Art pubblika okkupata
Għadd ta' persuni li jiffrekwentaw żona partikolari fl-Armier qed jilmentaw mill-mod kif fl-aħħar snin art madwar kamra għad-dgħajjes spiċċat okkupata minn għadd ta' dgħajjes xi wħud mhux fi stat tajjeb li jbaħħru. Mhux hekk biss imma anki saret grada tal-ħadid u inbena ħajt u pilastri. L-ORIZZONT stħarreġ fuq dan u bagħat ritratti lill-Awtorità tal-Ippjanar fejn f'risposta li taw qalu li hi prassi li jinżammu d-dgħajjes qrib kamra għad-dgħajjes. Meta L-ORIZZONT reġa' staqsa jekk il-pilastru u grada hux koperti b'permess u jekk xi ħadd jistax iħalli dgħajjes fuq art pubblika qrib il-kamra tad-dgħajsa, u wara li bgħattnilhom surveys' antiki tas-sit, huma infurmawna li 'inħarġet ordni ta' infurzar fuq il-grada tal-ħadid'. Dwar id-dgħajjes li qed jokkupaw l-art qalu li mhux kompitu tagħhom li jaraw l-istat tad-dgħajjes u l-mod ta' kif u fejn qed jinżammu. Persuni li jiffrekwentaw iż-żona qalulna li "hemm żona madera il-kamra li hi litteralment okkupata minn dgħajjes u materjal ieħor. Hemm xi ħames dgħajjes. Sa fejn nafu aħna f'kamra dgħajsa waħda tista' żżomm. Hemm xi wħud minnhom niddubitaw kemm huma tajbin għat-tbaħħir. Sa fejn nafu aħna ukoll hu li dgħajsa ma tistax tinżamm barra. Konna qajjimna l-każ mal-awtoritajiet imma ma sar xejn. Inbena ħajt b'pilastri, saret grada, u anke sar il-madum. Hemm parti anki jinħarġu mwejjed u siġġijiet. Min se jara li tittieħed azzjoni?", qalilna l-istess persuna. Meta staqsejna lill-Awtorità għall-Ippjanar dwar jekk hemmx permessi u dwar l-art li qed tiġi okkupata, ir-risposta li tawna kienet tgħid li "l-Awtorità tagħmel referenza għall-mistoqsija li bgħattilha.
Wara l-investigazzjonijiet li saru dwar dan l-ilment jirriżulta li l-dgħajjes qed jistrieħu fuq l-art biswit struttura mibnija qabel l-1968 li hi viċin slipway. Hija prassi komuni li dgħajjes jkunu mistriħa maġenb kmamar għad-dgħajjes jew fuq ix-xtajta viċin il-baħar."
Meta L-ORIZZONT reġa' staqsa mill-ġdid fosthom dwar il-grada u l-ħitan, l-awtorità qaltilna li "l-kmamar kollha f’din l-akwata ma jidhrux fir-ritratti tal-ajru tas-sena 1967, iżda jidhru fir-ritratti tal-ajru tas-sena 1978. Il-kamra suġġetta għall-mistoqsija ma tidhirx li kibret minn dakinhar 'l hawn. Il-lok fejn jinżammu d-dgħajjes, jiġifieri biswit slipway, hija prassi komuni filwaqt li l-istat li jinsabu fih id-dgħajjes u l-manjiera ta’ kif jinżammu ma jaqgħux taħt il-kompetenza tal-Awtorità tal-Ippjanar. Mill-investigazzjonijiet li saru, ma rriżultax li hemm xi aċċess li qed jiġi ingumbrat u anke l-aċċess għal-bajja huwa liberu. Fil-preżent hemm grada tal-ħadid li hi mpoġġija bħala miżura ta’ sigurtà mill-okkupant tal-art u din għandha titneħħa wara struzzjonijiet li ngħataw lill-okkupant mill-uffiċjali tal-Awtorità."
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home