Daqshekk gabbani ġodda fuq art pubblika
Il-kwistjoni ta' proposta għall-bini ta' gabbana fil-pjazza tal-Mosta, kwistjoni li inewsmalta.com żvela ftit jiem, issa qed issib oġġezzjonijiet kemm mis-Sovrantendenza għall-Wirt Kulturali, li qalet li din il-proposta se jkollha effett negattiv fuq iż-żona b'mod partikolari ir-Rotunda tal-Mosta. Min-naħa tagħha, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) ukoll irreaġixxiet mal-Awtorità tal-Ippjanar u qalet li mhux jingħataw liċenzji ġodda għal gabbani fuq art pubblika. Ta' min jgħid li l-proposta biex tintrama gabbana ħdejn il-knisja tal-Mosta, biswit il-parkeġġ li hemm ħdejn iċ-ċentru tas-saħħa, għaqqdet il-kunsillieri Mostin kontriha.
F’laqgħa li ssejħet ftit jiem ilu kemm il-kunsillieri Laburisti kif ukoll dawk Nazzjonalisti ħadu pożizzjoni kontra l-proposta ta’ Martin Vella li applika biex jarma l-gabbana. Il-kunsillieri jinsabu konvinti li għalkemm l-applikazzjoni hija għal ‘mobilie kiosk’ eventwalment din issir tal-post u wara konsultazzjoni mal-perit tal-kunsill ġie deċiż li tintbagħat ittra liċ-Ċermen tal-Awtorita tal-Ippjanar bl-oġġezzjonijiet għal din l-applikazzjoni. Is-Sindku Mosti Edwin Vassallo kien diġa għamilha ċara li huwa ma jaqbilx mal-gabbana u minbarra li jlaqqa’ lill-kunsill biex jieħu pożizzjoni ħalli l-messaġġ jasal għand l-Awtorita tal-Ippjanar appella lir-residenti biex jappoġġjaw lill-kunsill kontra din il-proposta. Uħud mir-residenti wieġbu għas-sejħa tas-Sindku u eks-membru parlamentari Nazzjonalista u bdew jiġbru petizzjoni li fiha qed jgħidu li ma jridux dan l-iżvilupp fil-pjazza. Anke ċ-Ċerpersin tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef ħareġ kontra l-proposta li iddeskriva bħala “oxxena” u appella lill-membri parlamentari li joħorġu fuq id-distrett tal-Mosta biex ukoll jopponuha.
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home