Sunday, September 20, 2015




L'hekk imsejħa 'Patrijotti'....
u 'd-diżappunti'

Ma tridx iddum wisq tfittex biex tinduna u tieħu l-fil ta' kif ħassewhom persuni li attendew għall-protesta mill-Għaqda Patrijotti Maltin. Kumment minn waħda minn dawk li attendiet, kien jgħid kemm ħarġet diżappuntata u ferm aktar. Ma naqasx wara baraxx ta' kummenti b'oħrajn jammettu attendenza fqira.
Din id-diskussjoni ma tantx damet fis-sit.

Tuesday, September 15, 2015

Il-vuċi ta' ħaddiema minn pajjiżi terzi...

Sfruttament u biża'



"Hakuna kazi nzur".  "Rusu kulipa". "Massa kumi na tano ya kazi".   Dawn kienu l-kliem li beda ħiereġ minn fomm żewġ immigranti. Stajna ninnotaw ir-rabja.  Mitluqin f'nofs il-kampanja bejn ir-Rabat u l-Baħrija. Twassalhom sal-venda u tgħidx kemm idumu jirringrazzjawk. Nistaqsihom fuq xiex kienu qed jilmentaw u x'kien ifisser l-kliem li kienu qed jgħidu. Jgħiduli li "ħdimna għal 15-il siegħa, imma ħallsuna nofs dak li ftehmna. Flok €60 kull wieħed ħallasna €30. Qalilna li se jħallasna in-nofs għax ix-xogħol kien ħażin. Kien ħażin meta naddafna kulma qalilna?"
Din kienet l-esperjenza ta' żewġ immigranti Afrikani ftit tal-jiem ilu, fejn ma naqsux li jesprimu l-biża' li jirrappurtaw każi simili. Mitlubin jikkummentaw qalulna li "nibżgħu li nispiċċaw ħażin. Irridu naqilgħu xi ħaġa tal-flus biex ngħixu. Jekk ma jħaddmunix aktar x'nagħmlu? Nafu diversi nies hawn, daqqa naħdmu ftit ma' wieħed u daqqa ma' iehor. Ma nistgħux nifhmu għaliex qalilna xogħol ħażin".
Ovvjament dan mhux każ uniku.  Meta titkellem ma' rappreżentanti ta' għaqdiet ta' persuni minn pajjiżi terzi f'Malta (jiġifieri barra mill-Unjoni Ewropea), l-esplojtazzjoni kontinwa u l-biża li tirrapporta hi xi ħaġa komuni ħafna. Fl-aħħar jiem għadha kif saret riċerka minn 'Third Country National Support Network Malta'. Fiha  16-il rappreżentant ta' għaqdiet ta' persuni minn pajjiżi terzi tkellmu dwar problemi ta' xogħol li jiltaqgħu magħhom l-immigranti. Il-gruppi rappreżentati f'din ir-riċerka huma l-Oromo, dawk mill-Ghana, ir-Russja, l-Georgia, Serbi, Mali, Libjani, Marokkini, Palestinjani, Ċiniżi u Filippini.
Il-prevenzjoni ta' sfruttament hi diffiċli għax is-sistema tinforza dipendenza fuq min iħaddem
Ir-riċerka intitolata "Vuċijiet ta' ħaddiema minn pajjiżi terzi", tgħid li f'xi kommunitajiet, ħaddiema minn pajjiżi terzi isibuha diffiċli biex isibu xogħol. Fost l-isfidi li jiltaqgħu magħhom dawn l-għaqdiet hemm dawk ta' inugwaljanzi, sfruttament u nuqqas ta' miżuri biex ħaddiema minn pajjiżi terzi ikunu integrati f'postijiet tax-xogħol fejn hemm ħafna ħaddiema.
Ir-riċerka tgħid li "ħafna mid-dipartimenti u l-aġenziji jafu bi prattiċi ta' sfruttament u anki assistew ħaddiema li kienu milqutin. Biss ma jeżistu ebda miżuri preventivi jew pjani biex din is-sitwazzjoni tkun trattata fuq bażi ta' tul ta' żmien.  Il-pożizzjoni ta' 'care workers' u ħaddiema domestiċi minn pajjiżi terzi f'Malta hi waħda vulnerabbli allavolja hawn bżonn ta' ħafna ħaddiema minn pajjiżi terzi bħala 'care workers' u ħaddiema domestiċi.  Ħafna 'care workers' huma reġistrati bħala infermiera f'pajjiżhom imma l-kwalifiċi tagħhom mhux rikonoxxuti f'Malta minħabba differenzi żgħar.
Biex dawn id-differenzi jitneħħew, dawn il-ħaddiema iridu jattendu sena taħriġ, xi ħaġa li hi diffiċli li dawn jagħmlu. Dan peress li dawn ikunu nġabu hawn u ngħataw kuntratt ta' xogħol ma' familja jew ma' aġenzija. Hawn sitwazzjoni fejn dawn l-infermieri barranin qed ikunu sfurzati jaħdmu ma' 'carers' oħrajn bla taħriġ. Dan qed iwassal għal nuqqas ta' ftehim bejn il-'carers', u dan għax dawk professjonisti jagħrfu aħjar il-bżonnijiet li jkollu l-pazjent iżda ma jistgħux jisfurzaw 'carers' oħra jbiddlu l-imġiba tagħhom. 'Carers minn pajjiżi terzi qed iħossuhom sfruttati u frustrati għax ma jistgħux joffru kura aħjar lill-pazjenti. Huma qed iħossu li qed jintużaw biex fuqhom jintefa' t-tort ta' dak li jsir ħażin jew ta' dak li ma jsirx sew. Kien hemm tentattivi ta' medjazzjoni bejn dawn il-gruppi, imma l-isforzi ma kinux reċiprokati".

