'Ma nistgħux nippermettu li nidraw
nisimgħu aħbarijiet fuq it-traġedji tal-immigranti"
- il-Prim Ministru Joseph Muscat
"Aħna ma nistgħux, u m’għandniex, inħallu lilna nfusna nidraw nisimgħu aħbarijiet fuq iktar minn dawn it-traġedji. Iċ-ċerimonja ta’ tifkira tal-ġimgħa li għaddiet f’pajjiżna għall-migranti li mietu barra mill-kosta tal-Libja misset il-qlub tan-nazzjon u rnexxielha tikkommovi l-komunità internazzjonali. Iżda ma nistgħux nieqfu hemm.” Dan iddikjarah il-Prim Ministru Joseph Muscat f'diskors li għamel ilbieraħ wara nofsinhar meta ospita lill-President Ġermaniż Joachim Gauck għal ikla fil-Berġa ta' Kastilja.
Fid-diskors tiegħu l-Prim Ministru Joseph Muscat enfasizza li "fil-futur immedjat, għandna niffokaw fuq il-Libja u nagħmlu dak kollu li nistgħu biex inwaqqfu ċ-ċrieki tal-kriminalità li bħalissa jistgħu joperaw bla rażan minħabba l-fruntieri miftuħin fil-Libja. Jeħtieġ li nieħdu azzjoni b’saħħitha sabiex jiġu protetti dawk in-nies li qed jiġu sfruttati, filwaqt li nsaħħu l-ġlieda kontra t-traffikanti kiefra li jfittxu li jsiru sinjuri għas-skapitu tal-ħajja tan-nies".
Tenna li "bħala Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, irridu nagħmlu l-almu tagħna sabiex niżguraw li s-sitwazzjoni fil-Libja tistabbilizza ruħha kemm jista’ jkun malajr u li t-traġedji ta’ dawn il-migranti ma jsirux aċċettati bħala okkorrenzi normali,” qal il-Prim Ministru.
Huwa esprima l-ferħ tiegħu li s-summit bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-Afrika li għandu jseħħ fix-xhur li ġejjin, se jsir f’Malta. Qal li Malta għandha vokazzjoni naturali biex isservi bħala pont bejn iż-żewġ kontinenti. “Aħna ħerqanin li jkun hemm diskussjoni ġenwina u nixtiequ li l-għaqdiet mhux governattivi li jaħdmu fil-kamp tad-drittijiet tal-bniedem ikollhom rwol importanti fis-summit,” qal Dr Muscat.
Kompla jgħid li sadanittant, hemm bżonn diskussjoni onesta u sinċiera dwar id-distribuzzjoni ekwa ta’ responsabbiltà għal dawk li jfittxu l-kenn fl-UE. Ma nistghux ma ngħidux li s-sitwazzjoni li ninsabu fiha bħalissa hija waħda mill-aktar żbilanċjata, bil-piżijiet mqassma b’mod inekwu fost l-Istati Membri. Aħna rridu li naraw żviluppi konkreti f’dan ir-rigward.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar l-ekonomija ta' pajjiżna u qal li din kompliet tespandi u l-prodott gross domestiku żdied b’4 fil-mija f’termini reali fl-2014 meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. Il-livell tal-qgħad naqas minn 6.4 fil-mija fl-2013 għal 5.9 fil-mija s-sena l-oħra. Id-defiċit tal-baġit naqas għal 2.3 fil-mija minn 2.7 fil-mija fl-2013, filwaqt li l-livell ta’ dejn pubbliku naqas għal 68.6 fil-mija tal-prodott gross domestiku totali minn 69.5 fil-mija fis-sena preċedenti.
Malta qed tattira investituri li japprezzaw l-infrastruttura soda tagħha, il-bżulija tal-ħaddiema Maltin u l-politika pożittiva u attraenti tal-Gvern Malti, kif ukoll il-lokazzjoni ġeografika tagħna li sservi bħala pont bejn l-Ewropa u l-Lvant Nofsani u tiffaċilita l-aċċess għal swieq oħra importanti. Għandna ekonomija li qed tikber b’rata iktar mgħaġġla minn qatt qabel, numru rekord ta’ nies impjegati filwaqt li r-rata tal-qgħad tagħna niżlet għall-iktar livell baxx fl-istorja ta pajjiżna. Għandna għal xiex inħossuna kburin, qal il-Prim Ministru.
Huwa saħaq li l-għan ewlieni tal-Gvern huwa l-ħolqien tal-impjiegi u x-xogħol. “Aħna qed naħdmu biex nimplimentaw proposta li hija parti mill-pjan tagħna li tikkonsisti fil-ħolqien ta’ bank ta’ żvilupp, u li qed titmexxa mid-Deputat Prim Ministru. Dan il-proġett se jikkonsolida u jkabbar is-sistema bankarja tagħna u jgħin dawk in-negozji li jixtiequ jwettqu proġetti ġodda u innovattivi, sabiex ikunu jistgħu jkomplu jikbru, jiżviluppaw u joħolqu l-impjiegi. F’dan ir-rigward napprezzaw il-koperazzjoni tal-Ġermanja, miftehma mal-Kanċillier Merkel, u aħna ħerqana sabiex nibbenifikaw mill-esperjenza u l-kompetenza li l-Ġermanja żviluppat f’dan il-qasam matul is-snin,” qal Dr Muscat.
'Li nuru solidarjetà mal-immigranti
hi responsabbilità Ewropea"
- il-President Joachim Gauck
Min-naħa tiegħu, il-President Ġermaniż ukoll tkellem dwar l-immigrazzjoni u qal li l-Ġermanja tapprezza l-impenn u s-suċċessi ta’ Malta meta tilqa' l-immigranti. “Ibqgħu ċerti li l-Ġermanja hija konxja li permezz ta’ dak li qed tagħmel Malta, hija qed taffaċċja sfidi kbar ħafna. Din hija r-raġuni għala jeħtieġ li niddiskutu modi li permezz tagħhom il-piżijiet jiġu distribwiti b’mod ġust. Madankollu, hija r-responsabbiltà ta’ kull individwu u ta’ kull stat li jagħmlu kull ma jistgħu biex jiżguraw li nilqgħu lir-refuġjati b’mod uman,” qal il-President Ġermaniż.
Enfasizza li "li nuru solidarjetà ma’ dawn il-persuni hija responsabbiltà pan-Ewropea, sostna l-kelliem. L-għan ta’ politika verament Ewropea dwar ir-refuġjati għandu jkun li ma tipproteġix biss il-fruntieri tal-Ewropa, iżda wkoll il-ħajjiet umani fuq dawk il-fruntieri".
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home