Ħolmu li jibdew familja fl-Ewropa...jegħrqu flimkien mat-tarbija fil-ġuf
Kienu ilhom seba' xhur biss miżżewġin. Persuni Somali minn Burao fit-Tramuntana tas-Somalja imma kien jgħixu u jaħdmu fl-Għarabja Sawdija. Irritornaw lura fis-Somalja. B'nuqqas ta' opportunitajiet u b'ħajja diffiċli fis-Somalja, ħolmu bħal ħafna żgħażagħ oħra li jibdew ħajja ġdida fl-Ewropa. Telqu mis-Somalja fi vjaġġ twil, li ħadhom l-Etjopja, is-Sudan u wara l-Eġittu. Vjaġġ iebes imma kellhom l-aħbar tajba li daqt kienu se jsiru familja. Kawsar, kienet tqila. Ahmed, ir-raġel tagħha kellu 23 sena. Mill-Eġittu marru l-Libja fejn qabdu dgħajsa lejn l-Italja. Il-vjaġġ spiċċa fi traġedja. Kawsal, it-tarbija fil-ġuf u Ahmed temmew il-ħolma li ma ssarrfitx f'qiegħ il-Mediterran.
Intant diversi persuni Somali inkluż f'Malta bdew ixandru ritratti ta'
xi wħud minn dawk li għerqu fl-aħħar traġedja. B'kollox mietu madwar
500 immigrant. Salvaw biss 41, 37 irġiel, 3 nisa u tifel ta' tlett snin.
Mir-ritratti jidher biċ-ċar li ħafna minn dawk abbord kien żgħażagħ
Somali. "Ħafna darabi id-dgħajjes nassoċċjawhom ma' stejjer ta' mħabba.
Sfortunatament ma' jkunx hemm stejjer ta' mħabba fuq id-dgħajjes meta
fuqhom ikun hemm persuni Somali qed ifittxu ħajja ġdida fl-Ewropa",
qalilna Somalu residenti f'Malta.
B'ħafna Somali jiddeskrivu din it-traġedja bħala 'ġurnata sewda', ħafna
huma dawk li qed jargumentaw li sakemm is-sitwazzjoni kaotika
fis-Somalja tibqa' tipprevali, ix-xejra se tibqa' dik li żgħażagħ Somali
jitilqu mis-Somalja lejn l-Ewropa. Tikkummenta b'mod ċar dwar dan Sagal
Ashour, psikologa, li tgħid li 'dan se jibqa' jiġri sakemm ma noħolqux
mekkaniżmu biex jinħoloq ix-xogħol għaż-żgħażagħ".
B'din it-traġedja, ir-rotta ta' immigrazzjoni fiċ-ċentru
tal-Mediterran, jiġifieri mil-Libja lejn l-Italja reġgħet ġiet l-aktar
waħda li fiha isiru għarqiet. Mill-bidu tas-sena sa issa miet 851
immigrant, waqt li fuq ir-rotta mit-Turkija lejn il-Greċja daħlu 154,053
persuna u mietu 376 persuna. Dan ifisser li matul din is-sena
fir-rotta ċentrali fil-Mediterran għal kull 30 immigrant li jaqsam lejn
l-Ewropa wieħed minnhom imut mgħarraq. Fir-rotta lejn il-Greċja, minn
kull 410 immigrant li jagħmlu l-vjaġġ, ikun hemm mewt waħda.
Fl-aħħar jiem għadd ta' uffiċjali ta' għaqdiet u organizazzjonijiet
umanitarji tkellmu mal-immigranti salvati minn din it-traġedja. Dawn
bħalissa jinsabu f'Kalamata fil-Greċja. Mid-dettalji li ngħataw, jidher
li telqu għadd ta' dgħajjes żgħar minn Tobruk fil-Libja. Kull dgħajsa
kienet qed iġġorr bejn 30 u 40 immigrant. Dawn b'kollox kienu madwar 200
immigrant u kienu se jittellgħu fuq dgħajsa akbar. Biss meta waslu qrib
id-dgħajsa dawk abbord id-dgħajjes żgħar raw lid-dgħajsa l-kbira kienet
diġa mimlija ħafna bl-immigranti fejn kien hemm madwar 300 persuna. Kif
l-immigranti bdew jittellgħu, id-dgħajsa bdiet tagħmel l-ilma u xi wħud
qabżu l-baħar biex jitilgħu fuq id-dgħajjes żgħar. Dawk li salvaw
irrakkontaw kif dawk abbord id-dgħajsa l-kbira għerqu. Tletin persuna li
baqgħu abbord dgħajsa żgħira u 10 persuni oħra li għamlu lejha, salvaw.
L-immigranti rrakkontaw kif il-ħlas għall-vjaġġ kien ivarja bejn $800 u
$2,000.
Intant il-Ministru għall-Intern, Carmelo Abela esprima x-xokk u
d-dwejjaq tiegħu dwar din it-traġedja. Abela qal li "din it-traġedja hi
tebgħa oħra orribbli fuq il-kuxjenza kollettiva tal-Ewropa." Hu żied
jgħid li l-aħħar traġedja saħħet l-appelli ripetuti ta' Malta għal aktar
azzjoni konkreta tal-Unjoni Ewropea u internazzjonali fil-Mediterran.
minn inewsmalta.com
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home