoni ta' l-abbuż li allegatament seħħ. Il-Qorti qalet li mhix ċara kemm il-dara hi raqdet fid-dar, mhix ċara jekk fil-kamra tas-sodda kienx ikun hemm kuġinuha, u waqt li tgħid li kienu tieħu gost fil-kumpanija tiegħu, aktar 'l quddiem imbagħad tgħid li tibża minnu. Intqal li l-l-ewwel Qorti setgħet raġonevolemnt u legalment tasal għall-konklużjoni li wasslet għaliha u dan fid-dawl tal-fatt li x-xhieda tal-minuri ma toffrix dik il-konsistenza u preċiżjoni fid-dettal tagħha. Dan id-dubju fil-kamp penali neċessarjament jimmilita favur il-persuna ta' l-akkużat billi kundnna li twassal għal telfien tal-libertà ma tista' qatt tkun imsejsa fuq id-dubju.
L-omm tgħidilna li "jien l-appell li nagħmel hu wieħed. Li meta jsiru allegazzjonijiet, il-ġenituri jaraw sew l-affarijiet. Jien meta ġew u ġabruh il-Pulizija lanqas biss kont naf. Għamilt lejl nistenna u ndur mad-dar. Nistennieh ġej u mbagħad nirċievi telefonata mill-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija u qaluli nġiblu xi frieket u skieken tal-plastik. Għedilhom jgħidulu x'ġara u ma qalulix. Ngħid ukoll li l-Pulizija qatt ma ġew hawn jaraw id-dar. Ma nistax nifhem kif saru dawn l-allegazzjonijiet kontrija meta lit-tifla konna narawha tqatta xagħrha quddiem il-mera u tgħid diskors kontra l-ġenituri tagħha. Qatt ma setgħux isiru dawk l-allegati abbużi għax jien dejjem kont inkun hawn Għal Mario, għalkemm dan il-każ hu magħluq u ġie meħlus mill-allegazzjonijiet li saru, hu jħoss li t-trawma li għadda minnha qed taffettwalu saħħtu. Tispikka fix-xhieda tiegħu dikjarazzjoni li qal li din l-istorja vvintata kissirtlu ħajtu imma xorta waħda lest jaħfrilha.
1 Comments:
Thanks for sharing, nice post! Post really provice useful information!
Giaonhan247 chuyên dịch vụ gửi hàng đi Úc, mua hộ vòng tay pandora úc ship về Việt Nam uy tín và dịch vụ vận chuyển hàng đi campuchia uy tín và kinh nghiệm cách order taobao về VN giá rẻ.
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home