L-akbar għarqa ta' immigranti fil-Mediterran sena ilu….
'Traġedja li intesiet…..sirna
insensittivi"
Oqbra bla ebda identifikazzjoni. Oqbra li forsi mal-ewwel daqqa t'għajn taħseb li ilhom snin twal ma jintużaw. Fuq in-naħa l-oħra tal-passaġġ tara għadd kbir ta' oqbra bi fjuri u bix-xemgħat. Imma ma' dawn l-oqbra bla identifikazzjoni ma tara xejn. La fjuri u lanqas xemgħat. Faċilment dak li jkun jistaqsi min hemm midfun hemm. Risposta ma tistax tingħata. Min hemm midfun hemm m'hux magħruf. Li nafu fi żgur hu li dawn kienu persuni li kienu qed jaħarbu minn persekuzzjoni u sitwazzjoni diffiċli f'pajjiżhom iżda ma laħqux waslu fl-Ewropa u spiċċaw għerqu. Lanqas sempliċi plakka ma ssib fuq dawn l-oqbra.
Ilbieraħ saret attività fuq dawn l-oqbra minn diversi rappreżentanti ta' għaqdiet non goveranttivi, f'liema attività ġiet imfakkra waħda mill-akbar traġedji fil-Mediterran fejn jirrigwarda l-immigrazzjoni. Sena ilu waqt ċerimonja funebri għal 24 katavru li nġabu Malta wara dik it-traġedja, kienet spikkat l-attendenza tal-politiċi fl-ewwel filliera. Ilbieraħ sena wara, ebda politiku ma kien hemm f'din l-attività.
F'kummenti lil L-ORIZZONT, l-attivist Andre Callus qalilna li "aħna grupp ta' individwi li ħassejna l-importanza li nfakkru it-traġedja li seħħet is-sena li għaddiet li fiha mietu madwar 850 persuna. F'għarqa waħda mietu dawn in-nies kollha li kienu qed ippruvaw jsibu ħajja diċenti, spiċċat intemmet hemm. Forsi għalina diffiċli nikkonċepixxu kif 850 persuna jmutu f'daqqa waħda f'dgħajsa u b'mewta kerha bħal din. Din hi xi ħaġa li qed tiġri l-ħin kollu. Fid-deżert u fil-baħar fl-aħħar snin mietu madwar 20,000 persuna. Din hi traġedja li għaddejja u forsi lanqas nistgħu nikkonċepixxu x'qed jiġri. L-ammont ta' nies li ġew hu messaġġ u turija li l-ħajja tal-persuni kollha hi ugwali. Aħna fil-ħajja tagħna rridu nħossu li kulħadd hu ugwali u mhemmx xi mewt inqas importanti minn oħra. Dan għax aħna kollha umani".
Mistoqsi dwar jekk iħossx li t-traġedja ta' sena ilu diġa intesiet, Andre Callus saħaq li "naħseb intesiet u mhux biss. U dan naħseb għax tant drajna b'nies imutu fiċ-ċentru tal-Mediterran u f'rotot oħra, li issa sirna insensittivi għalihom. Dan mhux għax aħna nies ħżiena imma għax ma nibqgħux naraw bħal xi ħaġa gravi l-mewt ta' dawn il-persuni. Aħna qed ngħidu li le l-mewt tal-persuni hi xi ħaġa gravi speċjalment għax nies għerqu fejn ħafna minnhom kienu għadhom fl-aqwa tal-ħajja tagħhom u dawn kienu qed jagħmlu sforz biex itejbu l-ħajja tagħhom."
Ta' min jgħid li dakinhar li seħħ il-funeral, L-ORIZZONT kien irrapporta dwar messaġġi li ntbagħtu minn ċittadini Maltin. Fost dawk li spikkaw kien hemm il-messaġġ li kien jgħid: 'Għażiż ħija - oħti - Jiddispjaċini li ma wasaltx Malta. Niskuża ruħi li xi wħud min ħuti Maltin donnhomn ħadu pjaċir li ma wasaltx. Niskuża ruħi aktar għax xi wħud ma apprezzawx ħajtek għax int iswed jew sewda. Żgur li mhux i-kaz fejn qiegħed jew qiegħda issa għax il-Mulej iħobbok kif int. Nitolbok iddur lejn il-Ħallieq li issa int qed tara u tgħidlu jgħinna biex inżommu lil ħutek milli jegħrqu".
Fl-attività inġabru fondi biex issir plakka komemorattiva li tfakkar lil dawk midfunin f'din il-partit taċ-ċimiterju.
Ritratt Roger Azzopardi
Minn L-ORIZZONT
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home