Mitluba ma jsegwux il-kuntratti… bżonn urġenti ta' azzjoni
Dwar is-sitwazzjoni ta' ħaddiema minn pajjiżi terzi fil-qasam domestiku, ir-riċerka tgħid ċar u tond li "fuq dan hemm bżonn attenzjoni urġenti b'mod partikolari dwar kif isiru l-kuntratti. Xi ħaddiema stqarru li huma kellhom iħallsu somom sostanzjali ta' flus lil aġent lokali biex ingħataw xogħol f'Malta. Meta waslu hawn, qalulhom li huma m'għandhomx isegwu l-kuntratt li ngħataw għax hemm arranġamenti oħra ma' min iħaddimhom. Xi kuntatti huma bbażati fuq kuntratti f'partijiet oħra tad-dinja, fejn il-paga minima u l-kundizzjonijiet tax-xogħol huma differenti minn dawk f'Malta.
Riċentament saru linji gwidi dwar kuntratti ġodda, u l-għaqdiet li  jirrappreżentaw ħaddiema minn pajjiżi terzi, qed jiggwidaw lill-membri tagħhom dwar kif jinnegozjaw ma' min iħaddimhom. Il-'carers' għandhom jingħataw ħin għal mistrieħ u anke li jmorru lejn pajjiżhom biex jaraw il-familja. Biex isir dan hemm bżonn li jkun hemm ħaddiema oħra li jieħdu post dawk li jmorru lura pajjiżhm, xi ħaġa li jrid jipprovdiha min iħaddem. Hawn sitwazzjoni fejn 'carers' qed ikollhom jaraw li jsibu lil xi ħadd minflokhom biex jieħdu l-ħin tal-mistrieħ jew biex joħorġu barra mid-dar. Għal 'carers' li qed jieħdu ħsieb persuni b'ċertu kundizzjonijiet mediċi, fosthom dimensja, din hi xi ħaġa ta' detriment peress li dawn jieħdu ħsieb lil pazjenti għal sitt ijiem fil-ġimgħa".

"Daħku bih…ħaddmu fulltajm imma rreġistrah bħala partajm"
Imma l-problemi mhumiex fis-settur tal-'care workers' u ħaddiema domestiċi biss. Filfatt, mill-istess riċerka joħroġ li hemm problemi f'diversi oqsma fosthom dik tal-kostruzzjoni, tal-ikel, tindif u f'servizzi oħra.  "Xi ħaddiema qed jitħallsu anqas minn ħaddiema Maltin u minn ħaddiema Ewropej li jaħdmu hawn. Dawn qed ikollhom ukoll jaħdmu ħafna aktar sigħat. F'każ partikolari kien hemm ħaddiem, li s-sid tal-post tax-xogħol daħak bih. Min ħaddmu qallu li kien se jħaddmu fuq bażi full tajm, iżda hu rreġistrah bħala li kien qed iħaddmu għal ftit sigħat fix-xahar. Min ħaddmu kien qed iżomm parti mill-paga tal-impjegat għal finijiet ta' taxxa li l-istess impjegat kellu jħallas. Meta nduna b'dan, l-impjegat telaq mix-xogħol. Ħafna drabi, ħaddiema minn pajjiżi terzi ikollhom jaċċettaw kundizzjonijiet ta' sfruttament u dan minħabba li xejn mhu faċli li jsibu xogħol iehor. L-istabbilità finanzjarja u legali tagħhom f'Malta hi dipendenti b'mod qawwi fuq ix-xogħol u xi sidien ta' postijiet tax-xogħol huma lesti li jaħtfu l-opportunità joffrulhom xi stabbilità u jisfruttawhom", tgħid ir-riċerka.

