''Riskju ta' traġedja'' fil-Birgu
“Hawn riskju ta' traġedja. Din it-triq għandha partijiet minnha li huma mikulin mill-baħar minn taħt. Jiġifieri it-triq hi vojta minn taħt. Hawn riskju li tisfronda b'xi karozza." Tistaqsihom jekk tkellmux mal-kunsill u jgħidulek li l-kunsill ilu jagħmel pressjoni biex din it-triq tiġi rranġata mill-qiegħ u jitneħħa dan il-periklu. "Jiddispjaċina ngħidu li sa issa, għadha ma ttieħdet l-ebda azzjoni. X'qed nistennew li ssir xi traġedja". Dawn kienu kummenti li għaddelwna persuni li jiffrekwentaw Triq ix-Xewkija li tinsab fuq in-naħa l-oħra tal-Forti Sant Anġlu jiġifieri tħares lejn il-Kalkara. Wieħed mill-Ġirbin li tkellem ma' L-ORIZZONT qalilna li "nista' nurikom kif hawn żoni taħt it-triq li ttieklu mill-baħar. Meta l-baħar ikun mill-Grigal dan jidħol b'ċertu saħħa. Dan spiċċa nawwar it-triq minn taħt. Hawn partijiet fejn minnhom jibda tiela' l-ilma meta jkun il-baħar qawwi. Dan jurik li hemm il-vojt. Issa x'qed nistennew li tisfronda meta jkunu għaddejjin xi karozzi? Hemm bżonn tittieħed azzjoni".
L-ORIZZONT għamel kuntatt mas-Sindku tal-Birgu, John Boxall. Hu qalilna li "l-istat ta' din it-triq jinsab fi stat ħażin ħafna. Għandna indikazzjoni ċari li partijiet taħt it-triq huma vojti. Hemm periklu kbir. Għandek fuq naħa tal-Birgu fejn hemm ir-ristoranti it-triq hi rranġata u fuq in-naħa l-oħra triq diżastru. Din jekk titranġa, tkun tista' tifforma parti minn waħda mill-isbaħ mixjiet li tibda mill-Isla u tibqa' sejra sa Bighi. Il-biża' tagħna hu li din it-triq tista' tisfronda. Kellna għadd ta' talbiet minn sewwieqa biex inħallsuhom ta' ħsarat li solvew. Kellna parti mit-triq li kienet inġarret mill-baħar waqt maltempata. Hemm persuna li tinżel togħdos hemm għall-ħniex li infurmatna li hemm partijiet mit-triq vojta. Irrid ngħid li għal din it-triq kien hemm proġett li kien ġie approvat mill-amministrazzjoni ta' qabel. Dan il-proġett imma qatt ma twettaq. Nistaqsi: għaliex din it-triq qed titħalla f'din l-istat? Bħala kunsill m'għandniex fondi biex nagħmluha din għax trid tinqala' mill-qiegħ. Żgur li hemm mezzi biex l-awtoritajiet isibu fondi għaliha anki fondi Ewropej. Nitlob li tiġi rranġata qabel issir xi traġedja", qalilna s-Sindku John Boxall.
minn inewsmalta.com
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home