Ian Borg ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-kontijiet kollha tax-xogħol li sar f'daru
Hekk kif fl-aħħar jiem smajna ħafna argumenti dwar il-korrettezza politika u x’passi hemm bżonn jittieħdu f’pajjiżna f’dan ir-rigward, fil-Parlament illejla seħħet xi ħaġa li rari ħafna ssir, jekk qatt saret. Dan hekk kif is-Segretarju Parlamentari Ian Borg minn jeddu poġġa l-kontijiet kollha tax-xogħol fid-dar li hu qed jirranġa biex imur jgħix fiha fl-inħawi ta’ Santa Katerina fir-Rabat, Malta. Fis-seduta Parlamentari al-lejla, eżatt wara l-ħin tal-mistoqsijiet, Ian Borg talab biex jagħmel dikjarazzjoni u kien hawn li hu poġġa l-kontijiet rigward twaqqigħ u xogħlijiet oħra fid-dar tiegħu.Qal li , "Naħseb li hekk għandu jkun u qed inpoġġihom. Ħadt self fis-16 ta’ Mejju ta’ €200,000 biex xtrajt id-dar."
Wara li temm id-dikjarazzjoni, id-Deputat Nazzjonalista George Pullicino staqsa jekk it-tarmak fit-triq tħallasx minnu jew mill-familja tiegħu. Is-Segretarju Parlamentari Ian Borg wieġbu li t-triq hi pubblika u ħadd ma jħallas għal tarmak fi triq pubblika. "Sa fejn naf jien ix-xogħol sar mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma wara xogħlijiet konnessi mad-drenaġġ. Nispera li ma tippretendix li nitfa’ d-drenaġġ fit-triq. Se jgawdu tliet mitt familja minn dawn ix-xogħlijiet, inkuż jien."
Id-Deputat Pullicino talbu jispjega għalfejn sal-lum it-tarmak ingħata biss sal-parti tad-dar tiegħu u meta hu maħsub li titkompla l-parti l-oħra tat-triq.
Ian Borg wieġeb li, "M’intix korrett sa barra, għax sa parti mid-dar tiegħi ma wasalx it-tarmak quddiemha. Kien hemm żewġ kuntratti; wieħed ingħalaq u l-kuntrattur l-ieħor għadu ma bediex minħabba testijiet."
Sfida għal Busuttil, DeMarco u Fenech Adami
Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li llejla s-Segretarju Parlamentari Ian Borg intalab minn The Times of Malta biex jippubblika kuntratti li kellu ma’ kuntratturi li kienu qed jagħmlu xogħlijiet privati fuq id-dar tiegħu u Dr Borg għamel hekk.
Mario DeMarco issa għandu jippubblika l-kuntratt ta’ xogħlijiet li għamel fuq id-dar tiegħu ma’ kuntrattur fl-2011, u anke l-irċevuti tax-xogħlijiet kollha li saru mal-kuntratturi privati kollha li ħadmulu fuq id-dar tiegħu.
Erba’ ġimgħat ilu anke Beppe Fenech Adami ntalab jippubblika rċevuti tax-xogħolijiet fuq l-estensjoni tad-dar tiegħu. Qatt m’għamel hekk. Dik hi t-trasparenza ta’ Simon Busuttil u l-Viċi Kapijiet tiegħu, qal il-PL.
minn inewsmalta.com
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home