Għaliex ma jirrappurtax?... Proċeduri twal u b'riskju li jitilfu l-impjieg
Huma diversi dawk l-organizazzjonijiet li jassistu lill-membri tagħhom f'każi ta' abbuż u esplojtazzjoni. "Dawn ifittxu għajnuna minn dipartimenti u aġenziji.  F'każ partikolari l-proċedura tant kienet twila li l-vittma għażlet li ma tkomplix bil-każ.  F'każ iehor l-ilment tant kien ikkumplikat, li l-persuni konċernati ma fehmux kif jimxu l-proċeduri. Għalkemm dawn id-dipartimenti u aġenziji joffru aċċess legali, dawn mhux dejjem iwasslu għal aċċess għal ġustizzja. Il-proċeduri biex wieħed jirrapporta abbuż ipoġġu lill-vittmi f'riskju li jitilfu xogħolhom waqt li s-sistema mhix lesta li toffri appoġġ lil dawn il-ħaddiema biex dan ir-riskju jitnaqqas. Xi drabi ħaddiema minn pajjiżi terzi iħossu li jkun aktar effettiv jekk jitrattaw direttament ma' min iħaddimhom".

"Tibagħtux il-flus kollha f'pajjiżkom... ħallu għal meta tiġu bżonn intom"
Waħda mill-problemi li jiltaqgħu magħha ħaddiema minn pajjiż terzi hi dik tal-flus li jibagħtu lejn pajjiżhom. Spiss ikun hawn każi fejn ħaddiema minn pajjiżi terzi jibagħtu lejn pajjiżhom kull ma jaqilgħu u mbagħad ġieli huma stess jispiċċaw bi problema ta' flus.  Huma diversi dawk l-organizazzjonijiet li jagħtu pariri lill-membri tagħhom biex ma jibagħtux il-flus kollha li jaqilgħu lejn pajjiżhom. Il-parir li jingħataw hu dak li jġemmgħu biex meta isibu meta jkollhom bżonn huma b'mod partikolari meta jkunu jridu jmorru lura lejn pajjiżhom.

Ħaddiema terzi lesti jiċċelebraw l-Indipendenza u r-Repubblika
Meta nitkellmu fuq ħaddiema minn pajjiżi terzi, il-perċezzjoni fost ħafna Maltin hi dik li dawn jaqbżu sew lil dawk li ġejjin minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Ir-realtà mhix hekk, fil-fatt jekk nieħdu Marzu ta' sentejn ilu naraw li kien hawn 15,095 ħaddiem barrani. Minn dawn 9,670 kienu minn pajjiżi Ewropej waqt li 5,424 kienu minn pajjiżi terzi.
Quddiem dan tqum il-mistoqsija dwar l-integrazzjoni tagħhom f'Malta. Fir-riċerka li saret dan kien trattat ukoll, fejn ir-rappreżentanti tal-għaqdiet esprimew l-importanza tal-integrazzjoni.
Jirriżulta li r-rappreżentanti tal-għaqdiet irrimarkaw li qed iħejju diversi proġetti għas-sena d-dieħla biex jedukaw lill-pubbliku fuq il-kulturi ta' persuni barranin, liema kampanji għandhom iservu bħala pont bejn Maltin, ċittadini Ewropej u ċittadini minn pajjiżi terzi.
Fost id-diffikultajiet marbutin mal-integrazzjoni ken hemm dik ta' problemi biex jitgħallmu l-ilsien Malti u f'xi każi anki l-lingwa Ingliża.  Xi għaqdiet ippubblikaw fuljetti dwar id-drittijiet ta' persuni terzi f'Malta u kif ikollhom aċċess għal dawn id-drittijiet.
Kienu diversi dawk il-persuni minn pajjiżi terzi li rrimarkaw li l-Maltin għandhom ikunu infurmati aktar dwar l-istorja u l-kulturi tad-dinja. Spjegaw li sabu li ħafna Maltin li tkellmu magħhom kellhom informazzjoni limitata dwar l-istorja ta' ċerti pajjiżi.  Mir-riċerka ħareġ li waħda mill-għaqdiet qed tippjana li tippromwovi edukazzjoni permezz ta' dokumentarju. Kien hemm persuni minn pajjiżi terzi li ssuġġerew li f'Jum il-Ħaddiem titqajjem kuxjenza fuq l-esperjenzi ta' ħaddiema terzi li jaħdmu f'Malta. Suġġeriment iehor kien dak li persuni minn pajjiżi terzi jibdew jiċċelebraw il-jiem nazzjonali bħall-Indipendenza u r-Repubblika.
Minn l-orizzont