‘Taħseb li jien
nieħu gost naqra?’
....kontroversja
ġdida fil-Parlament
Tweġibiet
Parlamentari pjuttost twal mogħtija mill-Ministru tal-Affarijiet Barranin
George Vella, ħolqu kontroversja ġdida fil-Parlament bejn l-Oppożizzjoni u
membri tal-Gvern, liema kwistjoni finalment ġiet riżolta wara intervent
tal-Prim Ministru Joseph Muscat. Il-kwistjoni bdiet meta l-Whip tal-Partit
Nazzjonalista David Agius talab li t-tweġbiet ma jinqrawx u minflok jittieħdu
bħala moqrijin u b’hekk jinqraw it-tweġibiet li jsegwu wara dawn
il-mistoqsijiet. Il-Ministru Joe Mizzi, li kien qed jaqra it-tweġibiet f’isem il-Ministru George
Vella peress li dan jinsab imsiefer Londra, qal li l-proċedura hi li dawn
jinqraw. L-Ispeaker Anġlu Farrugia ikkonferma dan u qal li kull tweġiba trid
tinqara’.
Kien f’dan
il-mument li intervjena l-Kap
tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil u qal li la tweġibiet huma twal u l-Ministru
konċernat mhux preżenti, dawn jistgħu jittieħdu bħala moqrija. Minn naħa tiegħu l-Ministru Joe Mizzi wieġbu
li ‘taħseb li jien nieħu gost naqra?’. Hu rrimarka imma li dik hi l-proċedura.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni wieġeb lura u qal li ‘l-Ministru għat-Trasport lanqas
fuq it-trasport ma jwieġeb aħseb u ara kemm se jwieġeb fuq l-affarijiet
barranin’. Hawn intervjena l-Ministru
Mizzi u qal li ‘din gidba għax jien dejjem inwieġeb il-mistoqsijiet’.
Il-Kap
tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil qal li dak li qed tipproponi l-Oppożizzjoni hu
li l-ħin allokat għall-mistoqsijiet jintuża kif suppost. F’dan il-mument qam
il-Prim Ministru Joseph Muscat u qal li hu qed jifhem is-sens li bih qed
jitkellem il-Kap tal-Oppożizzjoni u dak li qed jgħid il-Ministru Mizzi. Qal li
hu m’għandux problema li l-mistoqsijiet jittieħdu bħala moqrija imma dak li ma
jridx hu li jinħoloq preċedent u f’seduta oħra fil-futur iqum xi ħadd u jgħid
li għandhom jinqabżu l-ewwel erba’ jew ħames tweġibiet Parlamentari. Finalment
it-tweġibiet li nqalgħet kwistjoni dwarhom ittieħdu bħala moqrija.
minn inewsmalta.com
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home