Friday, April 22, 2016






Jiddokumenta dak li jiġri fil-Libja u l-vjaġġi tal-immigranti bit-tpinġijiet

Mahmoud ħasad lil kulħadd. Kien f'attività soċjali u f'ħin minnhom meta ngħata karta u lapes, beda jpinġi xena wara oħra. Xeni li jkexkxu. Nies bl-azzarini ppuntati lejn persuni ċivili. Persuni jissieltu għal ħajjithom waqt li qed jegħrqu. Oħrajn mejtin f'wiċċ il-baħar.
Mahmoud ikompli jaħsdek meta tavviċinah  u titkellem miegħu. Ħarab mil-Libja, għax id-dar ta' fejn kien jgħix hu u l-ġenituri kienet attakkata mill-milizzji. Inqerdet kompletament. Kulma kellhom intilef, inkluż il-karozza. Waħda mill-bombi sparati waqgħet ftit passi bogħod minn saqajh. Din ma ħaditx. Hu imma spiċċa midrub sew f'saqajh. Spiċċa ukoll il-ħabs wara li twaqqaf f'check point. Ħallewh jaħrab wara li ħallas lill-gwardji.  Finalment iddeċieda li jaħrab mil-Libja u ġie Malta.
Diffiċli tibqa' tgħix fil-Libja
inewsmalta.com tkellem ma' Mahmoud (qed nibdlu l-isem tiegħu biex nipproteġu l-identità tiegħu). Jgħidilna li "jien ġejt Malta b'ajruplan minn Djerba fit-Tuneżija.   Kont ngħix fi Tripli, b'żona ftit il-barra mill-belt. Kien diffiċli ħafna li tibqa'  tgħix fil-Libja. Il-ħajja fil-belt kienet karatterizzata minn ġlied u tensjoni kontinwa bejn milizzji rivali li qed jikkonktrollaw id-diversi partijiet ta' Tripli. "Qatt ma taf fejn int jew x'se jiġri", iddeskriva s-sitwazzjoni Mahmoud.
"Fi Tripli ma kontx naħdem. Jien kont qed nistudja.  Il-ħolma tiegħi dejjem kienet li nilħaq dentist.  Dħalt l-università għal dan il-għan. Ma kinitx faċli li nmur l-Università għax ridt ngħaddi minn ħafna check points tal-milizzji. Dawn kienu jwaqqfuni  u jistaqsuni jekk jien nagħmilx parti minn xi grupp. Jien kont ngħidilhom li jien Libjan. Kont indur fuqhom u ngħidilhom Libjan bħalkom.  B'xi mod jew ieħor kont nitħalla ngħaddi. Biss darba minnhom arrestawni u tefgħuni l-ħabs.  Wara ftit kien irnexxieli naħrab mill-ħabs".
Nistaqsuh kif taħrab minn ħabs fil-Libja u hu jgħidilna li "qraba tiegħi ġabuli l-flus u ħallast biex noħroġ minn hemm. Kien iz-ziju li ġab il-flus u dawn ingħataw lill-gwardjani. Dawn imbagħad ħallewli l-bibien miftuħin biex inkun nista' naħrab."
"Tripli sa ftit ġimgħat ilu kienet għadha qisha fi gwerra. Ġlied u tensjoni.  Ftit qabel tlaqt mil-Libja ġiet milizzja partikolari fiż-żona fejn ngħixu aħna u bdew jisparaw fuq id-djar.  Bl-azzarini u anke grenades tefgħu.  Id-dar tagħna u kull ma kien fiha inqerdet kompletament.  Anki l-karozza tiegħi sparawlha u spiċċat maħruqa. Bqajna ngħixu fi gwerra. F'dan l-attakk intlaqatt sew f'saqajja. Kont fortunat li grenade waqa' ħdejja imma ma ħax. Quddiem dan iddeċidejt li naħrab mil-Libja". 
Ikel u ilma mhux problema fil-Libja
Mistoqsi dwar provvisti ta' ikel u ilma fil-Libja, hu qalilna li "problemi ta' ikel u ilma ma kienx hemm. Il-problemi li hemm huma minħabba l-ġlied u l-inċertezza. Ma tafx fejn inti. Filli tkun ġurnata kwieta, filli ssib ruħek f'żona bi ġlied. Kemm se ddum tgħix f'sitwazzjoni simili?  Hemm ħajtek fin-nofs.  Il-Libja ma baqgħetx post sigur."
Iddokumenta vjaġġi ta'  immigranti bi tpinġijiet
Waqt li qed nitkellmu ma' Mahmoud, jurina għadd ta' tpinġijiet li għamel. Dawn jiddokumentaw dak li hu ra b'għajnejh fejn jirrigwarda immigranti li hemm fil-Libja. Bit-tpinġijiet jiddokumenta ukoll dak li kien jara fil-Libja. Suldati u nies oħra b'azzarini f'idejhom jippuntaw lejn persuni oħra. Immigranti f'dgħajjes.  Immigranti qed jegħrqu f'nofs ta' baħar.
"Fi Tripli kont nara ħafna persuni Afrikani. Tarahom sejrin għax-xogħol. L-akbar ammont minnhom rajthom f'Zuwara.  Hemm hekk hu l-post li minnu jitilqu ħafna immigranti fil-vjaġġ lejn l-Ewropa. Jinżammu f'postijiet hemm. Jien rajthom fil-vjaġġ tiegħi lejn it-Tuneżija. It-triq li minn Tripli tieħu lejn it-Tuneżija hi perikoluża bħalissa minħabba l-milizzji. Għamiltha f'fażijiet u kona nieqaf f'diversi postijiet u noqgħod għand xi ħbieb."
Nistaqsuh jekk għamilx tentattiv biex jiġi lejn Malta bid-dgħajsa bħall-Afrikani u hu jirrispondi li "qatt ma kelli interess niġi bid-dgħajsa. Naf kemm hi perikoluża u kemm mietu nies. Il-Libjani li jkunu qed ifittxu li jitilqu mil-Libja ma naħsibx li se jagħmlu dan bid-dgħajjes. Naħseb li se jippreferu l-ajruplan. Il-Libjani, bħala riżorsi finanzjarji naħseb li huma ħafna aħjar mill-persuni Afrikani li hemm fil-Libja".
Nistaqsuh dwar il-Libja u jgħidilna li "kif inhuma l-affarijiet illum ma rridx inmur lejn il-Libja. Inħossni tajjeb hawn Malta. Inħossni qisni wieħed Malti. Naf il-lingwa għax hi simili. Malta hi pajjiżi. Ma neskludix imma li jekk fil-Libja l-affarijiet jitranġaw nerġa' nmur". 
Dawn it-tpinġijiet saru waqt il-proġett 'Explorers', proġett li qed jitmexxa f'Malta  u li qed jitratta aspetti fundamentali tal-integrazzjoni permezz ta' arti interattiva u workshops interkulturali.  Dan il-proġett hu ta' Migrant Women Association Malta immexxi minn Moira Agius b'kollaborazzjoni ma' African Media Association, Spazju Kreattiv, Arts Council  Creative Communities, HSBC Water Programme, u Friends of the Earth. 
Minn inewsmalta.com

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home