Il-Parlament
b'fiduċja fil-Gvern
F'dibattitu li ħa xejn inqas minn 13-il siegħa u li kien wieħed ċivili għall-aħħar, l-Oppożizzjoni tilfet il-vot fuq mozzjoni li ressqet b'38 vot kontra u 31 favur. Il-mozzjoni kienet qed titlob sfiduċja fil-Gvern. Emenda li ressaq il-Gvern għaddiet bl-istess ammont ta' voti, liema vot intalqa' b'ċapċip u tisbit minn membri tan-naħa tal-Gvern. Lejn l-aħħar tad-dibattitu, il-gallarija tal-Parlament imtliet bin-nies isegwu d-dibattitu. Fid-dibattitu kien hemm żvolta ġdida u dan hekk kif id-Deputata Indipendenti Marlene Farrugia ħabbret li kienet se tressaq mozzjoni ta' sfiduċja fil-Ministru Konrad Mizzi u dan biex fi kliemha stess jitnaddaf il-Gvern Laburista. Spikka mument fl-intervent tal-Prim Ministru Joseph Muscat fejn dan b'subgħajh ippuntat lejn il-Kap tal-Oppożizzjoni u b'ħarsa fissa lejh, qallu għal tliet darbiet wara xulxin li 'min ma jiġġilidx il-korruzzjoni hu korrott hu ukoll". Hu qall dan waqt li fakkru f'każijiet tal-Gvern preċedenti li dwarhom Busuttil ma esprimiex ruħu.
Il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni ma tressqitx mill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil imma tressqet mill-Viċi Kap Mario Demarco. Fetaħ id-dibattitu fuqha Beppe Fenech Adami u fl-intervent ta' warajh, tkellem il-Ministru għall-Ġustizzja, Owen Bonniċi fejn dan ressaq emenda għall-mozzjoni tal-Oppożizzjoni. L-emenda rrimarkat ix-xogħol li wettaq il-Gvern u r-riżultati li inkisbu u talbet lill-Parlament jiddikjara li għandu fiduċja fil-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Gvern li qed imexxi." Fil-vot, wieħed seta' jammira lid-Deputat Laburista Silvio Schembri li minkejja li ma kienx jiflaħ u ma setax jitkellem, attenda tard filgħaxija biex jivvota favur il-Gvern.
Fid-dibattitu kien hemm interventi li spikkaw u punt li kien komuni fuq għadd ta' interventi taż-żewġ naħat kien dak li l-kwistjoni tal-Panama Papers għamlet ħsara lil pajjiżna.
Spikka l-intervent tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin, George Vella li ddikjara li fil-każ tal-Panama seta' kien hemm aktar korrettezza minn xi wħud. Is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes iddeskriva l-każ Panama u l-kont tal-Ministru Mizzi bħala 'li jista' jkun li kont fil-Panama kienet inġenwinità politika". Spikka ukoll intervent tad-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech, li ddeskriva għal ċertu dibattiti politiċi bħala pwerili u banali u enfasizza li ma jemminx fl-isteriżmu. Hu appella lill-Gvern biex jagħmel l-ewwel pass u jippubblika kuntratti li baqgħu sigrieti.
B'mod ġenerali għadd kbir ta' Deputati għan-naħa tal-Gvern ibbażaw l-argumenti tagħhom fuq ix-xogħol tal-Gvern, ir-riżultati li nkisbu u dak li għandu ippjanat għas-sentejn li ġejjin. Ma naqsux interventi li semmew li fuq il-każ tal-Panama hemm biss suspetti.
Minn naħa tad-Deputati tal-Oppożizzjoni l-argumenti żvolġew fuq il-kontroversji li nqalgħu fl-aħħar xhur fosthom dak tal-Australia Hall, il-każ Gaffarena u l-kwistjoni marbuta ma' Keith Schembri u l-Ministru Mizzi dwar il-Panama Papers.
