"Biki', 'tgħanniq' u sens ta' għaqda f'Raħal il-Ġdid…..
'Qatt mhu se nerġgħu lura
għall-pika li kienet ħakmitna'
- Il-Kappillan Dun Marc Camilleri
Sa minn kmieni filgħodu, l-arbli fuq il-bjut f'Raħal il-Ġdid kienu armati bil-bnadar li normalment jittellgħu fil-ġranet tal-festa. Diversi twieqi kellhom l-istatwa jew ritratti ta' Kristu Re. Il-quddiesa tad-9.30 ta' filgħodu kienet imballata bin-nies, tant li xi wħud ma sabux post u kellhom jibqgħu fejn il-bieb ta' barra. Fi tmiem il-quddiesa spikkat dikjarazzjoni tal-Kappillan Dun Marc Andre Camilleri, li bikkiet lil xi wħud minn dawk preżenti. Il-kappillan iddikjara li "b'dan il-ftehim qed ngħidu li qatt aktar mhux se nmorru lura għal dik il-firda li kienet ħakmitna. Qed ngħidu li ma rridux li r-raħal tagħna jibqa' mfakkar għallfirda li nibtet fih". Fi tmiem l-iffirmar, fil-knisja ta' Raħal il-Ġdid spikka ċ-ċapċip ta' dawk preżenti, fejn għall-ewwel darba f'ħafna snin seħħ dak li ħafna kien ilhom jixtiequ - tgħannieqa ta' ħbiberija bejn dawk kollha involuti.
Ilbieraħ filgħodu f'Raħal il-Ġdid tista' tgħid li ntemmet għal kollox il-bojkott lejn il-parroċċa minn xi individwi u dan hekk kif intlaħaq ftehim storiku dwar il-festa ta' Kristu Re u l-għaqdiet mużikali fl-istess lokal. Dan sar wara snin sħaħ ta' nuqqas ta' ftehim.
Fl-istess quddiesa kien hemm id-Delegat tal-Arċisqof Mons Frans Abdilla, fejn iddikjara li hu ried li qabel ikun iffirmat il-ftehim ikun ċert li kollox sar kif għandu jkun u li l-Arċisqof Charles J. Scicluna ikun seren. Permezz ta' dan il-ftehim, l-istatwa ta' Kristu Re li kellha l-Banda De Paule se tingħata lill-parroċċa u din se tibda tinħareġ fil-purċissjoni, waqt li l-Għaqda Soċjali Mużikali Kristu Sultan, Banda Paola ngħatat rikonoxximent uffiċjali.
Fi tmiem il-quddiesa il-Kappillan, Dun Marc Andre Camilleri qal li "dan hu pass kbir fi-ħajja tal-parroċċa. Dawk involuti f'dan il-ftehim ma fittxewx l-interessi tagħhom l-ewwel imma poġġew l-interessi tal-parroċċa fl-ewwel post. Ma kienx proċess faċli. Kien proċess li kien jinkludi ħafna tbatija u anke umiljazzjoni. Kien jinvolvi bdil ta' pożizzjonijiet li ttieħdu fil-passat. Issa b'dan il-ftehim, it-tbatija u l-umiljazzjoni se jservu biex napprezzaw aktar dak li ġie miftiehem. Illum grazzi għal dak li sar qed naraw pjazza magħquda".
Il-Kanonku, enfasizza li "ma rridx ngħid li wasalna. Ngħid li flimkien bdejna l-ewwel pass. Nidejna kapitlu ġdid fil-ħajja tal-parroċċa. B'dan il-ftehim qed ngħidu li qatt aktar mhux se nerġgħu nmorru lura għal pika li kienet ħakmitna. Qed ngħidu li le ma rridux li l-festa tibqa' sors ta' inkwiet u tensjoni. Qed ngħidu li ma rridux li r-raħal tagħna jibqa mfakkar għal firda li nibtet fih."
"Se jkun hawn min jgħid li qed noħlom. Jien imma għandi fiduċja fikom" iddikjara il-Kappillan fost iċ-ċapċip ta' dawk preżenti.
Se nibdew ngawdu minn
festa bla tensjoni
Fi kliem uħud minn dawk preżenti lil L-ORIZZONT, dan il-ftehim se jibda paġna ġdida. Anzjan li tkellmet magħna qaltilna li "se nerġgħu naraw u ngawdu festa mingħajr tensjoni. Kont ilni ħafna nitlob fil-kwiet ta' dari biex forsi xi darba jieqfu l-piki. Naf lil ta' naħa u lil oħra. Nies li għandhom għal qalbhom il-festa. Imma kienu nqabdu fil-pika u din affettwat is-serenità tal-festa. Nirringrazzjaw lill-kappillan li issa dan kollu ntemm".
Pawlist iehor qalilna li "l-importanti issa mhux x'kien isir qabel jew x'tensjoni kien hawn. Dak issa għadda. Issa importanti li kulħadd iħares 'l quddiem".
Ritratt Roger Azzopardi
Minn L-ORIZZONT
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home