Wednesday, April 20, 2016

It-traċċi fl-ajru - fenomenu ta' mistoqsijiet fost il-poplu

Nhar is-Sibt li għadda kif ġara drabi oħra fil-passat is-sema kienet miksija traċċi  li jiġu kkawżati minn fwar tal-magni tal-ajruplani. L-ammont ta' traċċi li ffurmaw is-Sibt li għadda ħolqu diskussjoni fost sezzjonijiet sħaħ ta' nies. It-teoriji u l-ispekulazzjonijiet ma jonqsux fejn ħafna jargumentaw u jispekulaw jekk dawn is-sinjali hix kimika li qed tintefa' minn ajruplani. Mill-banda l-oħra esperti fl-avjazzjoni jirreferu għal dawn it-traċċi u jagħtu spjegazzjoni xjentifika għalihom. Jargumentaw li dawn it-traċċi huma fwar li joħroġ mill-magni tal-ajruplani u li jispiċċa f'dawk it-traċċi minħabba kundizzjonijiet tat-temp. F'Malta kemm il-darba kien hawn min esprima tħassib dwarhom u kien hawn anke għaqdiet li talbu l-Gvern jinvestiga. inewsmalta.com talab lid-Dipartiment tal-Avjazzjoni Ċivili jikkummenta dwar dan u jagħti spjegazzjoni iżda sakemm morna għall-istampa din kienet għadha ma saritx.
Fl-aħħar jiem għand inewsmalta waslu għadd kbir ta' ilmenti minn nies dwar dawn it-traċċi, fejn fil-parti l-kbira minnhom kienu qed jilmentaw kif l-awtoritajiet responsabbli ma jispjegawx u ma jinfurmawx dwarhom.
"Tara dawk is-sinjali f'sema ċara. Imbagħad sa filgħaxija is-sema ssir kollha sħab. Mhux qed ngħid li s-sħab ifforma minn dawn it-traċċi, imma naħseb li xi ħadd għandu jispjega", qalilna Xlukkajr.
Persuna oħra qaltilna li "naf li l-ajruplani jgħaddu minn toroq partikolari fl-ajru. Li jkun hemm sinali fl-istess direzzjoni lanqas iħassbuni xejn. Imma t-traċċi tas-Sibt kienu f'direzzjonijiet diversi. Din tħassibni. Wasal iż-żmien li xi ħadd iserrħilna rasna".
Irid jingħad li esperti fil-qasam jgħidulek meta tistaqsihom dwar dawn it-traċċi li l-linja ta' sħab li jħallu warajhom hija riżultat tad-differenza fit-temperatura meta l-gassijiet mill-magni tal-ajruplani joħorġu fl-atmosfera kiesħa u jifforma linja li jidher qisu sħab. Dan huwa magħmul minn ilma u mhuwiex ta' detriment għat-tniggiż tal-arja.
Espert fl-avjazzjoni qalilna li "ma jagħmilx sens li wieħed jargumenta li dawk it-traċċi huma kimika li qed tintefa' mill-ajruplani. Hemm min isejħilhom 'chemtrails' u dawn huma argumenti bla bażi. Naħseb imma li wasal iż-żmien li l-awtoritajiet konċernati  jikkjarifikjaw. Għandek nies li qed jgħidu li effett ta' dawn it-traċċi hu li l-isptarijiet mimlijin bil-pazjenti. Dawn argumenti bla bażi għalhekk l-ispjegazzjonijiet huma meħtieġa biex il-poplu jkun infurmat".
F'Ċipru ftit jiem ilu kienet qamet polemika u dan minħabba rapporti li l-Gvern Ċiprijott kien qed jallega tbagħbis mat-temp mill-qawwa militari Ingliża.  Dwar dak allegat f'Ċipru, inewsmalta kien tkellem mas-Segretarjat Parlamentari għall-Agrikoltura, fejn dan iddeskriva l-mistoqsijiet dwar bagħbis fit-temp bħala 'ipotetiċi'.
Mario Salerno mill-Moviment Organiku f'Malta (MOAM), kien qal li dwar dak allegat miċ-Ċiprijotti, "jien kieku ninvestiga u nitlob sodisfazzjon jekk xi qawwa militari tbagħbas mat-temp biex ma jkollnix xita.  Investigazzjoni tagħlaq jew tiftaħ il-ħluq . Iċ-Ċiprijotti mhux ċwieċ. Imma investigazzjoni biss tiverifika fatti veritieri."
 
Ritratti: Ian Noel Pace
minn inewsmalta.com

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home