Thursday, May 5, 2016

Ma nqabditx il-kwota tal-gamiem u s-summien

Hekk kif il-kaċċaturi fl-aħħar jiem kienu qed jiddeskrivu dan l-istaġun bħala wieħed batut ħafna fejn tidħol il-passa tal-gamiem u s-summien, inewsmalta.com hi infurmata li l-kwota kemm tal-gamiem kif ukoll tas-summien ma nqabditx. Is-Segretarjat Parlamentari għall-Biedja, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali ikkonferma dan. Is-Segretarjat Parlamentari qalilna li, "Kif indikat mill-għaqdiet tal-kaċċaturi, l-istaġun kien fqir immens. Il-kwota nazzjonali għaż-żewġ speċi ma ntlaħqitx. It-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi, qiegħda fil-preżent tanalizza l-informazzjoni tar-rappurtaġġ tal-kaċċaturi, kif ukoll informazzjoni xjentifika miġbura mill-istudju tal-passa tal-gamiem u summien fir-rebbiegħa. Dan se jkun pubblikat fi statistika dettaljata fil-ġimghat li ġejjin."
Intant fl-aħħar xhur smajna ħafna fuq kif il-gamiem issa qed titqies bħala għasfur vulnerabbli. Imma mhux kulħadd għandu l-istess opinjoni. Jeremy Portelli, kaċċatur li fl-aħħar ġimgħat kien il-Libja, f'kummenti lil inewsmalta.com spjega kif waqt li f'Malta kien hawn passa fqira ħafna, fil-Libja ra ħafna gamiem.
Enfasizza li, "Għalkemm minħabba l-gwerra u sparar fil-Libja, ħafna Libjani qed isostnu li bosta gamiem telqu lejn l-Eġittu u t-Tuneżija, xorta waħda rajt passa qawwija ta' gamiem. Din il-passa f'Malta lanqas biss waslet. Dan qed juri li Malta mhix it-triq tal-gamiema. Il-ftit gamiem li qed jasal ikun żgiċċa minn qatet waqt il-passa. Jidher ukoll li minħabba tibdil fil-klima, il-gamiem qed jiġi f'Mejju.”
Irid jingħad li waqt li qed tkompli l-pressjoni biex ma ssirx kaċċa għal 5,000 gamiema f'Malta, l-Unjoni Ewropea għadha kif ħabbret iċ-ċifri ta' qbid ta' gamiem f'pajjiżi Ewropej fil-ħarifa. B'kollox inqabdu madwar 3 miljun gamiema. Fost dawk li l-aktar li jispikkaw hemm il-Greċja bi qbid ta' bejn 300,000 u 600,000 gamiema, il-Portugall b'190,000 gamiema, Spanja b'1.2 miljun gamiema u l-Italja b'200,000 gamiema.

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home