Friday, April 22, 2016

'Bidla f'Malta fil-kaċċa llegali'…rebħa għall-kaċċaturi fl-Ewropa

Filmati ta' tajr tal-priża jtir qalb il-kaċċaturi li kienu għal kaċċa tal-gamiem u li baqa' sejjer fi triqtu, flimkien ma' testimonjanzi minn għadd ta' persuni barranin fosthom membri tal-CABS u osservaturi oħra tal-kaċċa fir-rebbiegħa,  huma kollha xhieda ta' bidla kbira li seħħet fejn tirrigwarda l-kaċċa illegali. Osservaturi tal-passa fir-rebbiegħa fosthom Natalino Fenech jiddikjaraw li "din hi t-triq 'l quddiem'. Il-CABS, qalu li kien hemm bidla kbira f'Malta, waqt li s-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes meta mitlub jikkummenta minn inewsmalta.com qal li l-multi u r-regolamenti li daħħal il-Gvern wasslu biex naqset il-kaċċa illegali.  Quddiem dan iżda l-Birdlife kienet dik li kkuntrastat bil-kbir u dan meta ħarġet stqarrija titlob li jingħalaq l-istaġun minħabba dik li hi qalet li hi kaċċa illegali. Ta' min jgħid li l-kaċċaturi kemm f'Malta u anke dawk Ewropej għadhom kemm għamlu rebħa fil-Parlament Ewropew.  
Il-Committee Against Bird Slaughter (CABS), wara li l-ġimgħa li għaddiet esprimew ruħhom dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa f'Malta u qal li kien hemm titjib fejn tidħol il-kaċċa illegali, lbieraħ huma f'messaġġ li ħarġu iddikjaraw li "kollox inbidel f'Malta. Għalkemm fadal xi jsir fuq offiżi marbutin ma' kaċċa f'Malta, ma nistgħux niċħdu l-fatt li kien hemm titjib sinifikanti fejn tidħol il-kaċċa illegali. Il-lejl li għadda u dalgħodu stajna, membri tal-CABS f'Malta setgħu josservaw għasafar protetti ipassi bla xkiel ta' xejn lejn l-Italja. Żgur li ma konniex nimmaġinaw din is-sitwazzjoni disa' snin ilu meta bdejna niġu Malta nosservaw il-kaċċa fir-rebbiegħa".
Din l-aħbar intlaqgħet b'mod pożittiv minn kaċċaturi u anke persuni oħra li qed isegwu l-passa fir-rebbiegħa. Ma kienux biss il-CABS li kkummentaw b'mod pożittiv bil-mod kif miexja l-kaċċa fir-rebbiegħa u dan għax barranin oħra li kien hawn f'pajjiżna u osservaturi oħrajn tal-passa ukoll esprimew is-sodisfazzjon tagħhom.
Intant il-kaċċaturi fl-Ewropa għamlu rebħa fil-Parlament Ewropew u dan hekk kif dawk ta' kontra l-kaċċa kienu għaddejjin bi sforzi biex membri Parlamentari jiffirmaw dikjarazzjoni biex ikunu ristretti l-importazzjoni ta' tajr u annimali li jkunu nqabdu minn kaċċa lejn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Din id-dikjarazzjoni nkitbet f'Jannar li għadda. Din iżda ffirmawha biss 135 membru Parlamentari u għalhekk kienet ferm u ferm inqas mit-377 firma li kellhom bżonn.Is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes, f'kummenti lil inewsmalta.com qal li "dak li qalu l-CABS jikkonferma dak li konna qegħdin ngħidu. Il-multi u r-regolamenti li daħħalna taw il-frott u naqset il-kaċċa illegali. Dan hu frott ta' ħidma li saret u kollaborazzjoni minn għaqdiet u organizazzjonijiet fosthom dawk tal-kaċċaturi." Hu qal ukoll li l-Kap tal-Wildlife Regulations Unit ġie mfaħħar għax-xogħol tiegħu f'konferenza fl-Albanija.
Minn naħa tiegħu, Natalino Fenech, li  jsegwi l-passes tal-għasafar f'Malta iddikjara li "dawn il-jumejn kelli grupp ta' studjużi tal-għasafar mill Ewropa u ħadthom żewġ postijiet: ix-Xagħra l-Ħamra u l-inhawi ta' Ħaġar Qim. Smajna ftit tiri u l-barranin għall-ewwel kienu mħassbin imma x'ħin raw il-Bgħadan għaddej u l-kaċċaturi jħarsu indunaw li ħafna minn dak li jingħad illum mhux minnu. Tkellimna ma' għadd ta' kaċċaturi oħra u ħadt gost bil-mod kif tkellmu, u iktar għall-mod kif ġabu ruħhom tant li l-barranin telqu b'opinjoni differenti milli ġew biha. Din hi t-triq il-quddiem."
 
Ritratt: Arkivji - Ian Noel Pace

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home