$100 miljun investiment u 300 impjieg ġdid
Eżattament fit-52 anniversarju mindu Malta saret Indipendenti, tħabbar investiment dirett barrani sostanzjali f'pajjiżna.- Kumpanija ewlenija fil-qasam internazzjonali fl-istampar tal-flus, se tkun qed tinvesti $100 miljun f'fabbrika ġdida f'Malta.
B'kollox din se tkun qed toħloq 200 impjieg ġdid u dawn jitilgħu għal madwar 300 fi żmien tliet snin. Il-kumpanija hi Crane Currency Ltd, kumpanija ewlenija internazzjonali fil-qasam tal-istampar tal-flus.
L-ikbar klijent tagħha hu l-Gvern tal-Istati Uniti. Dan hu l-ikbar investiment f'Malta li sar mis-sena 1981 'l hawn, meta dakinhar f'pajjiżna kienet ġiet il-fabbrika SGS Ates. Il-fabbrika se tkun qed topera f'Ħal Far u filfatt diġa qed tinbena l-fabbrika. Din se tkun b'kobor ta' 20,000 metru kwadru.
Waqt li ġie ffirmat il-ftehim f'Boston l-Istati Uniti, il-Prim Ministru Joseph Muscat irringrazzja lil dawk li ħadmu biex inġieb dan l-investiment lejn pajjiżna, fosthom lill-General Workers' Union u lis-Segretarju Ġenerali tagħha Josef Bugeja.
Il-Prim Ministru qal li "dak li qed inħabbru llum hu suċċess sinifikanti għal pajjiżna. Il-kumpanija Crane, hi kumpanija rinomata fl-Istati Uniti u se tkun qed toħloq 200 impjieg produttiv. Dawn huma xogħlijiet ta' kwalità li aktarx jiżdiedu għal 300 impjieg."
Il-Prim Ministru spjega li biex wieħed jara kemm hu sinifikanti dan l-investiment fil-manifattura, biżżejjed wieħed jara li l-aħħar darba li pajjiżna irnexxielu jattira investiment bħal dan kien fis-sena 1981.
Qal li dakinhar l-STS Ates, illum ST Microelectronics bdiet topera f'Malta b'127 impjegat. Qal li llum 35 sena wara, din hi l-akbar kumpanija f'Malta li ġiet b'investiment dirett barrani. Il-Prim Ministru qal li l-investiment tal-kumpanija Crane f'Malta juri l-ħidma sfiqa tal-Gvern u t-twemmin ta' pajjiżna li verament jista' jibdel l-isfidi f'opportunitajiet. Saħaq li din qed turi li l-globalizazzjoni hu proċess fejn wieħed irid ikun innovattiv u proattiv.
Joseph Muscat tenna li "bdejna niddiskutu ma' Crane fl-istess żmien li kumpanija oħra kienet iddeċidiet li tirristruttura l-operazzjonijiet tagħha f'Malta. Din ma baqgħetx fuq l-istampar tal-flus imma se tkun qed topera f'settur ieħor. Waqt li appoġġjajna lil din il-kumpanija biex tinvesti f'settur ġdid u tibqa' f'Malta, kemm il-kumpanija Crane kif ukoll il-Gvern raw opportunità ġdida. Bl-investiment tal-kumpanija Crane, mhux biss qed nipprovdu alternattiva lil dawk li kienu qed jaħdmu mal-kumpanija li kienet tistampa l-flus, imma anke qed noffru karrieri ġodda f'impjiegi ta' kwalità għaż-żgħażagħ. Il-Prim Ministru spjega li f'dawn l-aħħar tlett snin il-pajjiż irnerxxielu jattira investiment miċ-Ċina, l-Istati Uniti, Turkija, Singapore, Islanda, Ġordan, l-Indja, l-Ażerbajġan, l-Iżrael u mill-Ewropa. Spjega li l-investiment dirett barranin f'Malta tela' għal €333 miljun.
Il-Prim Ministru qal li issa Crane se tingħaqad ma' kumpaniji oħra Amerikani f'Malta fosthom il-Baxter, Cardinal Health u Methode.
Stephen de Falco, CEO ta' Crane, f'diskors li għamel
li xxandar b'mod dirett lill-ġurnalisti qal li l-faċilità ta' Malta se
tkun state of the art. Qal li Crane temmen f'relazzjonijiet
fit-tul. “Nemmnu li se nistabilixxu ruħna f'Malta. Il-kumapnija għandha
investiment fl-Iżvezja u f'pajjiżi oħra. Dan l-investiment f'Malta huwa
l-kulminu ta' 15-il sena ta' espansjoni min-naħa ta' Crane,” qal de
Falco.
Min-naħa tiegħu, iċ-Ċermen tal-Malta Enterprise,
William Wait, qal li f'25 sena kemm ilu fis-settur tal-manifattura, dan
huwa l-akbar proġett. Qal li dan se jkun investiment li se joħloq
impjiegi ta' kwalita. Qal li dan se jseħħ filwaqt li l-kumpanija De La
Rue se tibqa' hawn hekk, għalkemm se tbiddel in-niċċa tas-suq tagħha.
Qal li dan l-investiment juri li Malta qabdet triq globali. Qal li
fl-aħħar snin f'Malta ġie iunvestiment mill-Ġordan, Iżlanda, Indja u
issa l-Istati Uniti. Dan filwaqt li kumpaniji bħal Maltin bħal Farsons
qed ikomplu jespandu. Qal li bejn l-2013 u l-2015 l-Malta Enterprise
approvat 80 invstiment barrani, meta mqabell mat-13 tat-tliet snin ta'
qabel.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Evarist Bartolo qal li
Malta qed tiddiversifika s-setturi ekonomiċi. Qal li dan l-investiment
fis-settur tal-manifattura avvanzata, se joffri impjiegi ta' kwalità.
Qal li l-Gvern irid li jkunu l-Maltin li jitħarrġu biex ikollhom
il-ħiliet meħtieġa. “Irridu li Crane topera bin-nies tagħna,” qal
il-Ministru Bartolo.
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home