Il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni kienet tgħid li "l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil jipproponi: li l-Gvern bħalissa jinsab maqbud fi kriżi ta' korruzjoni li issa saret ukoll kriżi politika. Din il-kriżi qed tagħmel ħsara kbira lil isem pajjiżna u lill-ekonomija, b'mod partikolari s-settur tas-servizzi finanzjarji. Il-pajjiż ma jistax jibqa' f'din is-sitwazzjoni ta' inċertezza kbira. Hu fl-interess nazzjonali li l-pajjiż ma jibqax immexxi minn Gvern maqbud fi kriżi ta' korruzzjoni. Hu fl-interess nazzjonali li l-poplu Malti u Għawdxi jirbaħ lura l-istabbilità. Għaldaqstant din il-Kamra tirrisolvi li m'għandhix fiduċja fil-Gvern tal-Prim Ministru Joseph Muscat. Tirriżolvi li din id-deċiżjoni tkun komunikata lill President ta' Malta."
Intant l-emenda li tressqet mill-Ministru Owen Bonniċi tgħid li l-Gvern rebaħ mandat bl-akbar maġġoranza ta’ voti mill-Indipendenza lil hawn. Illi dan il-mandat għandu jitwettaq f’ġieh l-għażla demokratika tal-poplu Malti u Għawdxi. Tgħid ukoll li pajjiżna għandu l-aqwa tkabbir ekonomiku fl-Ewropa, b’rata rekord ta’ 6.3%, qgħad li huwa fl-inqas livelli fl-istorja riċenti ta’ pajjiżna u jinsab taħt il-5%, tnaqqis fil-faqar u dan skont l-aħħar statistika tal-Eurostat, pensjonijiet li qed jogħlew, stipendji li qed ikomplu jogħlew u tnaqqis fid-dipendenza fuq il-benefiċċji soċjali. L-emenda tgħid ukoll li "dan hu pajjiż immexxi minn Gvern li rnexxielu jġib tkabbir ekonomiku u xogħol f'Għawdex b'rata ferm akbar mis-snin l-imgħoddija, Li l-qasam tal-enerġija ra fih traħħis fil-kontijiet u dawwarna l-Enemalta minn kumpanija falluta għal waħda li tinvesti u li rreġistra rekord wara l-ieħor fil-qasam tat-turiżmu. L-emenda tgħid ukoll li dan hu gvern li rriforma mill-qiegħ il-qasam tas-saħħa b'investiment ġdid filwaqt li naqqas l-listi ta’ stennija fl-isptarijiet. Dan fl-istess nifs li ġab fix-xejn il-mediċini out-of-stock, ta dinjita lill-persuni b'diżabilita’ permezz ta’ access bla preċedent għad-dinja tax-xogħol flimkien mat-twaqqif ta’ djar residenzjali fil-komunita’ u liġijiet li jgħinu l-integrazzjoni fil-prattika. Tgħid ukoll li dan attira investimenti rekord fil-qasam tal-edukazzjoni terzjarja u s-saħħa fost l-oħrajn, irnexxielu juża rekord ta’ fondi Ewropej u qed jirriforma b'riżultati ċari l-qasam tal-ġustizzja b’xogħol li ġie mfaħħar anke mill-Kummissjoni Ewropea. Tgħid ukoll li daħħal fis-seħħ il-liġi tal-finanzjament tal-partiti, neħħa l-preskrizzjoni fuq il-politiċi korrotti u daħħal l-liġi tal-whistleblower u li fi żmien ftit ġimgħat oħra se jkun qed idaħħal iktar riformi għal iktar kontabilita' u trasparenza. Tgħid ukoll Li tejjeb u fadal fejn itejjeb il-qasam tat-trasport pubbliku, qed iwettaq revoluzzjoni fil-qasam tal-libertajiet ċivili, fl-edukazzjoni qed iwettaq riformi kbar flimkien ma' titjib fir-riżorsi u fil-kundizzjonijiet tal-għalliema u li ħadem biex inaqqas il-problema tal-immigrazzjoni li għadha reali u li dwarha jeħtieġ inżommu attenzjoni u pressjoni fuq l-Unjoni Ewropea. L-emenda tgħid li din il-Kamra tifhem li soċjeta’ fi kriżi ta’ korruzzjoni ma jkollhiex dawn it-tip ta’ suċċessi. Pajjiż fi kriżi politika ma jibqax jara l-ogħla rati ta’ tkabbir ekonomiku u tnaqqis fil-faqar. Madankollu l-Gvern jifhem li hemm nuqqasijiet li jeħtieġ li jiġu indirizzati mingħajr suppervja għax dan huwa Gvern li jisma’. Għaldaqstant din il-Kamra tiddikjara li għandha fiduċja sħiħa fil-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Gvern li qed imexxi."
minn L-ORIZZONT
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home